Il-MICAS se jiġi inawgurat fl-2024 b’għażla brillanti ta’ artisti internazzjonali
Joana Vasconcelos, l-artista kunċettwali rinomata Portugiża li l-iskultura tagħha ssaħħar lil miljuni ta’ nies, se tkun mistiedna tal-MICAS matul l-2024
Din is-sena, għażla brillanti ta’ artisti viżjonarji mistennija jiddefinixxu mill-ġdid x-xena kulturali Maltija. Il-Malta International Contemporary Art Space (MICAS) qed iħejji għall-ftuħ grandjuż tiegħu b’għażla ta’ artisti li se jpoġġu lil Malta fuq il-mappa tal-arti globali. L-artista kunċettwali Portugiża Joana Vasconcelos, l-artist Afrikan-Amerikan Reggie Burrows Hodges kif ukoll survey artistiku minn Milton Avery b’xogħlijiet ta’ artisti kontemporanji ispirati minnu stess, se jkunu l-punti sensazzjonali ewlenin tal-ewwel mużew ta’ arti kontemporanja f’Malta u tal-programm maħdum b’reqqa ta’ ħames esebizzjonijiet diversi li se jittellgħu mill-ftuħ tiegħu sal-2026.
Il-MICAS se jiġi inawgurat f’Ottubru tal-2024, u l-pubbliku se jkun jista’ jgawdi mill-fortizza rrestawrata tas-seklu sbatax tal-Ospizio, spazji ta’ galleriji espansivi fuq ġewwa, ġonna ta’ skultura fil-miftuħ, u kafetterija.
Min-naħa tagħha, id-Dirtettur Artistiku Edith Devaney qalet li l-proċess ta’ għażla ġie żviluppat b’reqqa biex b’hekk jiġu ppreżentati esebizzjonijiet tal-ogħla kwalità. Dwar dan il-proċess Devaney, li sa ftit ilu kienet Kuratriċi veterana tar-Royal Academy of Arts ta’ Londra tistqarr, “huwa proċess li jiżviluppa ideat oriġinali u jonora d-diversità, waqt li wkoll jiżviluppa relazzjonijiet ma’ artisti u mużewijiet globali.”
Permezz ta’ Vasconcelos – li riċentament ġiet ikkummissjonata biex tfassal l-istejġ għal Chrisitan Dior waqt il-Paris Fashion Week 2023-2024 – l-esebizzjoni tal-ftuħ tal-MICAS se tkun imlewna u eżuberanti, daqskemm relevanti, reżonanti mal-viżitaturi kemm lokali kif ukoll internazzjonali.
Devaney tikkummenta wkoll li “l-qalba tal-għażla tal-installazzjonijiet li jiffokaw fuq id-domestiku se jiġu ppreżentati flimkien ma’ tliet xogħlijiet ewlenin marbutin mal-element kontemplattiv tal-eżistenza umana - Tree of Life, The Garden of Eden u Valkyrie Mumbet.”
Għal-esebizzjoni tagħha, Vasconcelos se timpenja ruħha b’mod profond ma’ Malta, u se tiċċelebra wkoll l-arkitettura kontemporanja tal-MICAS. Xogħolha se jiġi ppreżentat fil-bini, li għadu ġebel u saqaf, qabel l-installazzjoni tal-istruttura interna tal-mużew, li jiżvela s-sbuħija naturali tal-ħitan skavati u storiċi tal-Ospizio mdawla bid-dawl naturali li jidħol fihom.
Devaney tkompli li, “l-esebizzjoni ta’ Joana Vasconcelos tippreżenta l-esebizzjoni inawgurali perfetta għall-MICAS minħabba li tistieden lill-viżitaturi biex jidħlu fil-viżjoni maġika tagħha u permezz tagħha jesploraw il-mużew u l-kampus tiegħu.” Devaney iżżid li l-artisti internazzjonali li jaħdmu mal-MICAS jintalbu jippromwovu lil Malta u l-kultura tagħha bħala mod kif jersqu lejn l-għażla u l-pożizzjonar ta’ xogħolhom fil-galleriji. F’Novembru tal-2024, il-MICAS se jiċċelebra wkoll skultura ewlenija, li għadha kif ġiet ikkummissjonata lill-artist rinomat Malti Ray Pitrè, li se titqiegħed b’mod permanenti u prominenti fil-kampus bħala parti mill-kollezzjoni permanenti tal-MICAS.
Phyllis Muscat, il-Kap Eżekuttiv u l-President tal-bord tal-MICAS tistqarr li, “Inħossuna kburin li l-programm tagħna jistabbilixxi identità għal dan il-mużew kontemporanju fix- xena ppakkjata tal-arti globali waqt li wkoll jikkonferma mill-ġdid l-indipendenza artistika tagħna.”
“Huwa dan li jaqta’ lill-MICAS minn-organizzazzjonijiet kulturali oħrajn iffinanzjati mill- gvern u jdaħħalna f’paralleliżmu ma’ mużewijiet oħrajn internazzjonali mingħajr skop ta’ qligħ.”
Esebizzjonijiet fil-futur
Esebizzjonijiet oħrajn fil-futur se jinkludu xogħlijiet tal-artist Milton Avery, li juża diversi lwien bl-akbar sengħa – u li influwenza artisti bħal Barnett Newman u Mark Rotho – u ta’ Reggie Burrows Hodges, b’esebizzjoni ġdida ta’ xogħol, li ħafna minnu nħoloq speċifikament għall-MICAS.
Korp ta’ pitturi mill-artist Amerikan Milton Avery, li huwa rispettat minn ħafna se joħloq preċedent għal Malta fl-2025 minħabba li rarament ix-xogħlijiet tiegħu jidhru fl-Ewropa. Flimkien ma’ bint l-artist, March Avery u oħrajn, fosthom l-artist Brittaniku Gary Hume u l-arti Żvizzeru Nicolas Party, l-esebizzjoni se tkun studju affaxxinanti ta’ kif l-arti kontemporanja għad għandha għeruqha fil-Moderniżmu, u tikxef id-dejn tal-artisti lejn il-kompożizzjonijiet ta’ Avery u l-approċċ uniku tiegħu lejn il-kulur.
Fl-2026, l-artist Afrikan-Amerikan Reggie Burrows Hodges se jġib miegħu narrattiva viżiva li tesplora mistoqsijiet dwar l-identità, il-komunità u l-memorja. Dwar dan, Devaney tikkummenta li, “Wieħed mis-sisien tal-programm se jkun li jservi ta’ vetrina għal xogħlijiet ta’ artisti globali li kisbu rikonoxximent għall-approċċ uniku tagħhom biex joħolqu l-arti.”
L-arti kontemporanja Maltija
Fl-2025, "“Malta in Focus” se tospita artisti ewlenin kontemporanji ta’ Malta bil-għan li twassal il-kobor ta’ xogħlijiethom. Fost dawn l-artisti se jkun hemm Caesar Attard, Austin Camilleri, Joyce Camilleri u Anton Grech. Dwar din l-esebizzjoni, Devaney tikkummenta li “Din turi l-impenn tal-MICAS biex jiċċelebra l-arti Maltija fl-ogħla forma tagħha u biex itellagħha fuq stejġ internazzjonali.”
Din l-esebizzjoni kkurata tal-MICAS se tinkludi artisti kontemporanji ewlenin ibbażati f’Malta. L-għażla u l-installazzjoni tagħhom se jduru madwar il-kunċett ta’ spazju immaġinat, u se jkollha artisti minn ġenerazzjonijiet u media diversi biex turi l-għana tal- prattika kontemporanja Maltija.
Il-MICAS, proġett ta’ €30 miljun, huwa ffinanzjat parzjalment mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u għandu l-għan li jsaħħaħ l- infrastruttura kulturali ta’ Malta permezz tal-pjattaforma tiegħu għall-arti kontemporanja u l-internazzjonalizzazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv Phyllis Muscat, li rat lill-MICAS jissawwar matul dawn l-aħħar ħames snin ta’ kostruzzjoni, tistqarr li “Il-missjoni tal-MICAS hija li jippromwovi l-arti kontemporanja billi joħloq kuxjenza pubblika lejn is-sinifikat tal-arti viżiva fuq il-ħajja kontemporanja, u billi jipprijoritizza l-mod kif l-arti u l-artisti jikkontribwixxu għal kif niżnu u ninterpretaw id- dinja li ngħixu fiha.”
Fil-ħidma tiegħu lejn l-2024, il-MICAS esebixxa xogħlijiet f’diversi mkejjen fil-miftuħ madwar Malta ta’ artisti bħal Conrad Shawcross, Ugo Rondinone, Pierre Huyghe, Cristina Iglesias u Michele Oka Doner.