Kotba | Mill-pinna tal-Malti emigrant
Daniel Cossai jiskopri għadd ta’ ilħna Maltin Minn Xtut in-Nil grazzi għall-antoloġija ta’ novelli mitbugħa minn SKS Publishers fl-2023.
Hija komuni l-idea li l-kitba bil-Malti toħroġ biss minn dawn il-gżejjer f’qalb il-Mediterran, iżda din mhix sewwasew preċiża. Bħal kull ġens ieħor, il-Maltin tul is-snin infirxu mal-erbat irjieħ. Minbarra l-komunitajiet li kulħadd jaf bihom fir-Renju Unit, l-Awstralja, il-Kanada, u iktar riċenti, fi Brussell u l-Lussemburgu, fi tmiem is-seklu dsatax u l-bidu tas-seklu għoxrin kien hemm ukoll ħafna emigrazzjoni lejn il-pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq.
Fosthom kien hemm ukoll diversi kittieba. Forsi l-iktar magħruf huwa l-Għawdxi Laurent Ropa, li għex il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu fl-Alġerija. Għalkemm Ropa kien jikteb bil-Franċiż, għamel ħafna sforzi biex jippromovi l-identità ta’ Malta fil-letteratura u biex jiġbed l-attenzjoni tax-xena internazzjonali lejn il-kitba Maltija, fost oħrajn permezz tat-traduzzjoni. Kien hemm oħrajn, iżda, li baqgħu jiktbu bil-Malti.
Fl-1936, fl-Eġittu, twaqqfet ix-Xirka għat-Tixrid tal-Qari Malti. Kif jimplika isimha, din l-għaqda ħadmet qatigħ biex tippromovi l-qari tal-letteratura Maltija fost il-komunità tal-emigranti fl-Eġittu, pereżempju billi kienet twassal lejn l-Eġittu l-kotba ppubblikati f’Malta. Iżda għamlet iktar minn hekk. Il-Maltin, li kienu jiktbu u jippubblikaw ħafna gazzetti fl-Eġittu, kienu qegħdin joħorġu diversi xogħlijiet letterarji ta’ kull tip. Konxja ta’ dan, fl-1937 ix-Xirka ħarġet ġabra ta’ tnax-il storja miktuba bil-Malti minn awturi differenti fl-Eġittu, bl-isem Minn Xtut in-Nil. Din il-ġabra reġgħet inħarġet f’edizzjoni ġdida fl-2023 minn SKS, bl-għajnuna tal-Fond Malti tal-Ktieb.
Għandna tmien awturi b’kollox; uħud kitbu iktar minn storja waħda, speċjalment Ivo Muscat Azzopardi, wieħed mill-fundaturi tal-għaqda, li mhux biss huma inklużi erba’ stejjer oriġinali minn tiegħu, iżda wkoll ittraduċa jew ikkotraduċa tliet kontribuzzjonijiet oħra. It-tmien kontributuri huma varjati, kemm fl-istil, kif ukoll fil-maturità tal-kitba. Dan għaliex l-imħuħ wara l-ġabra ma fittxewx biss li jwasslu xogħlijiet minn kittieba stabbiliti, iżda ħeġġew ilħna ġodda. Jispikka fost dawn Salem Ħassan, li fil-fatt ma kienx Malti, iżda tgħallem jikteb bil-Malti. Notevoli wkoll huma ż-żewġ kittieba nisa, Marie Greck u Mary Said. Tal-ewwel, ta’ nisel Malti iżda li ma kinitx tikteb bil-Malti (iż-żewġ stejjer tagħha fil-ktieb huma tradotti), kienet kittieba pjuttost prolifika, u għadd ta’ kitbiet tagħha kienu kisbu popolarità fil-Greċja. Tal-aħħar hija waħda mill-ilħna ġodda mħeġġa mix-Xirka, li ttraduċiet storja tagħha stess miktuba bil-Franċiż.
Ir-ripubblikazzjoni ta’ dan il-ktieb fi żmien ta’ interess dejjem jikber, fl-istudji letterarji madwar id-dinja, fir-rwol tan-nisa fil-letteratura tal-imgħoddi, mela, iġib għall-attenzjoni tagħna żewġ figuri minsija. Marie Greck u Mary Said huma kittieba Maltin kontemporanji, bejn wieħed u ieħor, ta’ Mary Meylak, normalment meqjusa bħala l-unika kittieba mara prominenti ta’ żmienha.
Il-qagħda tan-nisa, fil-fatt, hija wieħed mill-aspetti rikorrenti f’dawn l-istejjer, stejjer li, minkejja li nkitbu minn nies differenti, xorta jidher li għandhom ħajta komuni li tgħaqqadhom. F’dawn l-istejjer ambjentati – ħlief f’żewġ każijiet – barra minn xtutna, l-emanċipazzjoni tan-nisa tidher li kienet iktar avvanzata milli kienet f’Malta fl-istess żmien. Fi stejjer bħal ‘Nisa!’, ‘Fuq it-Tramm’ u ‘Rosette’, naraw nisa ħaddiema li jaqilgħu huma stess dak li għandhom bżonn u jiksbu indipendenza finanzjarja. Diversi stejjer imbagħad jittrattaw il-qagħda tan-nisa minn lenti oħra, dik tas-soppressjoni fil-konfront tal-patrijarkija u b’mod partikolari permezz tal-istituzzjoni taż-żwieġ. Din tispikka l-iktar f’‘Nisa!’, fejn nibqgħu ma nsirux nafu sewwasew x’inhi l-biċċa, imma wkoll f’‘Qerq!’, sa ċertu punt, li tittratta l-bidla fix-xorti ta’ mara popolari mill-ħajja tax-xalar bħala żagħżugħa għall-ħajja miżżewġa lill-Baruni Vom Stonberg, li kien jgħir jaraha tiddieħak ma’ ħaddieħor, għira li toħloq propju kawża għall-għira hekk kif l-issikkar li tħoss iwassal biex titħaddan ma’ ħaddieħor. Imbagħad għandna wkoll stejjer fejn in-nisa, b’diversi modi, jegħlbu l-forza tal-irġiel u joħorġu rebbieħa: mill-ġdid ‘Nisa!’, u wkoll ‘Fit-Theżżiża ta’ Malta tas-Sena 1887 u ‘Il-Għażla ta’ Klara’.
L-istejjer kollha għandhom xeħta tal-istil li l-kittieba kienu mdorrijin jaqraw f’xogħlijiet Maltin minn Malta. Hemm ċertu sens ta’ familjarità fil-mod kif jiġu deskritti l-postijiet li għadhom komuni fostna l-Maltin, qisu għalina huwa ovvju, minħabba ċ-ċokon tagħna, li dak li jkun jaf fuq fejn qed nitkellmu. Madankollu dan l-element tal-familjarità hawn huwa applikat għall-infamiljari, anki bejn l-emigranti fl-Eġittu stess, minħabba l-kobor ta’ din il-komunità mifruxa tul l-itwal (jew it-tieni l-itwal, skont lil min tistaqsi) xmara fid-dinja. Minn ‘Is-Sarraf’, pereżempju: “kienu waslu f’dak l-isqaq li hemm sew sew taħt Kom-in-Nadura”. U l-awtur konxju ta’ din l-infamiljarità; fil-fatt, jiftaħ proprju bis-sentenza: “Għal min ma jafx, għax qatt ma għex f’Lixandra, din il-belt hija miżgħuda bi ħwienet żgħar li jbigħu s-sigaretti.” Bħala storja, ‘Is-Sarraf’ b’mod ġenerali hija waħda mill-iktar li tambjentana fil-post.
U l-post huwa kważi dejjem barrani, ġeneralment fl-Eġittu. Għalhekk, minkejja li l-istejjer huma pjuttost universali, fit-temi li jittrattaw u l-affarijiet li jiġru, l-esperjenza personali tal-kittieba bħala emigranti jew tfal ta’ emigranti f’kolonja hija riflessa dejjem. Ir-rabta bejn l-ambjent fejn issir il-kitba, u l-kitba nnifisha, ma nistgħux naħarbu minnha.
Fid-daħla, l-edituri oriġinali jiktbu li l-kontributuri “għandhom aktar ħeġġa minn ħila; u, għal xi wħud minnhom, il-kitba li se taqraw hija bidu tal-istħarriġ tagħhom fis-sengħa tal-kitba Maltija.” F’ċerti mumenti, din tinħass. ‘Id-Dmir’ tispiċċa bi klixè li qisu ħareġ mill-pitazzi tal-iskola. Il-ġabra b’mod ġenerali tispiċċa fuq nota dgħajfa; tnejn mill-aħħar tliet stejjer, ‘L-Imherwel’ u ‘Il-Għażla ta’ Klara’, huma bil-qabda l-aktar tnejn dgħajfa, fil-fehma tiegħi. Iżda b’mod ġenerali, għal kitbiet minsija, huma tajbin. F’kull storja hemm sens ta’ misteru li jħallilek kurżità dwar x’se jiġri, element essenzjali f’kitbiet tant qosra fejn hemm inqas lok għall-iżvilupp tal-karattri.
Fi żmienha, ix-Xirka kienet popolari anki f’Malta. Biż-żmien ix-xogħlijiet li ħarġet intesew, u ħasra. Din l-edizzjoni ġdida tagħtina l-opportunità niskopru mill-ġdid din il-parti tal-wirt letterarju tagħna, u nagħtu lill-kitba Maltija l-ġieħ li jistħoqqilha bħala letteratura usa’ milli naħsbu.