Kotba | Kunflitt u Rikonċiljazzjoni
Daniel Cossai jirrifletti fuq id-duwalità għanja tat-traduzzjoni permezz ta’ Lejl in-Nar (Faraxa Publishing, 2024) ta’ Éric-Emmanuel Schmitt, miġjub għall-Malti minn Toni Aquilina
Fil-bidu kien hemm il-Kelma. Hekk jiftaħ il-Vanġelu ta’ San Ġwann, u jekk inwarrbu r-reliġjuż u nassumu perspettiva sekulari, diffiċli ma naqblux. Il-Kelma, il-lingwa, fost il-karatteristiċi ewlenin li jiddistingwu l-bniedem minn ħlejqiet oħra, hija l-bażi tal-istorja tal-bniedem. U mal-Kelma, it-traduzzjoni. It-tradutturi minn żmien żemżem kellhom rwol essenzjali fit-trasferiment tal-ideat, fejn jippermettu l-konċentrazzjoni densa ta’ ideat, tisplodi u timraħ ’il barra minn komunità mikroskopika globali bil-forza tal-Big Bang biex tħalli impatt globali.
L-essenza tat-traduzzjoni paradossali: it-traduzzjoni hija kemm kunflitt u kemm rikonċiljazzjoni. Dawn qishom żewġ naħat tal-istess munita. Min-naħa, it-traduzzjoni tfisser li jiltaqgħu żewġ lingwi, fejn waħda taħkem lill-oħra, tieħu t-test tal-barrani u tagħmlu tagħha. U min-naħa l-oħra, tqarreb żewġ komunitajiet u tgħaqqadhom f’ħaġa waħda.
Is-sens ta’ kunflitt u rikonċiljazzjoni rifless fit-traduzzjoni kważi kważi huwa parti essenzjali mill-kundizzjoni umana; il-kunflitt intern kostanti jagħmilna bnedmin. Ħu lil Charles de Foucauld, pereżempju, li kien, inizjalment, suldat fl-armata tal-Imperu Franċiż li ċaħad il-fidi Nisranija, u wara kkonverta, sar qassis, u mar jgħix fid-deżert tal-Alġerija fejn xandar il-Kelma t’Alla. Suldat u kolonjalist, min-naħa, devot u beatu, mill-oħra — żewġ naħat tal-istess munita.
Huwa proprju Charles de Foucauld li jagħti l-bidu għall-ġrajja f’Lejl in-Nar, rakkont awtobijografiku tal-awtur Franċiż-Belġjan Éric-Emmanuel Schmitt, maħruġ bil-Franċiż fl-2015 u bil-Malti, fi traduzzjoni ta’ Toni Aquilina, minn Faraxa fl-2024. Schmitt jirrakkonta kif, bħala żagħżugħ, dak iż-żmien ateu, intbagħat l-Alġerija għal xi jiem bi preparazzjoni għall-ġbid ta’ film dwar il-ħajja ta’ De Foucauld. Tal-aħħar, min-naħa tiegħu, kien mar l-Alġerija biex jgħix mat-Twareg, nies nomadi. U Schmitt l-istess għamel f’dawn il-jiem.
Fil-fatt, dan l-episodju qasir mat-Twareg fl-Alġerija kien biss il-bidu tal-parallelliżmu ma’ ħajjet De Foucauld. Il-vjaġġ kellu jnibbet fih kunflitt intern bejn dak li dejjem emmen b’konvinzjoni u dak li wasal għandu, bit-trasferiment tal-ideat, li eventwalment kellu jirrikonċilja fih innifsu fi speċi ta’ konverżjoni għall-bniedem li llum isejjaħ ruħu ‘anjostiku li jemmen’. Dan, essenzjalment, hu Lejl in-Nar. It-titlu jirreferi għall-konverżjoni ta’ eks ateu Franċiż famuż ieħor, Blaise Pascal. Filwaqt li fil-wiċċ Lejl in-Nar huwa r-rakkont tal-vjaġġ fl-Alġerija, in-naħa l-oħra tal-munita hija xi ħaġa iktar profonda minn hekk: ir-revelazzjoni li ġarrab l-awtur hemmhekk, li ħalliet effett profond mhux biss fuq il-ħajja ta’ Schmitt, iżda anka fuq xogħlu; numru sew ta’ kitbietu jittrattaw ir-reliġjon.
Il-ġeneru tal-memoir, fil-letteratura Maltija, mhuwiex komuni wisq. Iżda fil-bidu hemm il-Kelma, u mal-Kelma, it-traduzzjoni. L-att ta’ traduttur huwa inizjatur; iġib test barrani għal-letteratura lokali, forsi fil-bidu joħloq kunflitt, iżda potenzjalment, eventwalment jinqara mill-kittieba lokali, jinfluwenzahom, u jikkawża bidla fil-letteratura lokali — ir-rikonċiljazzjoni. Għalkemm il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-awturi għandhom aċċess għall-istess test b’lingwi oħra, it-traduttur iservi ta’ kuratur billi jagħżel minn miljuni ta’ testi liema għandu jġib għall-attenzjoni tal-komunità. Għalhekk, għalkemm inviżibbli, l-att tat-traduttur huwa potenti.
Ir-rakkont jalterna bejn siltiet deskrittivi, bi kreattività liema bħalha li tagħmilha faċli ħafna timmaġina dak deskritt bis-sensi kollha, u mumenti ta’ riflessjoni filosofiċi. Kif għidna, it-traduzzjoni hija dejjem f’kunflitt bejn kliem l-awtur u kliem it-traduttur. Wieħed jilmaħ is-similitudnijiet u frażijiet kreattivi oħra tal-awtur oriġinali, li jixhdu l-lealtà tat-traduttur lejn l-awtur, li iżda jrendihom spiss b’Malti naturali u b’kapaċità fenomenali li impossibbli ma tapprezzahiex.
Spiss, imma mhux dejjem. Hemm mumenti fejn il-Malti tan-narratur kważi jinħass qisu l-Malti kif jitkellmu barrani, minħabba xi prepożizzjoni nieqsa jew xi għażla partikolari. Jista’ jkun, biex inkun ġust, li din hi għażla konxja mit-traduttur biex ifakkarna li mhux qed naqraw ktieb miktub minn Malti, iżda ma naħsibx. Ma ssirx b’biżżejjed konsistenza biex tissuġġerixxi hekk. Jispikka wkoll ċertu sforz partikolari favur is-saff Semitiku tal-Malti. Minn banda jagħmel sens, bħala test ibbażat fl-Alġerija, iżda ma nistgħux ninsew li Schmitt stess kien barrani f’din l-art, u li l-Franċiż, wara kollox, huwa eqreb tas-saff Rumanz. Hawnhekk forsi tidħol il-politika tat-traduzzjoni, fejn l-interessi tat-traduttur u l-ideat tiegħu jidħlu f’kunflitt mat-test sors, u jsibu ruħhom fil-wiċċ. Irrid ngħid li bl-ebda mod it-traduttur ma jevita n-non-Semitiku għal kollox; fil-fatt insibu kliem bħal ‘buz’, ‘ġins’ u ‘xorz’. Imma dawn jikkuntrastaw, imbagħad, ma’ kelma bħal ‘superswieq’, li qisha ġiet inkluża biss fi sforz li t-traduttur iressaq terminu li jemmen fih, minkejja li l-għan aħħari tat-traduzzjoni hu li tikkomunika l-barrani b’lingwa intelliġibbli. Ta’ min jgħid ukoll li, sa fejn hemm l-idea li s-Semitiku seta’ ntuża b’xi skop narrattiv biex jagħtina togħma tal-element barrani u s-sens ta’ vjaġġar, din titlef ħafna saħħa minħabba li fil-fatt, dan il-kliem Ingliż jikseb is-sens ta’ “barranizzazzjoni” ħafna aħjar.
F’mument minnhom tispikka l-problema tal-qrubija tal-lingwi, ħaġa li t-traduttur ma jistax jagħmel wisq dwarha. Lejla waħda, il-gwida jistaqsi lin-narratur, bit-Tamaxek, x’jismu, mistoqsija li, bejn wieħed u ieħor, qarrej Malti jifhimha, iżda li n-narratur magħmul jitkellem bil-Malti Semitiku ma jifhimhiex. Hawnhekk m’għandniex għażla ħlief li niftakru li l-karattru ma kienx qed jitħaddet bil-Malti. Din problema li ġieli sseħħ fit-traduzzjoni, imma għalkemm spiss huma l-problemi li jispikkaw, bla dubju li mit-traduzzjoni t-test kiseb ħafna wkoll. Wara kollox, dak huwa s-siwi tat-traduzzjoni. Iva, forsi l-qarrej jista’ jaqra l-oriġinali Franċiż, jew traduzzjoni b’xi lingwa oħra. X’nambuh mela il-Malti? Nambuh, għax kull traduzzjoni żżid saff ieħor li jagħmel it-test iżjed għani u jġeddu, frott il-proċess ta’ kunflitt u rikonċiljazzjoni ta’ dik it-traduzzjoni individwali.
Lejl in-Nar huwa l-31 ktieb fis-sensiela Traduzzjonijiet Faraxa. Din id-dar tal-pubblikazzjoni qed timla l-vojt li kien hawn fis-suq Malti f’termini ta’ traduzzjonijiet letterarji. Fil-biċċa l-kbira qed tagħmel biċċa xogħol sew, għalkemm hemm lok għal irfinar; f’dan il-ktieb, pereżempju, innutajt numru ta’ żbalji ortografiċi li waslu sal-pubblikazzjoni. Faraxa jidher li qed tħalli impatt, hekk kif donnu t-traduzzjonijiet maħruġa qed jiżdiedu anki minn djar tal-pubblikazzjoni lokali oħra. L-impatt fuq il-letteratura nnifisha jieħu iżjed żmien biex jimmanifesta ruħu. Forsi għada pitgħada, bis-saħħa ta’ Lejl in-Nar u oħrajn, nibdew naraw il-memoir Malti jieħu sura.