Il-produzzjoni ta’ suċċess ‘It-Teatru tal-Miskin' issa ppubblikata f’ktieb

It-Teatru tal-Miskin jirrakkonta l-istorja fir-raħal kwiet ta’ Ħal Fern; raħal maqtugħ mill-bqija tad-dinja, fejn lanqas il-karozza tal-linja ma tgħaddi. Imma dan ir-raħal huwa miżgħud sigrieti xejn pjaċevoli li jkun aħjar għal kulħadd jekk jibqgħu mistura

L-iskritt tal-musical Malti, It-Teatru tal-Miskin, mill-pinna ta’ Luke Saydon, ġiet ippubblikata fi ktieb. 

Fit-tnedija tiegħu ġewwa Storeroom f’Ta’ Xbiex, il-ktieb ġie maqsum f’qari intimu minn Saydon stess, Ruth Borg u Klara Vassallo. Wara għamlu prestazzjonijiet żgħar Claire Tonna u wħud mill-atturi oriġinali, Thomas Camilleri, Chiara Hyzler u Sean Borg.  

Imtella’ inizzjalment fl-2022, f’tliet teatri madwar Malta u Għawdex, It-Teatru tal-Miskin jirrakkonta l-istorja fir-raħal kwiet ta’ Ħal Fern; raħal maqtugħ mill-bqija tad-dinja, fejn lanqas il-karozza tal-linja ma tgħaddi. Imma dan ir-raħal huwa miżgħud sigrieti xejn pjaċevoli li jkun aħjar għal kulħadd jekk jibqgħu mistura. 

Ġurnata fost l-oħrajn, jaslu f’Ħal Fern truppa ta’ buffi, li sintendi jispikkaw mill-bqija tar-raħal. L-animazzjoni u l-logħob tagħhom jistonaw mhux ftit fit-toroq mundani ta’ Ħal Fern. Huma jtellgħu It-Teatru tal-Miskin, spettaklu li jikxef l-istejjer li Ħal Fern ried midfun fil-fond. L-istejjer li jirrakontaw huma ta’ tifel li ażżarda jilbes takkuna għolja.  

Il-musical, immexxi minn Denise Mullholland b’dramaturġija ta’ Clare Azzopardi, rebaħ il-Premju għall-Produzzjoni tas-Sena fl-edizzjoni tal-2023 taċ-Ċerimonja tal-Premju għall-Arti mill-Kunsill Malti għall-Arti. 

Din il-pubblikazzjoni ġiet iffinanzjata mill-Malta Book Fund 2023 tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Dan huwa disponibbli għax-xiri hawn.

More in Arti