Kotba | Nostalġija għall-‘Missier’
Patrick J. Sammut jitkellem mat-traduttur Toni Aquilina dwar Jugoslav (Faraxa Publishing, 2023) tal-awtriċi Serbjana Ana Vučković
Għaliex l-għażla tiegħek waqgħet fuq l-awtriċi Serbjana Ana Vučković? X’għandha partikolari?
Is-Sinjura Joanne Micallef tal-Pubblikazzjonijiet Faraxa li issa ilni mal-erbatax-il sena nidderieġi l-Kullana Traduzzjonijiet Letterarji li xtaqitni nieħu taħt il-kura tiegħi, ipproponietli lista ta’ sitt kittieba Serbjani biex nagħżel xogħol ta’ awtur jew awtriċi minnhom u naqilbu għall-Malti. Kien il-Ministeru tal-Kultura tar-Repubblika tas-Serbja li ried jisponsorja dan ix-xogħol, xi ftit jew wisq bħalma jagħmel il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fir-rigward ta’ xogħlijiet Maltin li jkun jixtieq jara tradotti f’ilsna oħra.
Minn dawn is-sitt awturi, jiena kont midħla biss tal-isem Ana Vučković, minħabba li kont qrajt dwarha u għalhekk kont naf li tittratta t-tema tal-mewt li tant tinteressa lili wkoll. Meta kitbet Jugoslav, hi kellha ħamsa u tletin sena u l-ktieb kien fost il-finalisti għall-premju prestiġjuż NIN Award u ma damx biex ġie maqlub għall-Ingliż. Kien hawn li skoprejt il-kapaċitajiet tagħha fl-użu tat-teknika magħrufa bħala dik tan-nixxiegħa tal-ħsieb jew tal-kuxjenza.
Biex niftiehmu aħjar, din hija t-teknika li permezz tagħha kittieb jesponi l-esperjenzi u t-tiġrib li jgħaddi minnhom huwa stess (jew il-personaġġi li joħloq), kif jolqtu l-immaġinazzjoni tiegħu mingħajr organizzazzjoni tal-ħsieb partikolari, u jirreaġixxi prattikament kif ġie ġie permezz ta’ monologu hekk imsejjaħ ġewwieni bejn il-livell tal-konxju u dak tal-inkonxju. Wieħed mill-awturi barranin l-aktar li spikkaw fiha din it-teknika kien James Joyce. Fil-Malti kellna xi tentattivi żgħar ħafna bħal f’Samuraj ta’ Frans Sammut u reċentement f’Ħallejtna Bħall-Erbgħa Fost il-Ġimgħa ta’ Sergio Grech.
Għaldaqstant, ġietni x-xoqqa f’moxtha biex nidħol għal sfida li fil-kamp tat-traduzzjoni titqies bħala waħda iebsa ferm u hekk inżid ir-repertorju ta’ kitbiet b’din it-teknika fl-ilsien Malti permezz ta’ ktieb meqjus kapulavur. Għal dan il-għan użajt il-verżjoni Ingliża tal-ktieb maqlub minn Nataša Srdrić bħala pont, jew bridge language.
Aħna u naqraw dan ir-rumanz nibdew nistaqsu jekk dan hux xogħol awtobijografiku, introspettiv jew xi ħaġa oħra. Kif tiddiskrivih inti?
Hu bla dubju ta’ xejn awtobijografiku, introspettiv u ferm u ferm aktar. L-awtriċi ssibha diffiċli tirrassenja ruħha għall-mewt ta’ missierha. U għalhekk narawha tgħaddi mill-emozzjonijiet prattikament kollha fir-rigward ta’ dak kollu li kien imiss miegħu, inkluża mibegħda għax-xjuħ għax missierha qatt ma seta’ jasal sal-età tagħhom. Mela Jugoslav jesprimi n-nostalġija kollha ta’ Vučković għall-‘Missier’ b’emme kbira mwaħħad magħha għal dejjem u mbagħad in-nostalġija għall-‘missier’ b’emme żgħira (jew forsi kbira daqs tal-ewwel) li hi l-Jugoslavja ta’ qabel il-gwerra ‘ċivili’ li rat il-bidu tad-dissoluzzjoni tagħha lejn tmiem is-seklu għoxrin. Din in-nostalġija twassal għal trawma li l-awtriċi tipprova tissupera permezz tal-kitba letterarja fl-istil febrili li tippermettilha t-teknika tan-nixxiegħa tal-ħsieb.
Albert Camus b’mod enigmatiku darba kien qal li hu taha għall-kitba biex ma jkollux għalfejn joqtol. Freud, ferm qabel Camus, kien għamel użu minn terminu, Durcharbeiten, b’referenza għall-mod li bih wieħed jegħleb xi forma ta’ trawma jew oħra. Dan ifisser bejn wieħed u ieħor ‘ħidma sat-tmiem’ minn dak li jkun sabiex tingħeleb trawma li tidher impossibbli wara xi telfa qalila jew oħra f’ħajtu. Jugoslav jagħti xhieda ta’ “ħidma serja sat-tmiem” min-narratriċi biex terġa’ ssib tarf ta’ ħajjitha wara vistu li ma setgħetx tasal f’kompromess miegħu mod ieħor. Jekk irnexxielha toħroġ tabilħaqq mill-vistu doppju dan żgur bis-saħħa tal-pinna letterarja tagħha li hi ta’ kwalità verament għolja.
Minkejja li hu xogħol miktub fil-proża, jinħass spiss lingwaġġ li għandu mill-poetiku. Xi tgħid dwar dan?
Nesprimi s-sodisfazzjon tiegħi bħala traduttur li minn kliemek stess fil-mistoqsija li qed tagħmilli jidher biċ-ċar li rnexxieli naqleb il-poeproża li miżgħud bih ir-rumanz mill-bidu sat-tmiem. Kif jgħid tant tajjeb il-kritiku Srdan Srdić: “... Jugoslav hu l-ewwel u qabel kollox poema eleġijaka li tittratta ż-żmien li l-protagonista qattgħet ma’ missierha, b’enfasi speċjali fuq iż-żmien li fih ġiet assassinata l-Jugoslavja.”
Inħoss li għandi nżid li l-poeproża hi effettiva aktar fil-kitba ta’ Vučković għax, aktar iva milli le, is-sublimi jitqiegħed għas-servizz tal-konvenzjonali. Ara ngħidu aħna x’jidhirlek minn dis-silta meħuda mill-aħħar kapitlu fejn niltaqgħu mal-omm (naturalment l-awtriċi nnifisha) għaddejja minn bejn il-purtieri b’binha fuq ġenbha biex toħroġ ġol-gallarija:
“Ngħaddu mgħaġġlin, ibni u jien ... nitħabtu biex noħorġu fil-gallarija, għal mument nitgeżwru, ninqabdu ġo fihom ... tfakkarni fil-ħlas. La tista’ tmur lura u lanqas ’il quddiem. Raġġ tax-xemx jinfed id-drapp ... ix-xemx qawwija u ibni jkemmex moħħu, ħuġbejh jinbarmu bħal għasafar fil-bogħod.”
U tispiċċa tgħidilna l-awtriċi li meta binha jkemmex ġbinu hekk, ikun jixbah lil missierha. Biċċa poeżija first class!
Naqraw ukoll fuq ir-relazzjoni bejn iċ-ċittadin u l-art fejn twieled. Hu dan rumanz politiku-patrijottiku?
Kif ġa weġibt aktar ’il fuq Vučković, bil-vistu għal żewġ missirijiet, missierha tad-demm u l-laħam u l-Eks Jugoslavja, diffiċli tagħżel bejniethom, liema minnhom l-aktar li ħallieha orfni. Il-personaġġ fit-titlu tal-ktieb jirreferi sew għal missierha proprja kif ukoll għall-elementi soċjo-politiċi, ekonomiċi u kulturali li jintrabtu mal-isem. Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li d-dinja nqalbet ta’ taħt fuq – min kien in-naħa ta’ fuq tas-sellum soċjali qala’ daqqa ta’ ħarta kbira; min kien isfel ra li kienu nfetħu bibien ġodda għalih u għal familtu. Vučković tinqeda bil-kitba b’mod katartiku: missierha u l-Jugoslavja, tixxennaq kemm tixxennaq għalihom, ma jerġgħux jiġu imma jinżammu ħajjin fuq il-livell politiku-patrijottiku.
Il-kitba bħala terapija kontra t-trawma. Xi tgħid dwar dan b’rabta ma’ Jugoslav?
Jidhirli diġà ttrattajt biżżejjed dan l-aspett mil-lat letterarju fi tweġibiet għal mistoqsijiet oħra. Mhux il-każ hawnhekk li wieħed jaċċentwa l-aspett kliniku anki jekk il-ħames sintomi tal-PTSD prattikament jitfaċċaw b’xi mod jew ieħor kollha f’Jugoslav ta’ Ana Vučković.