Kotba | Ħbiberiji Interġenerazzjonali
Daniel Cossai jixħet lenti fuq il-maġija tal-kitba għall-adolexxenti billi jaqra żewġ rumanzi rebbieħa tal-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ: Il-Kulur tal-Lellux ta’ Rita Saliba u 360° ta’ Josianne Block
Kellem lil xi ħadd li jħobb il-qari fuq l-egħżeż kotba għalih u żgur li, fost il-ħafna kotba li ħallew impatt fuqu, isemmilek imqar wieħed jew tnejn li kien iħobb jaqra meta kien żgħir. Il-kotba li naqraw fit-tfulija u l-adolexxenza għandhom xi ħaġa speċjali; qisu naqraw kemm naqraw, uħud minnhom ma ninsewhom qatt. Bla ma kważi nintebħu, jibdew jiftħulna twieqi fuq aspetti tad-dinja, u normalment ikunu huma li jrawmu mħabba għall-qari li eventwalment twassal għal-letteratura “itqal” (ħa nsejħulha hekk) tal-kbar.
Il-kotba ta’ dan it-tip bil-Malti ngħataw spinta tajba bis-saħħa tal-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ, imtella’ mill-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, li mill-ewwel darba li ġie organizzat fl-2011 ’l hawn sar appuntament fiss fil-kalendarju letterarju lokali annwali. Il-konkors għandu l-għan li jħeġġeġ kitba ġdida mmirata lejn adolexxenti ta’ bejn it-13 u t-18-il sena, minn awturi ġodda jew stabbiliti, u mhux biss jippremja l-manuskritt rebbieħ iżda wkoll jgħin lill-awtur jippubblika dak il-manuskritt permezz ta’ għotja ta’ fondi lill-pubblikatur magħżul mill-awtur. Fi kliem ieħor, jirbaħ kulħadd: l-awtur, il-pubblikatur, u xejn inqas, il-qarrejja.
Imma sewwasew x’inhi l-letteratura għaż-żgħażagħ? Għalkemm kemm id-dinja kummerċjali, kif ukoll id-dinja akkademika jħobbu jikkategorizzaw il-kotba f’dawk għat-tfal, għaż-żgħażagħ, jew għall-adulti, l-ebda definizzjoni mhi perfetta għax dawn mhumiex udjenzi esklussivi. Żgħażagħ li jaqraw kotba klassiċi kumplessi “tal-kbar” hawn, bħalma hawn ukoll ħafna adulti li jaqraw il-kotba “taż-żgħar”. Il-kotba għaż-żgħażagħ, fil-fatt, huma varjati daqskemm huma varjati dawk tal-adulti. Insibu kotba tal-fantasija, tal-imħabba, tad-detectives, tal-fantaxjenza, realistiċi … minn kollox. Hija iżjed kwistjoni ta’ mira u enfasi: il-kotba għaż-żgħażagħ jinkitbu b’mod li jkollhom xi ħaġa fihom li tiġbed l-attenzjoni taż-żgħażagħ iktar minn kotba oħra, għalkemm b’daqshekk ma jfissirx li l-istess ktieb ma jistax ipaxxi wkoll lill-adulti.
Huwa għalhekk li, minkejja l-varjetà, fil-letteratura għaż-żgħażagħ spiss insibu numru ta’ elementi rikorrenti. Il-protagonisti normalment ikunu huma stess tal-istess età tal-udjenza fil-mira. B’xi mod jew ieħor spiss jittrattaw l-aspetti sinonimi mal-adolexxenza: il-bidla, l-iskoperta ta’ min aħna, l-ewwel drabi, sens li ħadd ma jista’ jwaqqafna u li d-dinja ma tafx x’inhu ġej għaliha …
Għalkemm mhux dejjem, l-istejjer ħafna drabi jkunu ambjentati f’postijiet familjari. L-iskola, b’mod partikolari, spiss tkun ċentrali. U kif tista’ le, meta għal disa’ xhur fis-sena t-tfal iqattgħu iżjed ħin imqajmin fl-iskola milli fi kwalunkwe post ieħor? Id-dar ukoll tispikka f’dawn l-istejjer: daqqa ordinarja, daqqa b’xi sens maġiku miżjud.
Kull ġenerazzjoni tistmerr lil dik ta’ qabilha u lil dik ta’ warajha. Għalhekk dawn huma kotba li jinbidlu malajr ħafna, bl-istess ritmu tal-ħajja vera. Biex il-qarrejja żgħażagħ jidentifikaw mal-protagonisti żgħażagħ, irid ikollhom lingwaġġ, esperjenzi, teknoloġiji, u drawwiet simili. Biżżejjed wieħed iħares lejn it-titli ta’ wħud mir-rebbieħa passati tal-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ biex jara kemm huma ta’ żmienhom: insibu, pereżempju, X’Aħna Smart ta’ Stephen Lughermo, Termini u Kundizzjonijiet Japplikaw ta’ Roberta Bajada, u Stessi ta’ Matthew Schembri. U għax kull ġenerazzjoni tistmerr lil ta’ warajha u l-kotba jinbidlu malajr, ir-riskju li jaffaċċjaw il-kotba għaż-żgħażagħ hu li jeqdiemu malajr.
Kien b’dan il-ħsieb li ddeċidejt li naqra — fil-każ tiegħi għall-ewwel darba — żewġ rebbieħa passati tal-Konkors, biex nara għadhomx relevanti issa li għaddew numru ta’ snin minn fuqhom. Ħa naqtgħalkom il-kurżità mill-ewwel: it-tnejn iżjed qishom inbid milli ħalib. Iż-żmien kien ħanin magħhom. Tpaxxejt naqrahom u għożżejthom. Immens.
Il-Kulur tal-Lellux (BDL, 2016) ta’ Rita Saliba huwa dwar Amber, li għaddejja minn żmien xejn sabiħ f’ħajjitha. Tgħix weħidha ma’ ommha, li tbati minn problemi ta’ saħħa mentali. Meta Amber kienet iżgħar, kienu jilagħbu logħba fejn meta kienu jkunu għaddejjin minn xi esperjenza iebsa, kienu jistħajlu ruħhom fi triq mimlija lellux. Tul ir-rumanz din il-logħba tikseb status kważi mitiku, minn banda bħala metafora għall-ħila tagħna li nirreżistu u nsibu l-kuntentizza meta nħossu d-dinja ta’ madwarna tingħafas fuqna minn kull naħa, iżda wkoll, ħassejt, f’sens kważi maġiku. Il-qawwa ta’ dan l-istħajjil hija tant li l-protagonista, fis-siltiet fejn tiddeskrivih, inħossuha kważi verament ġiet ittrasportata f’post ieħor. Wara kollox l-immaġinazzjoni, nistħajjilha trid tgħidilna Saliba, mhix forma ta’ maġija?
Li kelli nikklassifika r-rumanz, fil-fatt, inpoġġih fil-ġeneru msejjaħ realiżmu maġiku. L-azzjoni tittratta ġrajjiet fil-biċċa l-kbira realistiċi u talterna bejn numru ta’ postijiet ordinarji: il-blokka appartamenti fejn Amber kienet tgħix m’ommha u fejn tgħix ukoll Rose, l-anzjana eks għalliema tal-mamà li ma ddumx ma toħdilha postha bħala l-figura materna f’ħajjet Amber; l-iskola; u d-dar taz-zijiet fejn tmur tgħix Amber. Imma f’din tal-aħħar jibdew jiġru affarijiet xejn tas-soltu. Kultant, tard billejl, Amber mill-ġdid tittrasporta ruħha għal xi mkien ieħor, jew aħjar, tibqa’ fejn hi imma l-affarijiet ta’ madwarha jinbidlu. F’dawn il-mumenti, tibda tara lill-persuna li kienet tgħix f’kamritha iżjed minn tletin sena qabel, Elizabeth, li tkun għaddejja minn esperjenzi simili. Din mhix sempliċi tieqa għall-passat, imma; il-liwja maġika hi li Elizabeth, ukoll, tista’ taraha, donnu nfetaħ xi forma ta’ bieb fejn żewġ żminijiet differenti jikkoinċidu u jiġru fl-istess mument. Għalkemm ma jistgħux jitkellmu ma’ xulxin direttament, jibdew iħallu sinjali u messaġġi lil xulxin fil-forma ta’ kitbiet fi djarju u fuq karti, u malajr tinbet forma ta’ ħbiberija interġenerazzjonali bejn Elizabeth u Amber, żewġ tfajliet li mad-daqqa t’għajn qishom tal-istess età imma li fil-verità hemm għexieren ta’ snin bejniethom, minn eri differenti b’teknoloġiji, drawwiet, u interessi differenti. Amber, ħerqana, tibda ssir taf iżjed dwarha, u tagħmel li tista’ biex tgħin lil Elizabeth bħalma Elizabeth, darba, għenitha b’somma.
Din Elizabeth min hi? Għalfejn tfaċċat f’ħajjet Amber? Fatata, jew għadha ħajja? Amber tgħid biha lil Rose, il-ħbiberija interġenerazzjonali l-oħra f’ħajjitha li similarment tiżviluppa bil-kelma miktuba, f’dal-każ bl-emails, u flimkien jipprovaw jitkixxfu iżjed. U dan kollu kif jorbot mal-bidliet kbar li seħħew fil-ħajja t’Amber wara li telqet il-mamà? Għal dan kollu nħalli l-qari jaqtgħalkom il-kurżità. Kont ili naqra ma naqbad ktieb li ma stajtx inneħħih minn idejja sakemm kont lestejtu kollu u skoprejt kulma kien hemm x’tiskopri, tant hi l-ħila ta’ Rita Saliba.
Kont ili, imma ma domtx wisq ma reġa’ ġrali l-istess, hekk kif dort għall-ktieb li rebaħ l-edizzjoni tal-2017, 360° (Klabb Kotba Maltin, 2020) ta’ Josianne Block. Dan ir-rumanz ukoll, b’mod iżjed ovvju, jittratta ħbiberija interġenerazzjonali li tiżviluppa permezz tal-kelma miktuba, dik bejn Claire Consuela Marie Ebejer, tfajla adolexxenti mill-Mosta, u Jon Martin Hawkes, żagħżugħ ta’ 28 sena minn Londra. Lejla minnhom waqt li kienet qed taħdem fuq proġett tal-iskola, Claire taqbad l-ewwel indirizz f’Londra li ssib fuq Google Maps u jfettillha tikteb ittra lil min jgħix hemm. “Ħanina, x’idea ħelwa dik,” sibt ruħi ngħid. Filwaqt li fil-plott tiegħu dan ir-rumanz ma fihx elementi maġiċi, Block toħloq il-maġija mis-sempliċità tal-ħajja ta’ kuljum.
Ħlief għal xi episodji qosra, ir-rumanz jikkonsisti f’sensiela ta’ ittri mibgħuta minn Claire u Jon, ikkwotati kelma kelma, u kultant xi kartolina. Lil Claire m’għandniex l-istess aċċess għal ħsibijietha bħalma għandna ma’ Amber fil-ktieb ta’ Saliba. Insiru nafuha biss ftit ftit minn dak li tniżżel fuq il-karta, eżatt l-istess bħal Jon li, bħall-qarrej, ma jaf xejn iktar u xejn inqas minn dak li jaqra f’dawn l-ittri. U l-istess jgħodd għal dak li Claire titgħallem fuq Jon. Diffiċli ma nidentifikawx mal-karattri meta dawn jaqdu, kważi kważi, l-istess funzjoni tagħna. Claire u Jon huma wkoll qarrejja tal-istess kliem li naqraw aħna, li jsiru jafu karattru, storja u post permezz tal-kitba.
Block tikkontrolla r-ritmu tar-rumanz b’ħila kbira. Ma’ kull ittra nsiru nafu b’xi żvilupp sinifikanti ġdid, imma Block dejjem tħalli mill-inqas karta waħda f’idha moħbija. Is-sens ta’ kurżità ma jgħib qatt, lanqas wara l-aħħar kelma tar-rumanz. Din hija storja ta’ bidu imma mhux ta’ tmiem. Sa ċertu punt, riflessjoni taż-żgħożija, perjodu qasir f’ħajjitna bil-bidu u t-tmiem tiegħu — Claire tul ir-rumanz tispiċċa l-iskola sekondarja — li iżda ma jfissirx tmiem definit, għax ikun għad għandna ħajjitna kollha quddiemna. L-istess il-ktieb. Jagħlaq fuq nota sodisfaċenti ħafna, imma mingħajr sens ta’ finalità. Anzi. Tgħid xi jmiss għal dawn iż-żewġt iħbieb?
Hemm numru ta’ paralleli bejn dawn iż-żewġ kotba anki hekk kif jinħassu differenti ħafna. Il-ħbiberija interġenerazzjonali, żewġ min-nies li għaddew minn esperjenzi simili f’żgħożithom imma fi snin differenti, l-enfasi fuq il-messaġġi miktuba, il-problemi d-dar, il-ħbieb tal-iskola, is-sens ta’ “tgħid jiltaqgħu?”. Dan is-sens ta’ kotba l-istess imma differenti rajtu ssimbolizzat f’kumbinazzjoni ħelwa: filwaqt li fil-ktieb ta’ Saliba, iż-żagħżugħa tal-lum tbati fil-matematika u ż-żagħżugħa tal-passat teċċella fiha, Block tgħidilna li Claire, iż-żagħżugħa tal-lum, tmur l-iżjed tajjeb fil-fiżika u l-matematika, filwaqt li Jon, iż-żagħżugħ tal-passat, qatt ma kienu ħbieb tiegħu dawn is-suġġetti. Paralleli iva, ripetizzjoni le.
It-tnejn huma kotba ta’ kwalità li kien jistħoqqilhom jiġu ppremjati. Jekk hemm differenza bejniethom, hija fl-esperjenza tal-awturi. Dan huwa l-uniku ktieb ippubblikat ta’ Josianne Block, filwaqt li Rita Saliba stabbiliet ruħha bħala waħda mill-kittieba ewlenin f’pajjiżna, kemm fil-letteratura għaż-żgħażagħ — il-Konkors rebħitu tliet darbiet — kif ukoll xorta oħra. Din hija l-maġija tal-Konkors tal-Letteratura għaż-Żgħażagħ. Anki għaliex il-manuskritti jiġu sottomessi bi psewdonimu, joffri l-opportunità, fuq naħa, li jservi bħala l-ewwel pass biex iwasslilna kittieba promettenti ġodda. Josianne Block hija biss waħda minn diversi; il-Konkors introduċielna kittieba żgħażagħ oħrajn li ħerqan naqra iżjed mingħandhom, bħal Matthew Schembri, Roberta Bajada u Lon Kirkop, u kien ukoll fost l-ewwel pjattaformi għal awturi li llum saru ġganti tal-letteratura lokali, bħal Rita Saliba stess, Leanne Ellul, u Antoinette Borg. U min-naħa l-oħra, ikompli jħeġġeġ lil awturi stabbiliti biex jiktbu għal din l-udjenza tant prezzjuża, kif jixhdu l-eżempji ta’ Rita Saliba stess u ta’ Leanne Ellul, li wkoll rebħitu iżjed minn darba.
Għal din is-sena, il-manuskritti jistgħu jintbagħtu sat-2 ta’ Settembru f’nofsinhar, fi tliet kopji u ffirmati minn psewdonimu. Għandhom ikunu bejn 20,000 u 25,000 kelma u mmirati lejn udjenza ta’ bejn it-13 u t-18-il sena. Għad-dettalji sħaħ u l-linji gwida, żuru s-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.