Imnedija għall-ewwel darba s-Screen Support Scheme mill-Kunsill Malti għall-Arti

Din l-iskema, b’investiment totali ta’ €1 miljun, se toffri appoġġ lill-industrija indiġena tal-films u tnediet wara li sar proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar it-tnedija ta’ skema ġdida, is-Screen Support Scheme, li se tkun immaniġġjata mill-Kunsill Malti għall-Arti. 

Din l-iskema, b’investiment totali ta’ €1 miljun, se toffri appoġġ lill-industrija indiġena tal-films u tnediet wara li sar proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati. 

Il-Ministru Owen Bonnici saħaq dwar l-importanza li Malta tkompli bil-ħidma tagħha biex jissaħħu s-setturi kulturali u kreattivi. “Dawn is-setturi, inkluż dak tal-films indiġeni, isawru aspetti importanti u intrinsiċi li jagħmluna Maltin. Għaldaqstant huwa essenzjali li nkomplu nisimgħu lil dawk li jaħdmu fis-setturi tal-films u naħdmu id f’id biex inkomplu nsaħħuhom,” qal Bonnici. 

Il-Ministru faħħar il-proċess ta’ konsultazzjoni li sar mal-partijiet ewlenin li serva biex l-iskema tkun waħda li tibda twieġeb għall-bżonnijiet tas-settur. Huwa temm jgħid li se jissokta l-impenn biex din l-iskema tkompli tikber fis-snin li ġejjin. 

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal li l-Kunsill qed iniedi din l-iskema ta’ appoġġ finanzjarju favur il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-film indiġenu Malti. Huwa qal li l-Kunsill huwa impenjat li jkompli jsaħħaħ dan il-fond għas-settur tal-films indiġeni. 

Id-Direttur għall-Fondi u Strateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, ipprovdiet aktar dettalji dwar din l-iskema u qalet li se tkun maqsuma f’ħames fergħat: il-Kitba tal-iskripts; l-Iżvilupp; Films qosra; Produzzjoni ta’ films twal; u Programmi kulturali. L-applikanti jridu jkunu entitajiet awdjoviżwali indipendenti. Din l-iskema se tkun miftuħa wkoll għall-applikanti li huma ġodda għall-industrija, u saħansitra se jiġi offrut appoġġ f’forma ta’ mentorship. 

L-applikanti għandhom sa nofsinhar tal-24 ta’ Settembru sabiex japplikaw għal kwalunkwe minn dawn il-fergħat, bir-riżultati jkunu mħabbra fil-21 u fit-22 ta’ Novembru. Għal aktar informazzjoni żur artscouncilmalta.gov.mt. 

More in Arti