Il-Banda Vilhena fit-Teatru Manoel

Kunċert Strumentali biex ifakkar il-150 sena anniversarju tal-Banda Vilhena ġewwa t-Teatru Manoel 

Għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, il-Banda Vilhena tal-Floriana se tkun qiegħda tesegwixxi programm mużikali ġewwa t-Teatru Manoel il-Belt Valletta.  

Dan il-programm, intitolat, “150 Anniversarju: Kunċert Strumentali mill-Banda Vilhena” qiegħed jiġi mtella’ għall-okkażjoni tal-150 sena mill-fondazzjoni tal-istess banda lura fl-1874.  

Il-post ta’ fejn se jiġi esegwit dan il-programm huwa sinifikanti għall-fatt li t-Teatru Manoel huwa msemmi wara l-Gran Mastru de Vilhena, l-istess Gran Mastru li għalih hi msemmija l-Banda tagħna. 

Il-programm se jiġi esegwit taħt il-bakketta tas-Surmast Direttur tas-Soċjetà Mro. George Debono, flimkien mal-bandisti, l-Amadeus Chamber Choir u t-tenur Brian Cefai, bil-preżentazzjoni tas-Sinjuri George u Elisa Cassar.  

Dan jikkonsisti f’taħlita ta’ siltiet mużikali minn kompożituri klassiċi famużi, oħrajn kontemporanji, kif ukoll siltiet li jappartjenu biss għall-Banda Vilhena.  

Il-kunċert se jsir nhar il-Ħadd 22 ta’ Settembru fis-19:00, u kull min jixtieq jipprenota biljett għandu javviċina lil xi membru tal-kumitat jew jikkuntattjana fuq [email protected]

 

 

More in Arti