Kotba | X’jgħidu xi kittieba dwar it-8 ta’ Settembru?
Patrick J. Sammut jitkellem ma’ ħames awturi dwar it-tifsira kulturali ta’ din id-data storika fil-kalendarju Malti
It-8 ta’ Settembru għalina l-Maltin hija data importanti ħafna. Mhix btala nazzjonali oħra li tfisser vaganza u jum il-baħar biss, imma warajha hemm avvenimenti kbar u li jiffurmaw parti mill-identità tagħna bħala poplu. Fl-1565 il-Maltin, flimkien mal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann, irnexxielhom jiddefendu lill-ġżejjer Maltin kontra invażjoni min-naħa tat-Torok Misilmin, sakemm fit-8 ta’ Settembru dawn tal-aħħar qatgħu qalbhom, żarmaw u telqu lura minn fejn ġew. U dan wara eluf ta’ sagrifiċċji u mwiet miż-żewġ naħat. L-istess data tfakkar it-twelid tal-Madonna, Marija Bambina. Huma żewġ okkażjonijiet li jfakkru li fil-profond tagħna aħna nibqgħu poplu Nisrani.
X’għandhom xi jgħidu xi kittieba dwar din id-data partikolari?
Karmenu Mallia
It-tmienja ta’ Settembru bilfors hi storikament magħquda sew ma’ Malta. Inħallu barra x’kitbu l-awturi klassiċi Maltin, fosthom Dun Karm, u għal darba nfittxu awturi oħra li ma tantx insemmuhom.
Ngħidu aħna, Manwel Dimech, Appostlu Soċjali ta’ Malta kulturali, fost il-poeżiji sbieħ u patrijottiċi li ħalla hemm “Lit-8 ta’ Settembru” li dehret f’Il-Bandiera tal-Maltin tal-1899. Fiha jfaħħar ’il missirijietna li: “intom bis-sejf f’idejkom/ għelibtu ’l-Misilmin” u jispiċċa bil-kliem: “U l-barka fuq għadamkom / sal-aħħar żminijiet.”
Insemmi wkoll it-Tabib u poeta Ġirbi Louis A. Buttigieg (1913–1963) li kien jikteb poeżiji bl-Ingliż. Fil-poeżija “For The Dead of 1565”, miġbura fil-ktieb The Clock Tower (2012), jikteb li missirijietna mietu preċiżament biex: “... when you and I look at each other / There’s only love between and nothing more.”
Lina Brockdorff
Twelidt l-Isla fl-1930, kellna bokka b’dik il-belt antika. Żewġ xeni li nibqa’ niftakar. Il-festa tal-Bambina waqt li ħierġa l-purċissjoni mill-Bażilika bl-istatwa ħelwa ta’ Marija fost id-daqq solenni tal-orgni, id-daqq ferrieħi tal-qniepen u ilħna ħerqana jkantaw “Issa qtajna x-xewqa ta’ qalbna ...”. Minn fuq il-bjut karti rqaq li n-nies kienet issejħilhom “sunetti” waqt li jinżlu wkoll ruxxmata ta’ folji bi vrus lill-Madonna; kollox taħt sema miksi bil-murtali u tfaqqigħ li jdamdam l-art.
Ix-xatt tal-Isla minn bieb it-Tarzna sas-Sirena mimli bi ħwienet tax-xorb, l-għaxqa tal-baħrin Ingliżi. Faċċata, is-swar maestużi ta’ Sant’Anġlu, fil-baħar ta’ bejniethom numru kbir ta’ dgħajjes bil-fanali waqt li l-barklori, qishom żeffiena jaqdfu u jgħannu. Bilkemm temmen li darba dak il-baħar kien miksi b’xambekki tal-Mislem. Ninsew il-gwerer: riesqa l-banda b’marċ mill-isbaħ tat-8 ta’ Settembru.
Alfred Palma
It-8 ta’ Settembru, jum storiku għall-gżejjer maħbubin tagħna, għalija jfisser ukoll jum twelidi, fl-1939. Għalhekk din id-data, sa minn tfuliti, kienet tolqotni kemm nazzjonalment, storikament u wkoll personalment. Ħajr għal-Letteratura, imbagħad, minn dejjem ammirajt il-bosta poeti Maltin u Għawdxin li, b’sens patrijottiku kbir, għannew vrushom b’qima liż-żewġ assedji l-kbar li kiddew lil Malta, iżda ma qerduhiex, anzi saħħewha.
Fost dawn il-poeti nsemmi lil Rużar Briffa, li partikolarment ibbrilla fl-eloġji poetiċi tiegħu f’dan ir-rigward, u naturalment fir-rigward tat-twelid tal-Madonna, u kif din l-okkażjoni tarmonizza f’sens qawwi, soċjali u reliġjuż, b’rabta mirakoluża intima u misterjuża, ma’ dak kollu li seħħ kemm f’dawn iż-żewġ assedji kbar, kif ukoll fi ġrajjiet oħrajn ta’ ċerta importanza fl-istorja ta’ Malta.
Charles Mifsud
Fost id-diversi temi għal qalbi l-aktar li nħobb hija l-poeżija Marjana, li għandha rabta qawwija mal-ġrajjiet tat-8 ta’ Settembru.
Ġrajja importantissima oħra fl-istorja ta’ gżiritna kienet dik tal-Assedju l-Kbir, meta flotta qawwija Torka ġiet biex taħtaf taħt idejha l-gżejjer tagħna. Il-ġrajja tal-Assedju ttrattajtha fit-tul fil-ktieb tiegħi Mid-Djarju ta’ Ġensna bil-poeżija epika, “Ġrajjiet l-Assedju 1565”, poeżija ta’ ħamsa u tletin faċċata. Barra dan, ktibt sunetti u xi poeżiji oħra li ppubblikajt fuq Facebook fejn ili disa’ snin inġib poeżija kuljum fuq il-paġna tiegħi.
Għalija, din id-data jixirqilha li tkun meqjusa bħala l-Jum Nazzjonali li jgħaqqad, għax hi ġrajja li tolqot lil kulħadd. Kif għidt aktar ’il fuq, dan il-jum huwa għażiż ukoll għax fih niċċelebraw il-glorja ta’ Ommna Marija Santissima, u dan ktibt dwaru wkoll bħal pereżempju fil-poeżija li ppubblikajt fil-ktieb In-Nisġa tal-Għanja, “Jum il-Vitorja”.
Għandi diversi poeżiji oħra dwar it-8 ta’ Settembru li s’issa għadni ppubblikajthom biss fuq Facebook. Fil-ktieb tiegħi Mid-Djarju ta’ Ġensna ktibt dwar l-aktar ġrajjiet importanti li għaddew minnhom dawn il-gżejjer – minn żmien il-Feniċi sakemm spiċċat kull ħakma tal-barrani.
Marthese Fenech
It-8 ta’ Settembru hija d-data li madwarha ddur u tilħaq il-qofol tagħha t-triloġija tiegħi Siege of Malta Trilogy. Kull avveniment u kunflitt, telfa jew sfida, iservu bħala qafas għar-rebħa tal-1565. Il-poplu komuni jaħdem spalla ma’ spalla mal-Kavallieri ta’ San Ġwann biex jisfidaw l-iktar armata elit fl-istorja, u jirbħu. Kemm fir-realtà, kif ukoll fix-xogħol letterarju tiegħi, it-8 ta’ Settembru tirrappreżenta r-reżiljenza tal-poplu Malti.
Minkejja li kollox kien jidher kontrihom fl-Assedju l-Kbir u mill-ġdid fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-Maltin dejjem jirnexxilhom iżommu sod. Inħossni kburija qatigħ inkun parti minn dan li għamlu l-antenati tiegħi, minn dan il-wirt għani u qalbieni, u minn dan l-ispirtu ta’ rieda qawwija.
Ix-xogħol tiegħi jimmira biex jagħti qima lin-nisa u lill-irġiel qalbiena li mingħajrhom ma kienx ikun hemm Jum il-Vitorja. Silta minn Ash Fall, it-tielet rumanz tat-triloġija: “Amid cloven cannonballs, shards of metal, toppled buildings, and chunks of marble, victory almost doesn’t feel real. But alongside the knights, this poorly garrisoned, mostly untrained, severely outnumbered peasant militia has prevailed. A David and Goliath tale for the ages.”