Kotba | Mill-palk għall-paġna
Daniel Cossai jissaħħar bid-dramm LGBTIQ+ ta’ Luke Saydon It-Teatru tal-Miskin (awtoppubblikat, 2024), produzzjoni mużikali ta’ Saydon Studio li ttellgħet għall-ewwel darba fl-2022
Id-diskussjoni eterna dwar id-drammi hi jekk għandhomx jiġu ppubblikati bħala kotba. Jekk tagħmilx sens li naqbdu ktieb u naqraw dramm daqslikieku qed naqraw rumanz, mingħajr palk u atturi. Issib min jargumenta li din xorta letteratura, bi storja u karattri, u oħrajn li jargumentaw li ladarba tifred it-test mill-forma, titlef wisq, u l-effett tal-istess test maħdum mill-atturi ma jistax jintlaħaq minn sempliċi kliem fuq paġna.
Ġeneralment iżjed nikkunsidra ruħi li naqa’ fit-tieni kamp. Normalment, l-impatt li jħalli dramm fit-teatru narah ikbar mill-impatt ta’ dramm li naqra. Anki għall-kbarat li huma fost l-ifjen eżempji tal-letteratura li għandna, b’għexieren ta’ snin jekk mhux sekli ta’ qari bħala kotba — Shakespeare, Molière, Ibsen — spiss tkun eħfef naraw il-qawwa vera ta’ test f’waħda mill-interpretazzjonijiet possibbli tiegħu meta narawh diġà tradott għall-palk fil-viżjoni ta’ direttur. Li tara l-atturi b’għajnejk tgħinek tifhem min qed jgħid xiex, l-ambjent li fih isseħħ l-istorja, u t-ton li bih jingħadu l-affarijiet, billi dramm miktub, għall-kuntrarju ta’ rumanz, iżomm id-deskrizzjonijiet tal-post u l-aġġettivi ta’ kif tingħad ħaġa f’minimu, u jkollu kważi biss djalogu fejn, spiss, faċilment naqbżu l-ismijiet tal-karattri, biex tkompli titħabbel il-kobba.
Għalhekk meta ġejt biex naqra It-Teatru tal-Miskin (awtoppubblikat, 2024) ta’ Luke Saydon, kont ftit nervuż, iktar u iktar għax hu musical, fejn il-ħoss jikseb importanza ikbar milli fi dramm normali. Kont naf li r-rappreżentazzjonijiet li ttellgħu kienu ntlaqgħu tajjeb ħafna, għalkemm b’xorti ħażina qatt ma stajt nattendi, u bżajt li dak kollu li tant ġie mfaħħar ma kienx se jissarraf sew għall-paġna, li jien waħdi fil-ħemda ta’ kamarti ma kontx se nħoss dak li ħassew l-udjenzi.
Kien biża’ li malajr tar.
It-test jaħdem anki bil-miktub, u jaħdem tajjeb ħafna. Mhuwiex perfett, imma l-perfezzjoni wara kollox hi possibbli f’bidla tant radikali fil-forma? Hemm aspetti fejn il-kelma miktuba tista’ tkun biss imitazzjoni ifqar tal-kelma mitkellma — jew saħansitra mhux mitkellma, għax is-silenzju importanti f’dan it-test, xi ħaġa li d-direzzjonijiet inklużi jgħinu lill-qarrej jipprova jimmaġinaha imma li ma jistax ikollha l-istess effett bħal mument ta’ silenzju fuq palk. Il-fatt li d-dramm hu miktub għal tliet atturi li jinterpretaw karattri differenti jitlef sew mill-forza tiegħu anki jekk it-tranżizzjonijiet bejn karattru u ieħor nistgħu naqrawhom. Il-mużika bilfors se tintilef, għalkemm hawn ukoll għandna mezz li jirkupra xi ftit mill-mitluf: ir-rima, li trendi mużikalità anki lill-kliem fuq paġna. Qarrej irid jaħdem iżjed minn membru tal-udjenza biex jikseb l-effett sħiħ; l-immaġinazzjoni tiegħu trid taħdem bis-sahra biex timla l-vojt tal-qabżiet li jseħħu mingħajr kliem.
Dramm li verament jaħdem fil-kitba normalment ikollu elementi li jixbhu dawk ta’ kotba oħra, primarjament ċerta forza tematika, plott li jżommok, u importanza għall-karattru. It-teatru hu mezz effettiv biex iwassal l-emozzjoni; fil-kitba, huma dawn l-elementi weħidhom li jridu jwassluha. It-Teatru tal-Miskin, ismu stess jindika l-importanza tal-emozzjoni. Il-kelma “miskin”, wara kollox, dejjem tintuża meta tinħass xi emozzjoni. Din l-importanza narawha wkoll fl-isem tal-post fejn isseħħ il-ġrajja: Ħal Fern, raħal konservattiv, maqtugħ mid-dinja t’hemm barra u li għadu lura anki teknoloġikament, fejn ħadd ma jista’ jitlaq. Kull Malti mill-ewwel jagħmel l-assoċjazzjoni bejn “Ħal Fern” u “Infern”, u r-rabta bejn post u emozzjoni tkompli tikber meta nsiru nafu li, fil-fatt, oriġinarjament kien jismu Ħal Ferħ, imma xi ħadd qata’ l-parti ta’ fuq tal-ħ. Ħal Fern ma ssibux fuq mappa; huwa stat ta’ eżistenza.
Din hi l-istorja ta’ min hu differenti, ta’ tliet buffi li jiġu minn barra r-raħal u jġennu lill-poplu li fih inibbtu stmerrija, mibegħda, ammirazzjoni, kurżità, xewqa, u tranżizzjonijiet bejniethom. Il-buffi jirrakkontaw l-istorja ta’ Bobby, li kien jgħix f’Ħal Fern fil-passat u kellu x-xewqa li jilbes u jgħix bħala mara, li kien miġbud lejn l-irġiel, u kif dan kollu wassal għal infern fl-art f’Ħal Fern.
Jispikka s-sens ta’ pulitezzi foloz li wieħed diffiċli ma jarahx fih, lil hinn mit-tema LGBTIQ+, kurrent politiku, li dak li qed jgħid l-istatus quo lil min hu differenti hu “għall-ġid tagħkom” iżda meta jiġi sfidat, mill-ewwel jhedded. It-taqbida bejn l-istabbilit u l-ġdid, l-ordinarju u d-differenzi, hija l-forza li tmexxi dan id-dramm u naħseb li jista’ jirrelata magħha kull qarrej li qatt ħassu ssoffokat mis-soċjetà ta’ madwaru, kienet x’kienet il-ħaġa, minn kull min xtaq jimraħ u jesplora iżjed il-potenzjal li hemm lil hinn mill-konfini ta’ Ħal Fern, fejn, oħroġ il-għaġeb, jgħidu li anki escalators għandhom. Escalators!
Tant dan kollu hu relatabbli għal kulħadd li minkejja li s-sindku, li jirrappreżenta l-qagħda stabbilita, jgħid lill-buffi li Ħal Fern mhux posthom, in-nies xorta jinġemgħu biex jisimgħuhom, jum wara l-ieħor. L-esplorazzjoni ta’ Bobby trawwem kurżità fin-nies, li jibdew jistaqsu fuq hemm barra — fuq il-possibbiltà, mhux biss f’termini ta’ ġeneru u sesswalità imma f’kull aspett immaġinabbli tas-soċjetà.
Imma l-iżjed ħaġa li rrid infaħħar hija ħaġa li nħossha rari fil-letteratura Maltija: il-mod kif issawwar it-test. Saydon jieħu mill-materjal storjokulturali ta’ Malta iżda ma jużahx, kif spiss nagħmlu, fil-kuntest oriġinali tiegħu; minflok, joħloq minnu xi ħaġa ġdida, immaġinarja, li l-qarrej u l-udjenza jagħrfuha. Min ma jobdix, ma jindifinx fiċ-ċimiterju. Min jisma’ mill-buffi, isofri l-interdett. Kanzunetti u rimi magħrufin minn kulħadd isibu ruħhom, b’mod mibdul, fit-test. Għal Ħal Fern, il-periklu mhux il-mewt imma l-bidla, immetaforizzata mill-bidu sal-aħħar f’tal-linja li ma tgħaddi qatt: “Ara ġejja tal-linja għalik, biex tifdik, biex turik, li t-toroq dojoq qed jitwessgħu ftit ftit”.
Dan test li jibqa’ miegħek. Il-mod kif ġie ppubblikat jindika x-xewqa tal-kittieb li jibqa’ ħaj u jerġa’ jittella’. U jien, l-ewwel wieħed, nittama li jiġri hekk.