Kotba | Memorji Profondi: Malta ġot-Tuneżija

Elena Cardona titgħaxxaq taqra u tisma’ l-esperjenzi ta’ Maltin b’rabta mat-Tuneżija f’Minn Marsa għal Marsa: Stejjer mit-Tuneżija

Fi tfuliti, fuq l-għatba tal-għorfa tan-nannu kont nisma’ bosta stejjer ta’ nies li salpaw lejn Lixandra. Dak iż-żmien ma kellix idea Lixandra fejn kienet, iżda aktar tard f’ħajti ġejt konxja bil-mewġa ta’ emigrazzjoni ta’ Maltin fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq kif jidher ċar fil-ktieb Minn Marsa għal Marsa: Stejjer mit-Tuneżija (2023). Pubblikazzjoni tal-Ambaxxata ta’ Malta fit-Tuneżija, il-ktieb ħareġ fuq l-inizjattiva ta’ Simon Pullicino – Ambaxxatur ta’ Malta f’Tuneż bejn l-2020 u l-2023. Din il-pubblikazzjoni hi simili ħafna għal L-Art tal-Kliem: Il-Maltin fl-Art Imqaddsa u lil hinn li ħadmu fuqha Clare Azzopardi, Nathalie Grima u Gilbert Calleja (Merlin Publishers, 2015). L-għan ta’ dawn iż-żewġ ġabriet hu li jiġu ddokumentati rakkonti u memorji ta’ Maltin li għexu fit-Tuneżija jew fl-Art Imqaddsa. Din id-darba qasmu minn Marsa għal Marsa t-tliet artisti Clare Azzopardi, Katel Delia u Leanne Ellul, li flimkien senslu l-memorji tat-tielet jew tar-raba’ ġenerazzjoni ta’ Maltin li għandhom konnessjoni mat-Tuneżija. 

 Ta’ min jinnota li dan mhuwiex ‘ktieb storiku’, kif jisħaq l-Ambaxxatur Pullicino, però ‘dmir ta’ memorja lejn ... il-komunità [Maltija] li kellha sehem kbir fl-istorja komuni taż-żewġ pajjiżi’. Fil-fatt Clare Azzopardi u Leanne Ellul ikomplu jżidu ma’ dak li stqarr l-Ambaxxatur Pullicino: ‘Aħna ma rridux innessu. Aħna rridu nfakkru’. Din l-istqarrija li hi parti mid-diskors tal-bidu ‘mnejn jibda kollox’ hija wegħda li dawn l-artisti jagħmlu, mhux biss mal-qarrejja, iżda lil dawn id-dixxendenti Maltin, li qatt mhu se jkunu minsija iżda se jiġu mfakkra u mġedda għall-kwalitajiet tagħhom. B’kollox hemm sittax-il rakkont, li tlieta minnhom huma miktubin bil-Franċiż. Waqt li Azzopardi u Ellul kitbu r-rakkonti bil-Malti, Katel Delia kitbet dawk bil-Franċiż. Barra minn hekk, Delia ħadet diversi ritratti tan-nies li ltaqgħu magħhom, kif ukoll ta’ traċċi-fdalijiet Maltin li huma mxerrda mat-Tuneżija. Ħadet ħsieb ukoll id-disinn tal-ktieb. 

Hawnhekk tinbet il-mistoqsija kumplessa jekk ktieb storiku jqanqalx l-amnesija jew inkella jitfax dawl fuq realtajiet distinti marbuta ma’ perjodi partikolari. Ħafna drabi l-istorja, bl-Ingliż history, għandha tendenza li tkun ġeneralizzata, jiġifieri tkun favur poplu jew gvern partikolari. Barra minn hekk, il-mira tal-istorja hi li twassal ideoloġija partikolari, ħafna drabi b’kunċetti temporali lineari, li fuqhom jinbena l-passat ta’ pajjiż-nazzjon jew imperu. Dawn il-kitbiet iħallu barra r-rakkonti u l-memorji kollettivi u personali ta’ komunitajiet sħaħ. Imma f’Marsa għal Marsa dawn ir-rakkonti ma ‘nbarmu[x] u [ma] baqgħu[x] fl-oqbra tal-memorja’ iżda ngħataw il-ħajja billi ġew stampati biex jitgawdew mill-pubbliku ġenerali. Mhux talli dawn ir-rakkonti ġew trażmessi fi kliem iżda biċċa minn dawn ir-rakkonti huma akkumpanjati minn kodiċi QR, li permezz tiegħu l-qarrejja jistgħu jisimgħu lill-parteċipanti jirrakkuntaw dawn l-istess stejjer. Bħalma jgħidu l-kittieba, dawn huma siltiet ħelwin li ma setgħux jitħallew barra, speċjalment għax biċċa mir-rakkontaturi għadhom jafu jitkellmu bil-Malti. Barra milli l-kodiċi QR jagħti xeħta moderna lil dan il-ktieb, permezz tiegħu tisboq l-awtentiċità u l-ġenwinità tal-parteċipanti, waqt li tqarreb id-distanza bejn il-qarrejja u r-rakkontaturi.  

Imma x’jirrakkuntaw dawn l-istejjer tal-Maltin? Jirrakkuntaw ħafna affarijiet familjari għalina bħall-ikel, it-tradizzjonijiet u l-kliem, li kemm il-Maltin kif ukoll it-Tuneżin jaqsmu bejniethom. Għalhekk, din mhijiex l-istorja tal-Maltin f’dan il-pajjiż ġar tagħna, iżda anke l-istorja tiegħek, tan-nies li huma Mediterranji. Fost affarijiet komuni f’dawn ir-rakkonti huma t-tluq tal-Maltin minn Malta biex jesperjenzaw ħajja aħjar f’pajjiż differenti u l-uġigħ ta’ qalb li biha telqu mit-Tuneżija wara l-indipendenza tal-pajjiż fl-1956. Elementi li laqtuni immens u spiss jidhru f’dawn ir-rakkonti huma l-akkoljenza u l-koeżistenza ta’ diversi kulturi fis-soċjetà Tuneżina. Kulħadd kien iħossu milqugħ u jaqsam mal-ieħor dak kollu li kellu u jemmen fih. Kienet soċjetà b’idejha miftuħa, li laqgħet bla preġudizzji lil tant nies ġejjin min-naħa ta’ fuq, waqt li tathom l-opportunità li jibnu ħajja ġdida.  

Ma rridx niżvela aktar dettalji dwar it-tifkiriet ta’ dawn id-dixxendenti Maltin għax inkella ma jibqgħalkomx ħeġġa biex dawn jinqraw u tirrelataw magħhom. Però nixtieq nagħti ħarsa lejn l-istruttura ta’ din in-narrattiva. Min hu midħla tal-kitba ta’ Clare Azzopardi u Leanne Ellul mill-ewwel jagħrafha, mingħajr ma jħares lejn l-ismijiet tal-awturi. Dlonk niftakar fil-ktieb L-Ispettaklu Stupend: Żanżan Kelma (Merlin Publishers, 2019) addattat għall-Malti mill-istess awturi, hekk kif nibda naqra l-ewwel tifkira. Taħt kull titlu, li jirrifletti memorji partikolari, wieħed isib diversi tifsiriet marbuta ma’ kelma partikolari u l-pronunzja tagħha. Imbagħad hemm is-sentenzi. Xi kultant dawn huma kemxejn skomdi – skomdi mhux għax jirrakkuntaw affarijiet koroh iżda bħal memorji jiġu f’ħinijiet mhux mistennija, gozz flimkien jew sparpaljati. Il-memorji jitqanqlu minn oġġetti jew mill-abbissi ta’ rwieħna. L-ilħna tal-memorji jakkumpanjaw l-ilħna tal-awturi, iżda ma jitwaħħdux flimkien, jibqgħu distinti, bħas-sentenzi li jġagħluna ngħarblu l-essenza ta’ dawn il-memorji. It-taħlita ta’ lingwi – Malti u Franċiż u l-ġeneri diversi – ittri, riċetti, poeżija huma rifless tat-taħlit kulturali tas-soċjetà Tuneżina, li jixhduh ukoll ir-ritratti intrinsiċi, speċjalment fejn hemm collage. 

Il-bieb miftuħ li t-Tuneżija fetħet għall-Maltin fis-seklu 19 u 20, reġa’ nfetaħ din id-darba permezz tal-kitba u r-ritratti. Forsi jekk il-memorja hija suġġettiva u fraġli, dan il-kliem imsensel fil-ktieb mhux lakemm jitħassar u jintesa. 

More in Arti