Imnedija l-ewwel kollezzjoni ta’ Opri tradotti bil-Malti
Id-9 Opri ta’ Albert Marshall jibdew inaqqsu d-distakk lingwistiku għal dawk li jħobbu l-opera, b’esperjenza narrattiva aktar rikka
L-opera dejjem ġiet meqjusa bħala l-qofol tal-arti teatrali, madankollu, dejjem kien hemm vojt sinjifikanti bejn ix-xogħlijiet li ttellgħu fuq il-palk u l-udjenzi li jitkellmu bil-Malti. Permezz ta’ din il-pubblikazzjoni ġdida ta’ Albert Marshall – 9 Opri, qed tiġi indirizzata din il-lakuna b’9 traduzzjonijiet ta’ libretti ta’ opri meqjusa bħala importanti u maħbuba, maqluba għall-Malti għall-ewwel darba.
Ippubblikat minn Horizons, dan ix-xogħol għandu l-għan li jarrikkixxi l-esperjenza ta’ dawk li fuq livell lokali jħobbu l-opera, b’mod li din issa hija aċċessibbli bil-lingwa nattiva tagħna, li jippermetti li nifhmuha u naprezzawha fuq livell aktar profond.
“Għal ħafna żmien, kont konxju ta’ din il-lakuna fl-aċċessibbiltà tal-opera bil-lingwa Maltija,” spjega t-traduttur u l-kittieb. “Kont nattendi spettakli u nara udjenzi jammiraw il-programmi ppreżentati b’mod sabiħ, li ta’ spiss ikollhom il-libretti inkorporati. Però dejjem kont nistaqsi jekk dawn l-udjenzi hux qegħdin jieħdu esperjenza kompleta. In-nisġa ta’ opera tista’ tkun pjuttost dettaljata, speċjalment meta jintuża l-Franċiż jew it-Taljan. Waqt li l-arias popolari jħallu l-effett tagħhom, ħafna drabi mbagħad tispiċċa tintilef il-profondità narrattiva tagħhom.”
L-idea wara 9 Opri hi sempliċi, imma trasformattiva: bit-traduzzjoni ta’ dawn il-libretti għall-Malti, il-proġett għandu l-għan li jagħti l-udjenzi l-opportunità li jifhmu b’mod komplet in-narrattivi kumplessi li jinstigaw bosta mix-xogħlijiet operatiċi ċelebri. Din l-inizjattiva ma saritx biex ix-xogħlijiet jittellgħu bil-Malti, imma aktar biex jiġi żgurat lil-udjenza tista’ tifhimhom u taprezzahom fil-kuntest letterarju u kulturali tagħhom.
“Ridt li t-traduzzjonijiet jibqgħu leali lejn ix-xogħol oriġinali, imma jkollhom ukoll libertà kreattiva,” elabora Marshall. “L-intenzjoni tiegħi ma kinitx li nipprovdi traduzzjoni biex tittella’ fuq il-palk, imma biex il-librett ikun disponibbli bil-Malti. Ma xtaqtx nirreplika l-istruttura ritmika oriġinali, għax kieku din kienet tillimita r-rikkezza u l-isfumaturi tal-lingwa tagħna. L-għan tiegħi kien sabiex il-qarrejja japrezzaw in-narrattiva b’mod li jużaw 9 Opri bħala wennies għal mal-ispettaklu oriġinali.”
Dawn id-disa’ opri ntgħażlu minn Marshall għall-popolarità u l-importanza kulturali tagħhom għall-udjenza Maltija. Dawn huma: La Boheme, Carmen, Rigoletto, Tosca, La Traviata, Cavalleria Rusticana, Paljacci, Norma u Il Barbiere di Seviglia.
Marshall żied jgħid li t-traduzzjonijiet dam jaħdem fuqhom kważi tliet snin, minħabba l-ammont ta’ riċerka meħtieġa. “Dħalt fil-fond tal-idjoma u l-istil lingwistiku ta’ kull librett, neżamina s-sottotesti, nirriċerka l-elementi lingwistiċi oskuri, u npoġġi l-lingwa f’kuntest storiku.”
Din il-kollezzjoni hi unika fl-approċċ tagħha fejn tidħol l-esperjenza tal-qarrej. Fil-fatt, Marshall jissuġġerixxi li l-qarrejja jisimgħu r-reġistrazzjonijiet tal-opri fl-isfond waqt li jkunu qed jaqrawha.
“L-opera hi arti li ħaqqha l-paċenzja, u l-fehim tal-kumplessitajiet fil-plott u l-karattri jieħu l-ħin. Billi wieħed jaqra t-traduzzjoni Maltija waqt li jisma’ l-mużika, nemmen li dan jista’ jgħin lil dawk li jħobbu l-opri jgawdu minn esperjenza aktar rikka.” Din il-pubblikazzjoni għandha Daħla mir-rinomat kantant tal-opri, Jose Cura. Fil-fatt, Cura wkoll kien ispirat mill-impatt potenzjali ta’ dawn it-traduzzjonijiet u diġà qegħdin isiru pjanijiet biex din il-pubblikazzjoni tkun test ewlieni waqt sessjonijiet ta’ taħriġ.
Il-ktieb, li ġie mined waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena, hu disponibbli mill-Horizon, kif ukoll mill-ħwienet tal-kotba lokali