Kotba | Fejn sejjer ir-rumanz Malti?
Daniel Cossai jkompli d-diskussjoni li bdiet waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024 billi jirrifletti dwar il-qagħda tal-letteratura fittizja f’Malta u jappella għall-maturità fejn jidħol il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb
Fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb li għadda, ħadt sehem f’diskussjoni ma’ persuni prominenti u/jew promettenti fix-xena letterarja lokali (David Aloisio, Immanuel Mifsud, Omar N’Shea, u Maria Theuma) dwar il-futur tar-rumanz Malti. Saru diversi konverżazzjonijiet relatati fix-xhur li għaddew fuq il-midja soċjali u privatament fid-dawl, l-ewwel, tal-fatt li din is-sena l-ebda ktieb ma wasal sal-lista mqassra tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-kategorija tar-rumanzi, u, it-tieni, li ma ngħatax lanqas il-premju għan-novelli. B’din l-attività kellna l-opportunità li nibdew djalogu pubbliku ma’ dawk li attendew l-attività, kif ukoll fil-konverżazzjonijiet li segwewha.
Iddomina, minkejja kollox, sens ta’ ottimiżmu dwar il-futur tal-letteratura Maltija. Jien tal-istess fehma, għalkemm ċertament b’mod kawt. Filwaqt li qegħdin joħorġu kotba tajbin u li jipprovaw affarijiet ġodda, l-industrija letterarja b’mod ġenerali qiegħda taffaċċja sfidi li jeħtiġilha tikkonfrontahom biex il-futur ikun l-isbaħ li jista’ jkun. Dawn l-isfidi hemm bżonn nitkellmu dwarhom minflok nippretendu li ma jeżistux.
Ix-xena Maltija għadha trid timmatura f’kull ħolqa tal-katina. Filwaqt li wieħed jifhem li bħala negozji l-pubblikaturi huma mmotivati minn kwistjonijiet finanzjarji, ma nistgħux ninsew li huma wkoll l-għarbiel primarju ta’ dak li jasal f’idejn il-qarrejja. Sitwazzjonijiet fejn xi pubblikaturi jġibu ruħhom bħala prattikament stampaturi biss ta’ manuskritt li bilkemm ikunu qrawh, jekk mhux saħansitra jippubblikawlek il-manuskritt basta tipprovdi l-fondi għalih, mhumiex aċċettabbli.
Il-kotba Maltin għandhom bżonn jibdew jgħaddu minn proċess ferm iżjed rigoruż ta’ editjar. In-nuqqas tiegħu jinħass f’bosta aspetti. Qabelxejn, hemm kitbiet li kieku għaddew minn taħt idejn editur tajjeb, qatt ma kienu jiġu ppubblikati, almenu mhux fil-forma preżenti tagħhom. Din inħossha iżjed fejn jidħlu l-poeżiji, fejn għalkemm ġabra jaf ikollha l-merti tagħha, jinħarġu wkoll xogħlijiet li ma tantx huma aħjar milli tistenna minn xi eżerċizzju tal-iskola. Imbagħad, anki f’rumanzi li għandhom il-valur tagħhom, ġieli tara elementi li ma tantx jaħdmu, li kellhom bżonn ftit irfinar qabel ma joħroġ il-ktieb. Barra minn hekk isiru żbalji iżjed bażiċi, żbalji ontoloġiċi jew loġiċi, inkluż f’kotba nnominati għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, li għalkemm teoretikament possibbli f’dinja oħra, fir-realtà li fiha jseħħu l-istejjer ma jagħmlux sens. U x’ngħidu għall-iżbalji ortografiċi, li qisu b’xi mod, kważi f’kull ktieb issib mill-inqas wieħed? Ma rridx nipponta subgħajja lejn il-qarrejja tal-provi, li nissimpatizza magħhom u lanqas irrid nimmaġina kemm ikunu kkoreġew oħrajn, imma rridu nagħrfu li l-frekwenza li biha l-qarrejja jiltaqgħu ma’ żbalji li jkunu żelqu f’kull stadju jkompli jżid mal-perċezzjoni ta’ industrija immatura.
Inħoss sens ta’ urġenza biex nibdlu din il-perċezzjoni. L-istatistika mill-aħħar snin ma tantx hi sabiħa. L-ammont ta’ adulti li f’sena ma jaqrawx ktieb iwaħħax lil kull min hu midħla tal-kotba. Iżda anki fost dawk li jaqraw, hemm xejra ċara favur il-prodott bl-Ingliż, normalment internazzjonali. Kemm-il darba nisma’ nies jgħidu li ma jaqrawx bil-Malti għax il-kotba Maltin mhumiex tajbin. Għax dawk bl-Ingliż isbaħ. Mhix perspettiva li naqbel magħha — kwalità bil-Malti hemm — imma nifhem minn fejn ġejjin. Għalhekk hemm bżonn li nkomplu nimmaturaw, illum qabel għada.
Din trid issir ukoll mill-awturi stess. Irridu nitgħallmu li l-ebda manuskritt qatt ma jkun perfett mill-ewwel. Irridu nkunu lesti li nwarrbu xeni jew karattri li nkunu qattajna xhur naħdmu fuqhom, fuq parir tal-editur. Irridu nilqgħu iżjed, bħala soċjetà, il-kritika. Irridu nifhmu li anki Shakespeare kellu xogħlijiet batuti. U rridu nagħrfu li l-kritika, kemm fl-aġġudikazzjoni ta’ premju, u kemm għal reċensjoni, tevalwa x-xogħol, mhux il-persuna, u li jekk tkun valida ma jimpurtax wisq minn min saret.
S’issa tkellimt b’mod ġenerali għal kull xorta ta’ kotba. Nemmen li hemm post, kemm għall-hekk imsejħa kotba letterarji, kif ukoll għall-hekk imsejħa kummerċjali, u li s-suq irid jissodisfa d-domanda għat-tnejn. Imma ejja nerġgħu lura għall-Premju Nazzjonali. Kif jindikaw il-kriterji għall-għoti tiegħu, huwa premju għall-finzjoni letterarja u marka ta’ kwalità. Is-sens ta’ maturità li nixtieq nara jirrikonoxxi dan u jirrispettah. Anki minn sempliċi titwila lejn il-lista t-twila tal-kotba nnominati għall-kategorija tar-rumanz din is-sena, mill-ewwel tinduna li hemm numru sew minnhom li m’għandhomx din il-letterarjetà. Sfortunatament m’iniex sempliċement niġġudika mit-titlu jew mill-qoxra; il-qari jikkonfermah, u dan kien rifless fil-kummenti tal-aġġudikanti tal-premju. Il-maturità titlob li nkunu iżjed konxji tagħna nfusna u ta’ xogħolna.
In-nomina ta’ kotba li ċarament, mill-bidu nett, ma jilħqux dak li hu mistenni minn ktieb rebbieħ mhux biss juri ċerta stmerrija lejn il-premju iżda wkoll idgħajjef l-istrutturi li żviluppaw fl-industrija. Ladarba huwa premju li jqis il-letterarjetà, mela għandu jservi ta’ direttorju tal-aqwa pubblikazzjonijiet għal min ifittex din il-kwalità, speċjalment għal min mhux daqshekk midħla tal-letteratura kontemporanja. Bħalissa mhux il-każ. Il-lista t-twila ma tindika xejn fuq il-letterarjetà, u forsi lanqas il-lista mqassra (meta jkun hemm). Għalhekk minn struttura li tagħmel possibbli direttorju bħal dan, b’rebbieħa u kotba oħra li jilħqu l-livell prestiġjuż tal-lista mqassra, minflok spiċċajna bi struttura immatura fejn jgħoddu biss ir-rebbieħa (meta jkun hemm) u fejn il-lista mqassra ftit li xejn tfisser, jekk mhux saħansitra titqies kważi bħala offiża minn uħud. Ħasra, għax ta’ detriment għal kulħadd.
Dawn huma biss ftit mill-isfidi li rridu nibdew negħlbu kollettivament. Il-fatt li l-premju ma ngħatax ma jfissirx wisq, kif ħareġ ċar mid-diskussjoni. Hija sena waħda u l-premju jiddependi ħafna fuq il-kalendarju ta’ meta ħareġ xiex. L-2022 rat kotba ta’ livell għoli, fl-2024 ħarġu kotba tajbin ukoll, u min-nuqqas ta’ premju għall-pubblikazzjonijiet li ħarġu fl-2023 ma tantx nistgħu nisiltu konklużjonijiet. Imma l-għan irid ikun li nitjiebu. L-iskuża ta’ letteratura li għadha żgħira qed teqdiem. Issa rridu nimmaturaw.
Nota: Il-fehmiet espressi f’dan l-artiklu huma tal-awtur biss, u mhux neċessarjament jirriflettu l-ħsibijiet tal-persuni l-oħra msemmija.