Kotba | X’lewn għandha l-faċċata tiegħek?

Elena Cardona tesplora l-ġabra ta’ novelli Faċċati, waqt li tipprova tassoċja ruħha jew toħloq distakk ma’ karattri u temi partikolari

F’dawn il-ġranet li fihom kellna x-xita, mistennija kemm min-nies li bħali xebgħu bl-estenzjoni żejda tas-sajf, kif ukoll mill-art għatxan għall-qatra ilma, qattajt mumenti mill-isbaħ naqra kotba li ilhom xhur jistennew fuq l-iskrivanija. Ktieb li pprovoka ħsibijieti kien Faċċati (Horizons, 2023) miktub minn Joe Camilleri. Fih skoprejt, mhux biss il-faċċati ta’ dawn in-novelli, iżda wkoll il-faċċati tiegħi bħala persuna li rrelatajt immedjatament ma’ dawn il-karattri wara li qgħadt nixtarr dak li qrajt. 

Din il-ġabra, li fiha għoxrin novella, toffri lill-qarrejja faċċati mlewna jrejħu l-ħajja kwotidjana u l-emozzjonijiet tal-bniedem. In-novelli għandhom temi varji u attwali u minkejja li dan il-ktieb ilu ppubblikat sena, xorta waħda jinħass frisk u  jappella għas-soċjetà Maltija. Miktub fl-ewwel jew fit-tielet persuna, in-novelli ħafna drabi jibdew in medias res, jiġifieri f’nofs ir-rakkont. Il-qarrejja ma jkunux jafu x’seħħ fil-bidu tar-rakkont u jista’ jkun li dawn il-fatti ma jiġux żvelati sal-aħħar tan-novella. Din it-teknika narrattiva tqanqal suspans u kurżità biex aħna bħala qarrejja nkomplu nqallbu fil-paġni sakemm nispiċċaw il-qari tagħna. Barra minn hekk, Joe Camilleri b’Malti mirqum u mexxej, joħloq faċċati uniċi li joffru kummenti u kritika fuq dak kollu li qiegħed jiġri madwarna u li aħna bħala bnedmin nesperjenzaw. Xi minn daqqiet, b’ton sarkastiku, umoristiku, serju jew kiebi, din in-narrattiva tniggeż u tinbex lill-qarrejja, waqt li tperreċ u tberraħ il-psikoloġija tal-bniedem. Mhux biss li l-qarrejja jispiċċaw jitkażaw b’dawn il-karattri, iżda jirrealizzaw li huma wkoll għandhom l-istess difetti. Fil-fatt jispikka l-bniedem ta’ Camilleri – fraġli mhux biss fil-karattru imma bħala prodott tal-kurrenti ta’ madwaru, liema elementi jirriflettu lil ħajtu u lis-soċjetà li jagħmel parti minnha.   

La Camilleri jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tar-rakkonti tiegħu, żgur li l-kitba tiegħu se titfa’ dawl fuq ir-relazzjonijiet. F’‘Biża’, ‘Bħalissa d-Daqqa’ u ‘Il-Ħajt Faċċata’ jixirfu r-relazzjonijiet li l-bniedem lest li jidħol fihom basta jħaxxen butu. Fil-fatt, element komuni bejn dawn in-novelli hu l-‘kultura tal-ġebel, tal-konkos, u tal-flus’, liema kultura qiegħda twassal lill-bniedem biex isir korrott u bla skrupli. Minkejja li n-novella ‘Dell Minn Wara t-Tieqa’ tittratta wkoll ir-relazzjonijiet, din id-darba ttella’ fil-wiċċ relazzjoni ristretta u sfurzata bejn omm u bintha. Il-bidu tan-novella jfixkel lill-qarrejja għaliex isibuha diffiċli biex joħolqu ordni kronoloġiku ta’ kif seħħew il-ġrajjiet. Iżda din mhix l-intenzjoni tal-awtur għaliex id-diversi analessi li juża jisħqu fuq ir-relazzjoni ta’ bejn l-omm u l-bint li tixbah lil ‘ħitan li aktar għolew bejniethom’. Barra minn hekk, l-indħil żejjed tal-omm, li tagħmlu b’intenzjoni li tipproteġi lil bintha ħalli tkun aħjar minnha, iwassal biex il-bint tikkommetti suwiċidju għax qatt ma laħqet l-aspettattivi ta’ ommha. Bintha, li tħobb lil Tessa, qatt ma kellha l-kuraġġ li tesprimi d-diversità tagħha lil ommha għaliex din tal-aħħar kienet ilha żmien tippjana kif għandu jkun ir-raġel ta’ bintha. B’xorti tajba l-bint ma tmutx u ssib l-għajnuna meħtieġa. 

Waħda min-novelli li laqtitni l-aktar u ġegħlitni naħseb fit-tul hi ‘Skappatura’, anke għall-fatt li meta mqabbla man-novella ta’ qabilha ‘Dell Minn Wara t-Tieqa’ hija iktar leġġera iżda fl-istess waqt sarkastika immens. L-isem mill-ewwel jindika li f’dan ir-rakkont kien hemm xi ħarba u wisq probabbli konsegwenza. Bella, il-kelba ħelwa u fessuda li hija ċentrali fl-istorja, taħrab u tirritorna lura d-dar maħmuġa. Xi xahrejn wara, fil-kaxxa tal-irqad tagħha, il-familja ssib tliet ġriewi tat-twelid. Waqt li t-tfal jieħdu gost bil-ġriewi tant li jkunu jridu jżommuhom kollha, l-omm taffronta lir-raġel tagħha biex tara x’se jagħmel ħalli t-tfal ma jżommuhomx. Ta’ min jinnota li n-novella, minkejja li hi dwar Bella, hi rrakkontata mill-missier li sa tmiem ir-rakkont nindunaw li hu vittma iktar mill-kelba. Jispiċċa jeħel hu talli l-kelba ħarbet, l-istess kif tliet snin qabel kien weħel hu wkoll talli lil uliedu ma ħallihomx jixtru l-ġriewi l-oħra li kien hemm ma’ Bella għand tal-pet shop. Il-missier qiegħed jiġi milqugħ b’ħafna gdiedem u tgergir, tant li uliedu u martu ma jibqgħux jikkomunikaw miegħu. Il-qofol jintlaħaq meta r-raġel jammetti mal-qarrejja li ‘spiċċajt [niekol] żewġ sandwiches bil-ġobon u b’tadam imqatta’ roti. Għax il-biċċa ċanga sabiħa li kien hemm fil-brodu tqattgħet kollha kemm hi f’kubi żgħar biex wara jiem ta’ tiċħid u sawm, is-sbejħa l-misjuba issa jkollha fiex tindafar’. Għalkemm din in-novella tinstema’ frivola, taċċenna li xi kultant l-annimali domestiċi, speċjalment il-klieb, qegħdin jieħdu post il-bniedem għax waqt li Bella tiġi aġevolata, il-missier jispiċċa mwarrab u jrid isolvi l-problemi. Ħafna drabi, l-annimali saru l-allat ġodda tagħna u dan qiegħed isir għad-detriment tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna. 

Ir-ruħ ta’ Faċċati hija waħda soċjali għax hija miżgħuda b’karattri li bħali u bħalek jagħmlu parti minn soċjetà dejjem tevolvi fl-aspirazzjonijiet u t-twemmin tagħha, fejn in-nies dejjem jitħabtu biex itejbu ħajjithom (b’mezzi ġusti jew inġusti). Waqt li xi minn daqqiet inħossu li l-kuxjenza soċjali qiegħda tmajna, dawn in-novelli jtellgħu fil-wiċċ il-problemi li s-soċjetà qiegħda tħabbat wiċċha magħhom bl-għan li jġibuna f’sensina biex nerġgħu nibdew inrawmu kuxjenza soċjali li hi essenzjali għall-ġid komuni tas-soċjetà. 

L-awtur bagħatli kopja tal-ktieb biex nirreċensah b’mod onest. 

More in Arti