Sejħa għal reċensuri tal-paġna letterarja bil-Malti
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed ifittex tliet (3) reċensuri li jiktbu bil-Malti għall-paġna letterarja tiegħu. Din il-paġna tiġi stampata fuq il-gazzetta ILLUM kull nhar ta’ Ħadd u ppubblikata online fuq is-sit tal-gazzetta ftit jiem wara.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed ifittex tliet (3) reċensuri li jiktbu bil-Malti għall-paġna letterarja tiegħu. Din il-paġna tiġi stampata fuq il-gazzetta ILLUM kull nhar ta’ Ħadd u ppubblikata online fuq is-sit tal-gazzetta ftit jiem wara.
Bis-saħħa ta’ dil-paġna letterarja, il-KNK jimmira li jrawwem kultura letterarja b’saħħitha permezz ta’ analiżi kritika u argumenti ta’ sustanza. L-għan tal-paġna hu li tixgħel dawl fuq il-qagħda tal-letteratura Maltija fil-ġeneri diversi tagħha, dejjem b’suba’ fuq il-polz ta’ x’qed jiġi ppubblikat u diskuss fix-xena letterarja kurrenti.
Barra minn hekk, bil-paġna letterarja tiegħu l-KNK ta’ kull ġimgħa jistieden lill-pubbliku jaqra dwar il-letteratura u l-kittieba tiegħu, b’lingwaġġ aċċessibbli li madankollu mhuwiex sempliċi jew tal-wiċċ.
X’Nistennew mir-Reċensur
- Artiklu bil-Malti ta’ 800 kelma darba kull tliet ġimgħat, li għandu jiġi sottomess fil-ħin.
- Artikli dwar: i) ktieb letterarju jew ta’ ġeneru ieħor li jġorr ISBN Malti; jew, ii) diskussjoni tematika jew aħbarijiet mid-dinja tal-kotba f’rabta mal-kuntest Malti.
- Argumenti b’saħħithom mibnija fuq analiżi letterarja ta’ qari mill-qrib tat-test, li jistgħu jinkludu wkoll kummentarju usa’ dwar il-kultura letterarja Maltija.
- Kitba mirquma u vuċi distintiva li ma toqgħodx lura mill-kritika kostruttiva, li fl-istess ħin tasal u tinftiehem mill-qarrejja tal-gazzetta u l-mezzi soċjali.
- Tista’ taqra l-linji gwida tar-reċensuri fl-intier tagħhom hawnhekk.
X’Qed Noffru lir-Reċensur
- Ħlas ta’ €150 (VAT eskluża) għal kull reċensjoni.
- Kuntratt ta’ sena li jibda minn Frar 2025.
- Somma ta’ flus għax-xiri tal-kotba (€50 għal kull tliet reċensjonijiet).
Kif Tapplika
Jekk jogħġbok ressaq l-applikazzjoni tiegħek billi timla din il-formola online, u fiha inkludi:
- Bijonota ta’ bejn 20-30 kelma.
- Is-CV tiegħek.
- Ittra qasira ta’ motivazzjoni.
- Reċensjoni/jiet li ġew ippubblikati, jew kampjun/i ta’ 800 kelma (minimu ta’ waħda, massimu ta’ tlieta).
Għeluq tas-Sottomissjonijiet
Dis-sejħa tagħlaq nhar it-Tnejn, is-16 ta’ Diċembru 2024.
Il-Proċess tal-Għażla
Is-sottomissjonijiet se jiġu evalwati skont damma ta’ kriteriji, li jinkludu:
- Is-sengħa tal-kitba.
- Id-distintività fil-vuċi.
- Is-sustanza tal-kritika letterarja.
Jekk tixtieq tieħu idea tat-tip ta’ kitba li qed infitxxu, aqra dawn ir-reċensjonijiet miktuba minn Daniel Cossai u Mark Vella. Tista’ ssib aktar eżempji ta’ kontribuzzjonijiet li ġew ippubblikati fis-sezzjoni tal-Arti fuq l-ILLUM billi tfittex l-artikli mmarkati ‘Kotba’.
Għal aktar informazzjoni, ibgħat email lil Jasmine Bajada fuq [email protected].