Kotba | Ħarsa lura lejn pandemija passata

Patrick J. Sammut jitkellem ma’ Anthony Zarb-Dimech dwar ir-riċerka li wasslet għall-ktieb Resilience in Pandemics: The Cholera Morbus Malta, 1837 (Awtoppubblikat, 2024)

L-interess fl-Istorja ta’ Malta min-naħa ta’ riċerkaturi u storiċi varji jgħinna nifhmu aħjar minn xiex inhu magħmul l-imgħoddi tagħna bħala poplu, imma anki min aħna bħala poplu llum. Anthony Zarb-Dimech f’dan il-ktieb ta’ 384 paġna jfakkarna li għad hemm minjieri ta’ dokumenti moħbijin, kemm f’arkivji pubbliċi, kif ukoll f’dawk privati li għad iridu joħorġu għad-dawl u jiġu miflija minn persuni ddedikati, imħarrġa fir-riċerka u mimlija sabar. Dan hu ktieb ieħor li jurina kemm, matul l-Istorja, il-poplu Malti għadda minn tbatijiet differenti imma kien jaf ukoll kif jirreżisti u fl-aħħar jirbaħ, din id-darba kontra l-għadu inviżibbli tal-kolera fis-seklu 19. 

Patrick J. Sammut: Minn fejn ġej dan l-interess tiegħek fl-Istorja ta’ Malta? 

Anthony Zarb-Dimech: Meta kont student il-Kulleġġ ta’ San Albert kont laqqatt ‘copy’ mingħand patri Dumnikan biex nikteb għal tletin darba d-definzzjoni tal-kelma ‘History’ u naħseb dan kien l-ewwel pass biex nagħżel jekk għandix inħobb u nikteb fuq temi ta’ storja jew le. Jiena ġej minn familja li hemm storja mhux ħażin x’jinkiteb dwarha u għalhekk meta kont nisma’ l-istejjer tal-ġenituri tiegħi dwar it-tbatijiet li għaddew minnhom il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom, iddeċidejt li nagħmel riċerki biex nidħol fil-fond u nitgħallem u ngħożż dak il-wirt li ħallew ta’ qabli. Fost il-personaġġi li ommi u missieri kienu jsemmuli kien hemm skulturi u nies tal-liġi bħal Vincenzo Dimech tal-Furjana li kien skultur famuż, u Sigismondo Dimech li kien Professur tal-Liġi fis-seklu 19. 

Għaliex il-kolera tal-1837, u kif jntrabat dan mal-pandemija tal-Covid-19? 

Għażilt il-kolera tal-1837 għax sibt reġistru b’ħafna informazzjoni li ħassejt li kien jixraqlu li jinkiteb ktieb dwaru. Il-persuna li offrietli dan ir-registru ħeġġitni biex nagħmel hekk. F’dan ir-reġistru hemm Ordinanzi tal-Gvern Kolonjali u Proklami u Minuti tal-Gvernatur u dan kollu għenni qatigħ biex nikteb u nipprofondixxi r-riċerka. Il-kolera tal-1837 torbot ħafna mal-pandemija tal-Covid-19 fis-sens illi kif kienu jinkitbu r-rapporti ta’ kuljum dwar kemm nies mardu, mietu u rkupraw fl-1837, dawn jixbhu ħafna dawk ir-rapporti li konna naraw fl-aħbarijiet meta l-pandemija tal-Covid-19 kienet fl-aqwa tagħha. Naraw ukoll l-organizzazzjoni u x-xogħol li kienu jagħmlu, kemm il-Maltin, kif ukoll l-Ingliżi biex il-marda tal-kolera tiġi kkontrollata. Allura wieħed jara ħafna xebh, speċjalment ukoll meta tqis li f’Malta fl-1837 ma kienx hawn il-mezzi sanitarji li hawn illum. Fis-seklu 19 il-kolera ħalliet ’il fuq minn 4,000 vittma li huwa l-akbar numru ta’ vittmi wara l-pesta tal-1813, dejjem fis-seklu dsatax biss.  

Liema sorsi użajt biex ksibt l-informazzjoni miġbura f’din il-pubblikazzjoni? 

Is-sors primarju kien ir-reġistru li semmejt qabel. Iżda biex nagħti aktar sfond u saħħa lir-reġistru, mort l-arkivji ta’ Santu Spirtu, ir-Rabat, biex hemmhekk sibt għajnuna professjonali tal-arkivisti biex inkompli nagħti ħajja lir-riċerka. Infatti, in-nies tal-arkivji sabu ħafna informazzjoni f’manuskritti bl-ismijiet ta’ nies li mietu bħala riżultat tal-kolera f’diversi bliet u rħula, kemm f’Malta, kif ukoll f’Għawdex. Sintendi, użajt ukoll kotba u pamflets lokali u barranin bil-Malti u bl-Ingliż. 

X’wasslek biex tagħżel tikteb dan il-ktieb bil-lingwa Ingliża u mhux bil-Malti? 

Ktibt bl-Ingliż għax ridt li l-ktieb ikollu udjenza, mhux biss lokali, iżda wkoll internazzjonali. Jekk nillimita ruħi għal-lingwa Maltija, il-ktieb ma jkollux il-possibbiltà u l-firxa li jinqara minn nies ta’ pajjizi oħra wkoll. Però, jien noffri l-ktieb lil min irid jagħmel traduzzjoni tiegħu bil-qalb kollha. 

Interessanti huma wkoll ir-ritratti li jakkumpanjaw it-test, anki għax jagħtu idea tajba tal-ispazji marbutin mas-suġġett li tittratta. Xi tgħid dwar dan? 

Wieħed irid iqis li fl-1837 il-fotografija kienet qiegħda tiġi żviluppata u għalhekk ritratti ma jeżistux. Però, hemm illustrazzjonijiet forma ta’ inciżjonijiet, pittura, kif ukoll ritratti ta’ postijiet li ttieħdu wara l-1837 meta l-fotografija ġiet stabbilita. 

Avvenimenti koroh bħall-kolera u l-pesta jġibu magħhom mewt u diqa kbira, imma b’xi mod jagħżlu bejn il-b’saħħtu u d-dgħajjef. Kemm hu veru dan? 

Hemm ħafna verità f’dan għax min ikun qed jgħix stil ta’ ħajja san, iktar hemm ċans li ma jimradx u jekk jimrad ikollu ċans akbar li jfiq. Però, il-mard m’għandux preferenzi jew uċuħ u dan aktar u aktar fl-1837 meta ma kienx hawn il-mediċina u l-għarfien li hawn illum. Wieħed irid iqis li skont l-istatistika li ġbart mill-arkivji, kemm żgħar fl-età, xjuħ, tfal, trabi, sinjuri u fqar kienu vittmi tal-kolera. Iżda l-aktar li mietu kienu dawk li ma kellhomx għaxja ta’ lejl. L-injoranza li kienet tirrenja fl-1837 fuq kif il-marda tittieħed u titfejjaq kienet issaltan ħafna u din kienet raġuni oħra għaliex mietu daqshekk nies (5% tal-popolazzjoni). L-Ingliżi ma kellhomx imwiet daqs il-Maltin għaliex kienu jgħixu ’l bogħod mill-miżerja u nuqqas ta’ iġene li kienu jgħixu fihom il-Maltin. 

Xi jmiss wara dan il-ktieb? 

Bħalissa għadni qed nara x’nista’ niżviluppa però rrid aktar żmien u anke xi opportunità li tista’ tippreżenta ruħha biex nikteb. 

X’jagħmel Anthony Zarb-Dimech meta ma jkunx qed jirriċerka u jikteb? Kif inhu bħala persuna? 

Inħobb ħafna l-baħar u l-annimali. Inqatta’ ħafna żmien mal-familja. Ma nħobbx inkun f’ħafna folol u storbju. Inħobb l-ispazji miftuħa fejn tista’ timraħ u tieħu nifs san u mingħajr tniġġis u mard. 

More in Arti