Kotba | ‘Aġent tal-bidla bi kliemu’
Patrick J. Sammut jitkellem ma’ Wayne Farrugia, l-awtur tal-ġabra ta’ novelli L-Aħħar Petala u Novelli Oħrajn (Malta University Distributors, 2023), dwar il-protesta fil-kitba, il-kittieb fis-soċjetà Maltija u l-bżonn tal-qari minn età bikrija
Patrick J. Sammut: Minn fejn jitwieldu dawn in-novelli tiegħek?
Wayne Farrugia: L-element soċjali minn dejjem affaxxinani biex ngħarblu u neżaminah mill-qrib, u naħseb l-istudju tas-Soċjoloġija, fil-livell postsekondarju u universitarju, għenni nifhem aħjar il-fenomeni ta’ madwarna. Is-soċjetà nnifisha hi kunċett astratt, li nifhmuh biss f’termini tanġibbli, inkella fid-dawl tal-esperjenzi ta’ kuljum jew banali (banali fis-sens li tant huma ovvji u parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, li lanqas nagħtu kashom, ngħidu aħna, il-bandiera Maltija tperper fuq il-Palazz tal-President, il-Belt Valletta. X’jirrappreżenta dan is-simbolu? Ir-rappreżentazzjoni hija relattiva, forsi għal xi wħud hu simbolu ta’ kburija, ta’ nazzjon, ta’ monument storiku, fost l-oħrajn). Wara kollox, in-nazzjon innifsu hu astratt, u nifhmuh biss fid-dawl ta’ karatteristiċi, fattizzi komuni, uniċi u integri ta’ pajjiż partikolari. U appuntu, l-astrazzjoni, minnha nnfisha, wasslitni biex nikteb dawn in-novelli, li nagħti ċ-ċans lill-qarrejja biex jinterpretawha f’termini sempliċi, u wara li jinterpretawha, jagħmluha tagħhom, iħossu aktar il-polz tal-batut u d-dgħajjef, u forsi tittaffa ftit l-istigma li ħonqot lil pajjiżna, u lid-dinja. Huwa possibbli dan l-idealiżmu? Dażgur li le. Hija biss utopja, jew dinja fantastika, li ssibha biss fil-ħrejjef jew fil-letteratura. Biss, b’dawn in-novelli ħassejt li mhux biss nagħti gost lill-qarrejja li jogħġobhom jaqrawh, imma wkoll, b’sens ta’ maturità, jifhmu u jħossu b’idejhom il-fenomeni soċjali f’termini tanġibbli. Kont bdejt niktibhom meta temmejt il-kors tal-Baċellerat fil-Malti u fl-Istudji Soċjali, u ħsibt li ma nżommx għalija dak li tgħallimt, imma nitimgħu ftit ftit lill-udjenza li kienet lesta tibda taqrah u tipprova tifhem il-problemi soċjali. Forsi xi darba, il-poplu ma jibqax dahru lejn id-dawl, u jara biss rifless ta’ dan l-istess dawl, imma jfettillu jdawwar wiċċu u jillumina ruħu.
Fil-kitbiet tiegħek hemm ukoll l-element ta’ denunċja jew protesta: issemmi lil Malta bħala “nazzjon bla prinċipji”, il-fatt li fqajna pajjiżna bil-konkrit, il-prekarjat u l-“paga pjaga”, il-ħaddiem bħala l-iskjav modern, il-bipolariżmu tal-poplu tagħna f’oqsma bħalma huma l-politika u l-każini reliġjużi tar-raħal, il-vjolenza domestika, u bosta oħrajn. Kemm hu importanti dan u kemm temmen li hu anki dmir tal-kittieb li jqajjem kuxjenza dwar dan kollu?
Dan l-element ta’ protesta ġej minn żewġ għejun prinċipali: is-soċjoloġija, li aċċennajt għaliha fil-bidu; kif ukoll il-kitba ta’ Oliver Friggieri, prinċipalment, Mal-Fanal Hemm Ħarstek Tixgħel (1988) u Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri (1986), li nkitbu fi żminijiet prekarji u inċerti, nazzjonalment, politikament u soċjalment. Fil-protesta nilmaħ il-kuraġġ, u dan il-kuraġġ hu bżonjuż biex l-awtur jikteb bla biża’ u bla parzjalità quddiem l-aljenazzjoni tal-poplu u t-tkażbir tal-mexxejja. Dan kollu analizzajtu fit-teżi tal-Maġisteru Il-Kostruzzjoni tan-Nazzjon fil-Poeżija ta’ Oliver Friggieri (2022), bis-saħħa tal-għodod Marxisti u Nazzjonalisti.
Ħassejt il-ħtieġa li nikteb ħsibijieti, kif nara l-pajjiż jiena, pajjiż maħnuq bil-konkrit, ipokreziji, u partiġjaniżmi. Jien nemmen li l-kittieb m’għandux dmir li jikteb għan-nies, imma l-ewwel u qabel kollox, jikteb biex jesternalizza dak li hu partikulari għalih u fih. Malli l-ħsus jesternalizzahom, ma jibqgħux tiegħu, imma jsiru universali, ta’ kull bniedem, f’kull żmien. Imbagħad, f’idejn il-bniedem li jaqra x-xogħol, jieħu gost, u, għaliex le; jagħmlu tiegħu. L-awtur mhuwiex politiku, imma xorta jista’ jkun aġent tal-bidla bi kliemu, kemm konxjament, kif ukoll inkonxjament.
Il-kitba tajba hija dik li b’xi mod tgħin biex id-dlam fl-imħuħ jinbidel f’dawl u għarfien. Xi tgħid dwar dan?
B’referenza għall-Allegorija tal-Għar ta’ Platun, id-dawl hu ċ-ċavetta biex jinkiseb il-Veru fis-Sabiħ. X’jiswa li jkollok dawk l-individwi tal-għar b’wiċċhom mal-ħajt u jaraw biss rifless tad-dawl? Wieħed biss fettillu jmur kontra l-merħla. Għoddewh b’miġnun, differenti minnhom; sempliċement, għax ried jaġixxi kontra dak li kienet tiddetta n-norma, li kienet imposta fuqhom. Għall-bidu, id-dawl għammxu, imma meta għajnejh qagħdu għal dik il-bidla fl-istat, fl-ambjent u fil-ħsieb, għaraf x’kien qed jitlef meta kien qed jara biss rifless tal-verità. Dan il-wieħed għandu jkun l-eżempju tas-soċjetà tagħna, li bħala aġenti soċjali, għandna naħsbu b’mod razzjonali, mhux skont ma jitimgħuna biex jagħlqulna ħalqna. Spiċċajna f’sitwazzjoni ta’ nofs-verità: nofs-Veru blu u nofs-Veru aħmar. Ħadd minnhom ma jkun qed jigdeb, imma jkunu qegħdin ilissnu nofs verità, skont ma jaqbel lilhom, u l-merħla timxi wara r-ragħajja-mexxejja tagħhom, mingħajr ma jistaqsu, mingħajr ma joħduha kontra min imexxihom. Din hi mentalità tribalista. Jew inti magħna f’kollox, inkella kontrina f’kollox. Jekk toħodha kontra l-mexxej, int tkun meqjus traditur. Din il-mentalità tribalista u bipartiġġjana, fl-opinjoni tiegħi, qatt ma tista’ titħassar minn pajjiżna. Din hi biss utopja li xtaq Friggieri, u oħrajn bħalu, inkluż jien, li impossibbli biex isseħħ. Fit-teżi tal-Maġisteru tiegħi kont tajt xi ftit alternattivi għal dawn in-nuqqasijiet, ngħidu aħna l-life-politics, issuġġerita minn Anthony Giddens, li bis-saħħa tagħha, iċ-ċittadini jsejsu l-għarfien tagħhom fuq ir-riflessività, li tgħaqqadhom mad-dinja globali.
Inti kittieb żagħżugħ. Kemm huwa importanti l-qari fil-formazzjoni tal-karattru ta’ dak li jkun, imma anki fil-formazzjoni ta’ poplu li jaħseb b’rasu mhux b’butu? X’taħseb dwar ir-relazzjoni bejn iż-żgħażagħ Maltin u l-qari?
Bħala promotur tal-litteriżmu bil-Malti, fi ħdan l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, naħdem ħafna dwar l-importanza tal-qari. Jinħarġu kotba bil-Malti u bl-Ingliż biex minn ta’ età żgħira, it-tfal jidraw jaqraw. Dak li jaqraw, iridu jixtarruh, bit-tama li japplikawh għall-ġejjieni. Is-soċjalizzazzjoni tibda mid-dar (primarja), imma tkompli l-iskola u fil-mixja akkademika u kurrikulari tagħhom (sekondarja).
Il-qari fl-iskejjel huwa l-għajn fundamentali li jrawwem l-għarfien, l-oġġettività, l-immaġinazzjoni, il-kreattività; għodod bżonjużi immens f’soċjetà li kulma jmur qed issir aktar aljenata, suġġettiva, fqira fil-ħsieb u l-innovazzjoni, u fuq kollox parzjali. U ż-żgħażagħ? Medhijin biss bil-mezzi soċjali li jaljenawhom, jitimgħuhom dak li jridu biss, u bl-ebda mod ma jħaddmu l-kritika. Aktar u aktar kemm se jħaddmu l-awtokritika! Kif jistgħu, l-aġenti soċjali t’għada, jikkritikaw meta lanqas mhuma jaqraw? Kif jistgħu jkunu imparzjali, meta, sa minn ċkunithom, jitrawmu f’kulur jew f’ieħor, f’każin jew f’ieħor?