Kotba | L-għors li tkun ħaddieħor

Fil-paġna letterarja tal-KNK għal dil-ġimgħa, ir-riċensur il-ġdida Ħaley Xuereb tħares lejn Ors ta’ Miriam Galea, u fil-200 kelma li fih dal-ktieb tinnota temi li dwarhom inkitbu kliem bl-eluf

Ġieli ndur lejn il-kotba li kont naqra f’perjodu partikolari ta’ ħajti, u nħoss ċerta ħlewwet il-qalb nostalġika għal dik il-jien li kienet qed taqra l-ewwel darba li ġie l-ktieb f’idejha. Din il-viskoelastiċità ta’ eżistenza nista’ niddeskriviha fi kliem Arthur Rimbaud – Je est un autre; li nista’ nbiċċirha bil-Malti għal jien hu oħrajn. Forsi kriżi ta’ identità mhux l-aħjar mod biex nintroduċi lili nnifsi bħala riċensur ġdid għal din il-paġna letterarja. Però għalhekk għażilt li nirriċensa Ors (Kotba Calleja, 2024), dal-ktieb ta’ 200 kelma kollox, erba’ darbiet iqsar minn dir-riċensjoni. Mad-daqqa t’għajn taf taħsbu ktieb tat-tfal, imma bħar-ruħ li jsemmi Rimbaud, Ors irrendieni persuna eżistenti kemm fija nnifsi bħala qarrejja, kif ukoll bħala osservatriċi tal-istess aljenazzjoni tal-qari permezz tar-riċensjoni. 

L-istorja tibda b’laqgħa bejn l-ors u l-persona, u tiġi introdotta lill-qarrej f’diskursata rrasssenjata ta’ Kif int? Mhux ħażin. Aħna l-Maltin għandna din id-drawwa partikolari li minflok il-fine, thankyou, jew il-bien tot, inwieġbu b’tmaqmiqa ta’ nifs ’il barra – flok tajjeb, ngħidu mhux ħażin, għaddejjin. Din il-mistoqsija soċjalment magħmula rettorika hi mera fuq il-bqija tal-ktieb. Xi nżilt tagħmel lejn il-belt jistaqsi l-Ors – la jakkuża, u lanqas jistieden; imma jisfida. Minn hawn jibda l-vjaġġ, bir-risposta ta’ għaddejjin titbandal bejn in-natural u l-urban tal-vjaġġ mill-belt u l-foresta, donnha l-ġlieda eterna tas-salvaġġ nobbli li jippreżentalna Rousseau u l-piż idamdam taċ-ċivilizzazzjoni. Madanakollu, l-Ors mhux il-Virġilju protettiv, imma iżjed Dijoġenju fiċ-ċiniżmu sottili tiegħu, huwa eku ta’ xi ħaġa primittiva silenzjuża. Bħar-riħ f’Bejn ta’ Marjanu Vella, l-ors hu ħodon silenzjuż, fjamma ta’ xewqa. Inutli li nipprova nifhem (aħseb u ara nazzarda nfiehem) xi jfisser l-ors. L-ors jaf ikun ħajta inviżibbli li tmexxi l-ħajja, il-ħajta famuża tal-Erinyes tal-Mitologija Griega, il-ħajja li għalkemm ngħixuha f’ordni kronoloġika mhix lineari, u li kieku kellna gwida-spaga lineari (bħalma jista’ jkun l-Ors), aktarx niggranfaw fuqha għall-gwida. 

Il-kliem sempliċi ta’ Ors isir kullana madwar l-illustrazzjonijiet li jżejnuh. Is-sempliċità tal-kliem tiżżewweġ lill-illustrazzjonijiet ta’ xi belt anonima globalizzata Ewropea (jien u naqra, lill-belt tajtha l-isem ta’ xi Brussell, fejn bosta Maltin qed iqattgħu parti kbira ta’ ħajjithom jgħixu huma u jaħdmu f’xi istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea) u jagħmilha faċli biex il-qarrej jiskanta fil-kuluri tal-ktieb u jintilef jaħseb. In-nuqqas ta’ punteġġatura jkompli jħoll il-linja bejn in-narratur u l-ors, iwaħħadhom u jifridhom fl-istess ħin, u jiġbed lill-qarrej fi stat ta’ nuqqas ta’ tweġiba.  Bħal diska tal-Beatles magħmula biex tiġi mismugħa biż-żewġ headphones, Ors hu magħmul biex jiġi assorbit fil-kompletezza tiegħu, bil-kliem imferrex mal-paġni-kuluri u l-illustrazzjonijiet jesebixxu lil xulxin. L-anonimità tan-narratur taffaċċja l-anonimità tal-arti, akkwarelli-kartolini jżommu l-mumenti ta’ iżolazzjoni.  

L-istess sbuħija fl-iżolazzjoni taf tqarraq lill-udjenza. Ors huwa xogħol ibaqbaq bil-potenzjal, u l-astratt tiegħu kapaċi jieħu lill-qarrej sa fejn dan kapaċi jirrelata miegħu frott l-esperjenzi li jkun għadda minnhom – mill-poesis li jagħtina l-ktieb, għall-mimesis li joħloq il-qarrej. Kwalunkwe qarrej se jagħmel konnessjoni mal-astratt, irrispettivament minn kemm hu kapaċi jogħdos fil-fond. Forsi Ors jeħodha ben fatt iżżejjed li l-qarrej se jirnexxilu jagħmel dawn il-gabrijoli mentali waħdu. Minnu nnifsu, il-ktieb jixxennaq għal udjenza matura, għal udjenza li għexet tant sa ma rrealizzat li meta xi ħadd jistaqsiha xi tgħidli dwarek, kif jagħmel l-ors lill-persona, tintilef f’iċċassar lejn il-mera, f’paniku lejn xiex se tagħti valur f’ħajja tal-belt konsumerista u griża. Il-paniku ta’ jien min jien issa mexa lil hinn mill-Jien ta’ Victor Fenech, fejn il-persona ħasset personalitajiet kunfliġġenti fiha nfisha, u sponta għal persuna li tħossha żvijat u żvujtat, la fadal personalità, u wisq inqas personalitajiet kunfliġġenti.  Hawnhekk il-ktieb jilħaq il-milja tiegħu fil-versi poetiċi Għajnejja ħofor/Qalbi azzar./Ruħi tliftha/Ġewwa ċ-ċpar. Hi stedina lejn dawk li jħossu li ruħhom ittappnet mis-soċjetà griża u stramba, biex ikunu strambi/ribellużi f’soċjetà li twarrab lill-arti minn professjoni li trendi għejxien, minn ħajja mgħejxa biex tgħannaq il-baħħ li l-ktieb jobsor jispiċċa bih. 

Ors jisfida l-klassifikazzjoni. Mhuwiex ħrafa eżistenzjali, jew riflessjoni fuq is-solitudni. Hemm spirtu ta’ riflessjoni fuq il-perċepizzjoni nfisha. U donnu l-persona wkoll tħossha stramba sakemm tinfexx fid-distiċi poetiċi – iġelbnu paġna paġna, jiċċirkulaw u joħolqu l-arja madwar il-ktieb kollu ta’ skoperta, ta’ xenqa.  

[Filwaqt li l-prezz tal-ktieb jista’ jidher għoli, il-kwalità tal-pubblikazzjoni – speċjalment l-arti u d-disinn ġenerali li ċarament hu frott ħidma u dedikazzjoni bla qies, u l-karta tħaxwex bejn is-swaba ma’ kull paġna li tqalleb – tiġġustifika l-ispiża. Madankollu, tqum il-mistoqsija jekk is-suq Malti hux verament lest biex japprezza u jinvesti f’tali xogħlijiet letterarji għal dan il-prezz.] 

Fejn sejrin? Did-darba, flok ħarruba xiħa ankrata, għandna ors bħala gwida. Teżisti xi ħaġa ħelwa fis-segwu ta’ ors f’Belt – ħaġa assurda u inevitabbli. Donnu l-ktieb idaħħal lill-qarrej f’dellirju ta’ mejt u ċpar; ħolma passiva ta’ xi ħaddieħor li jqum minnha f’anonimità, ta’ tneżżigħ minn kull identità. Hu diffiċli fil-letteratura Maltija li ssib din l-introspettività kollha f’mitejn kelma; eleġju għas-solitudni, kritika għall-konformità. Forsi quo vadis mhix l-aħjar mistoqsija. Forsi l-importanti mhux id-destinazzjoni, imma l-pass li jmiss. Il-moviment li jrid isir. Il-fiduċja fl-ors, jew forsi fil-persuna nfisha. U forsi, dik il-fidiċja, hija biżżejjed. 

More in Arti