
Kotba | Xi stejjer toffri l-Amerika Latina?
F’din l-intervista, Patrick J. Sammut jivvjaġġa lejn l-Amerka t’Isfel ma’ Gabriel Schembri permezz tal-ġabra ta’ stejjer tiegħu Kafè Kolombja (Klabb Kotba Maltin, 2024)

Patrick J. Sammut: X’wasslek biex tikteb Kafè Kolombja (Klabb Kotba Maltin, 2024)?
Gabriel Schembri: Dal-ktieb twieled f’villaġġ ċkejken jismu Jerico fil-Kolombja. Hemm ktibt l-ewwel storja mis-sett li eventwalment iffurmaw il-ktieb kollu. Kont ċertissimu li għandi biżżejjed ideat biex nibbaża numru ta’ stejjer fuq dan il-pajjiż u dan is-subkontinent tal-Amerika Latina. Hemm biżżejjed materjal u kelli biżżejjed esperjenzi x’jispirawni wara kważi sentejn indur f’dawn in-naħat tad-dinja. L-ispirazzjoni li tagħtini l-Amerka Latina hija bħal xi ħaġa li qatt ma ħassejt qabel u, bħal kull forma ta’ arti oħra, ħassejt li għandi nesprimiha – inkella nisplodi!
Waqt ir-rakkonti l-qarrej jinnota taħlita ta’ tonijiet, xi drabi traġiċi, oħrajn komiċi. B’xi mod dawn iż-żewġ estremitajiet jirriflettu l-kultura Sud Amerikana. Kemm hu minnu dan?
Huwa minnu kollu kemm hu. Ridt li jkun hemm dal-kuntrast, u ridtu jidher kemm fl-istejjer u anke fit-ton tal-istejjer. Għax l-Amerka Latina hija verament hekk – post tal-estremitajiet, fejn hemm kulur u ġmiel, daqskemm hemm inkwiet u affarijiet oskuri oħra. Naħseb f’dal-ktieb ukoll xtaqt noħroġ il-paragun bejn il-qaddis, jew it-twemmin, u l-profan għax huma elementi kuntrastanti ħafna imma li jeżistu f’sinfonija rari u delikata, f’dil-parti tad-dinja.
Din hi ġabra ta’ rakkonti fejn irnexxielek twassal bl-ilsien Malti “Ir-riħa. Il-kuluri. Il-ħsejjes u n-nies” imma anki s-sbuħija naturali tal-Kolombja u l-Messiku. Kemm domt fuqu xogħol bħal dan u x’kienet l-iktar fażi li għoġbitek u dik li ħabbtitek l-iktar?
Domt, domt iktar minn kemm xtaqt, fil-fatt. Naħseb għax l-ewwel nett, din kienet l-ewwel darba li ktibt serje ta’ stejjer qosra. U għall-kuntrarju ta’ meta tikteb rumanz, il-kitba ta’ stejjer qosra tfisser li trid tibdieha u tispiċċaha kull darba, kull ftit paġni. Dak proċess li jieħu l-ħin. Il-Covid tellifni ukoll. Filli kont qed indur mal-Amerka Latina, imbagħad l-Asja u f’daqqa waħda spiċċajt magħluq hawn fuq dil-gżira. Ovvjament l-ispirazzjoni ħadet daqqa enormi. Kelli nieqaf, nipproċessa dak li qed jiġri madwari u nerġa’ nintefa’ nikteb. Naħseb madwar nofsu kien lest waqt li kont qed ngħix hemm. Imbagħad in-nofs l-ieħor ktibtu waqt li kont Malta.
Xi tgħid li kieku ngħidlek li dal-ktieb donnu d-demm li ħareġ mill-‘ferita’ li ħallietlek l-Amerka t’Isfel fuq qalbek u li inti esprimejtha jew dewwejtha permezz tal-linka fuq il-karta?
Ngħidlek li inti korrett. L-Amerka t’Isfel ħallietli ferita tant fonda; influwenzatni ħafna u fl-istess ħin, minħabba li jien konxju tad-difetti li hemm, noqgħod attent li nżomm ċerti ideat ’il bogħod. Imma hija żona fid-dinja unika, tabilħaqq. B’hekk mort ngħix lejn dawk in-naħat darbtejn u li kieku kelli nerġa’ mmur, nitlaq għada.
Hemm ukoll l-element senswali, jekk mhux sesswali wkoll, li jispikka. Anki dan element ewlieni fil-letteratura, mużika, żifna Sud Amerikana. Xi tgħid dwar dan? X’effett ħalla fuqek dan kollu bħala żagħżugħ Malti u Ewropew?
L-element senswali u sesswali huma preżenti ħafna, imma ħafna, fl-Amerka Latina. Kont inkun qed nonqos jekk nikteb sett stejjer dwar das-subkontinent u ma nagħtihx importanza. Anke sempliċement iż-żfin; il-bachiata, pereżempju, hija żifna senswali immens. Sfortunatament ma’ dan jiġi wkoll l-abbuż u l-ikrah. Is-sess spiss huwa konvenjenza, żvog ta’ pjaċir u inkonsegwenzjali. Hemm ukoll kultura fejn li jkollok xi ‘ħabib/a’ apparti l-persuna li tkun qiegħed magħha, hija normali. Qed niġġeneralizza immens, ovvjament, imma esperjenzajtha u ħasditni.
Dan tiegħek hu vjaġġ t’għarfien, mhux biss vjaġġ fl-ispazji tal-Amerka t’Isfel, li dam iktar minn sentejn. Il-postijiet li ssemmi u li fihom tambjenta r-rakkonti tiegħek żorthom fiżikament?
Iva. Kollha. Sal-iċken għar jew toqba fl-art, ir-ristoranti, arena tal-Lucha Libre, art Zapatista, kollha. L-ivvjaġġar, jew id-dinja, huwa l-aqwa università. Ħallast u tfaqqart indur, imma issa nħossni mifni (u mgħobbi) b’għarfien kbir. U fadalli xi ndur u nitgħallem. M’hawnx biżżejjed snin u ħajjiet biex nitgħallmu kollox.
Kemm hu ħaj l-ispirtu tar-Rivoluzzjoni fl-imkejjen li żort? Issemmi l-murales tal-mara ġellieda b’tarbija ma’ qaddha. X’effett ħallew fuqek bħala Malti u żagħżugħ?
Ħafna. Ħa nibda hekk – l-element rivoluzzjonarju fl-Amerka Latina huwa tremend, kbir immens. U huwa moviment sabiħ. Iż-Zapatista twieldu bħala moviment revoluzzjonarju u meta kont San Cristobal de las Casas, fil-Messiku, rajt li għadek tħossu. Il-murall li nsemmi fil-ktieb rajtu f’xi kantuniera. Il-moviment taż-Zapatisti dejjem laqatni b’kemm jagħti importanza lill-mara. Sin mujer no hay revolucion – m’hemmx rivoluzzjoni mingħajr il-mara. U hija realtà kbira hawn ukoll, tafx. Jien għandi (u kelli x-xorti) nassisti NGOs u għaqdiet tas-soċjetà ċivili, u li kieku m’hemmx in-nisa fihom, imutu.
L-awtobijografiku jintrabat ma’ dak li tikteb fl-aħħar taqsima “Lura”. Naqraw dwar is-sens ta’ solitudni tal-vjaġġatur; il-ħarba mir-rutina u fl-istess ħin ix-xewqa li jerġa’ jkun parti minnha; l-idea tal-barrani f’pajjiżek stess, tax-xewqa tal-irbit u fl-istess ħin tal-libertà minn kull rabta; ix-xewqa li ssib lil min jifhmek. Ix-xewqa aħħarija hija dik li terġa’ taħrab minn dil-blata ċkejkna fejn taħkem is-superfiċjalità. Mela filwaqt li fir-rakkonti tikxef is-sabiħ u d-difetti tal-Amerka t’Isfel, ittemm dal-ktieb billi tesponi d-difetti ta’ pajjiżek stess. U hawn jinħass anki bħal dispjaċir, uġigħ. Kemm hu minnu dan?
Kemm poġġejtha sew inti, Patrick. Onestament m’hemmx wisq xi nżid. Però, ma kontx ċert hux posthom hemm daż-żewġ siltiet. Huma stejjer ta’ weġgħa u nuqqas ta’ sodisfazzjon minkejja kollox. Hekk li f’Malta nħossni ltim, u anke waqt li nkun qed indur inħossni barrani. Sabiħ li tkun ‘ċittadin tad-dinja’, imma kont spiċċajt inħossni qisu mhu posti mkien. Milli qaluli, is-siltiet niżlu tajjeb għax jgħaqqdu l-istejjer, jew almenu jagħtu perspettiva reali, mhux ideali u surreali li mdorrijin nisimgħu fuq l-ivvjaġġar.