Oroskopju| L-erba’ xemgħat waqt il-fażi żodjakali tal-Iskorpjun

 Iż-żodjaku mwassal mill-Astroloġista PaulJon u se jistabbilixxi dawk l-erba’ xemgħat li huma kkombinati ma’ dan it-tmien żodjaku tal-Iskorpjun

F’dawn il-ġimgħat esperjenzajna, kemm il-qmura kombinati mal-fażi żodjakali tal-Iskorpjun, kif ukoll dawk l-erba’ kristalli ideali għal diversi benefiċċji li lkoll jiffurmaw parti ma’ dan it-tmien żodjaku. Għalhekk issa jkun xieraq li nistabbilixxu dawk l-erba’ xemgħat li huma kkombinati ma’ dan it-tmien żodjaku tal-Iskorpjun.  

Ix-xemgħa hija simbolu tad-dawl u meta int tixgħel xemgħa din tinxtegħel għal diversi raġunijiet partikolari fosthom fl-okkażjoni sabiex tfakkar għeluq snin jew l-anniversarju. Tinxtegħel ukoll sabiex tagħti dawl lejn il-mixja tal-eternità spiritwali ta’ dawk l-għeżież tagħna li jkunu ħallew din id-dinja, jew bħala protezzjoni kontra l-enerġija negattiva.  

Jista’ jkun li l-kulur tax-xemgħa minn żodjaku għal ieħor jibqa’ l-istess, però kemm il-benefiċċju, kif ukoll il-ġurnata li tinxtegħel ikunu differenti u għalhekk dejjem irridu noqogħdu attenti kif wieħed jixgħelha u xi tkun ix-xewqa partikulari li wieħed ikollu.  

Fost l-oħrajn, se nipprova nwassal informazzjoni dwar ix-xemgħat u kif nistgħu nkattru dik l-enerġija pożittiva madwarna. Se nuri wkoll meta tkun il-ġurnata ideali li għandha tinxtegħel ix-xemgħa, u kif għandha tintefa.  

L-erba’ xemgħat ikkombinati ma’ dan it-tmien żodjaku tal-Iskorpjun huma dawn: 

  1. Fl-ewwel ġimgħa taż-żodjaku tal-Iskorpjun tinxtegħel ix-xemgħa l-griża. 

  1. Fit-tieni ġimgħa tinxtegħel ix-xemgħa r-roża. 

  1. Fit-tielet ġimgħa tinxtegħel ix-xemgħa l-kannella. 

  1. Fir-raba’ u l-aħħar ġimgħa taż-żodjaku ta’ Virgo tinxtegħel ix-xemgħa s-safra.  

Fl-ewwel ġimgħa tinxtegħel ix-xemgħa l-griża dejjem fil-lejl tat-Tlieta bejn id-9.00 u l-11.00 pm. Ir-raġuni ewlenija hija bla dubju għall-bidu ta’ dan it-tmien żodjaku kif ukoll għal waqt il-fażi tal-qamar kwinta sabiex nissaħħu fil-motivazzjoni u l-istabbiltà ta’ madwarna.  

Fit-tieni ġimgħa tixgħel ix-xemgħa r-roża u din tinxtegħel fil-lejl tal-Ħamis u s-Sibt dejjem bejn id-9:00 u l-11.00 pm. Din tinxtegħel sabiex int tkun f’pożizzjoni aktar iċċentrata kif tasal lejn il-mira personali tiegħek. 

Fit-tielet ġimgħa ser tinxtegħel ix-xemgħa l-kannella fil-lejla tat-Tlieta bejn id-9:00 u l-11:30 pm. Ir-raġuni li din ser tinxtegħel fit-tielet ġimgħa hi waqt il-fażi ta’ qamar ġdid sabiex tagħtik aktar enerġija pożittiva għall-għarfien lejn dawk il-proġetti jew ideat li se tkun qed tesperjenza.   

Fir-raba’ u l-aħħar ġimgħa tinxtegħel ix-xemgħa s-safra fil-lejl biss tal-Ħamis bejn id-9:00 u l-11:00 pm. Ir-raġuni għala tinxtegħel hija sabiex tkun tista’ tagħraf aħjar kif int trid tħares lejn it-twettiq li wettaqt fil-fażi tat-tmien żodjaku tal-Iskorpjun u l-fażi li ser inkunu qed nesperjenzaw bil-bidu tad-disa’ żodjaku ta’ Saġittarju.  

Għal aktar informazzjoni bażika tista’ ssibha fl-aħħar pubblikazzjoni tiegħi, “L-Oroskopju minn PaulJon” jew ibgħat SMS fuq 7949 5804, jew tista’ wkoll iżżur is-sit tiegħi www.pauljon13.com

Namaste

More in Oroskopju