Editorjal | Delia: sejjaħ vot ta’ fiduċja!
Lil Adrian Delia nfakkruh li l-pożizzjoni tiegħu jafha lill-partit u huwa jinsab obbligat lejn il-bżonnijiet tal-partit u mhux il-kontra
Dan l-editorjal ma ddejjaq xejn jisħaq illi jekk Adrian Delia mhux kapaċi jgħaqqad partit u jwassal biex dan ikun alternattiva serja għall-Gvern tal-ġurnata għandu jirreżenja. Dan l-editorjal saħaq ukoll għal darba, darbtejn illi l-għaqda fil-partit hija r-responsabbilità tal-Kap, l-ewwel u qabel kollox u għandu jkun il-Kap stess li jirreżenja jekk wara li jevalwa s-sitwazzjoni jinduna li ma jista’ qatt ikun il-fattur li jgħaqqad.
Is-sitwazzjoni fluwida fil-PN kompliet tiggrava b’dak li deher illi se jkun il-kapitlu finali tat-tmexxija ta’ Delia b’bosta Deputati rrapportati illi ma jridux lil Delia jew inkella li jridu lil Delia jwarrab fiċ-ċirkostanzi kurrenti tal-PN. Fost dawn il-gazzetta The Sunday Times semmiet lil Jason Azzopardi, Claudio Grech, Mario DeMarco, Ryan Callus, Chris Said, Claudette Buttigieg, Karol Aquilina, Ivan Bartolo u oħrajn.
Lil hinn mir-rapporti fuq il-gazzetti, inkluż din, l-ebda deputat sal-lum għadu ma qal ċar u tond u fil-pubbliku fejn eżatt jinsab ma’ Adrian Delia, jekk iriduhx jitlaq u jekk huwa l-każ, għaliex.
Nappellaw lil dawk id-deputati Nazzjonalisti biex jieqfu jitkellmu fil-privat u jfesfsu fil-widnejn u jgħidu biċ-ċar x’jaħsbu dwar Delia fil-pubbliku.
Dan juri ma’ liema tip ta’ oppożizzjoni interna qed jitqabad Adrian Delia. Nies illi jitfgħu l-ġebla u jaħbu jdejhom għax huma iktar interessati fis-sopravivenza politika tagħhom milli verament iwettqu l-bidliet li hemm bżonn isiru.
Għalkemm din il-gazzetta temmen li Delia xorta għandu jirriżenja, jekk għalxejn minħabba li huwa ċar illi ma jista’ qatt ikun il-kolla li tgħaqqad il-partit, xorta nappellaw lil dawk id-deputati Nazzjonalisti biex jieqfu jitkellmu fil-privat u jfesfsu fil-widnejn u jgħidu biċ-ċar x’jaħsbu dwar Delia fil-pubbliku. Jekk għal xejn, biex il-partitarji li vvutawlhom ikunu jafu eżatt fejn jinsabu magħhom.
Jekk vera jemmnu li l-PN wasal fit-tarf u jekk vera jemmnu li l-partit ma jista’ qatt jirbaħ jekk jibqa’ għaddej fit-triq li qabad, mela allura jeħtieġ li juru wiċċhom u jgħidu dak li jħossu. Jew hekk jew inkella jkunu qegħdin biss jilagħbu għall-gallarija, interessati aktar f’ġildhom milli fil-partit.
Ġimagħtejn ilu din il-gazzetta ppubblikat bħal rapport qasir tat-telfa u intitolatu ‘rikonċiljazzjoni’. Minn dakinhar mhux talli ma seħħitx ir-rikonċiljazzjoni talli l-affarijiet marru għall-agħar.
Delia, ma jistax jibqa’ jinjora din is-sitwazzjoni.
Triq waħda hemm, dik li jsejjaħ vot ta’ fiduċja minn fost il-Kunsilliera u t-tesserati ħalli jsiru l-kontijiet u terġa’ tkun eżaminata d-deċiżjoni li ttieħdet fl-2017, deċiżjoni li ta’ min infakkru ma kinitx waħda kbira biżżejjed biex tneħħi kull dubju hekk kif Delia rebaħ b’maġġoranza żgħira.
Triq waħda hemm, dik li jsejjaħ vot ta’ fiduċja minn fost il-Kunsilliera u t-tesserati ħalli jsiru l-kontijiet u terġa’ tkun eżaminata d-deċiżjoni li ttieħdet fl-2017
Min għandu jgħid kontra Delia jgħid u min favur ukoll, imma mbagħad l-aħħar kelma tkun tan-Nazzjonalisti mill-ġdid. B’mandat ikbar minn dak tal-2017 u allura iktar ċar u li ftit jista’ jkun sfidat, Delia jkun jista’ jmexxi l-PN sal-2022 mingħajr iktar bsaten fir-roti.
Jekk dan mhux se jseħħ il-PN se jibqa’ jitfixkel f’saqajh stess u jitkisser minn ġewwa.
Ftit ġranet ilu, il-PN kien qisu pazjent qed imut u l-intervent kien bżonn imminenti. Ftit żmien ieħor lanqas dak l-intervent mhu se jkun biżżejjed biex isalva lill-PN mit-tifrik totali.
Lil Adrian Delia nfakkruh li l-pożizzjoni tiegħu jafha lill-partit u huwa jinsab obbligat lejn il-bżonnijiet tal-partit u mhux il-kontra.
Għalhekk jekk vera hu Nazzjonalist, jekk vera jħobb id-demokrazija, jekk vera jrid ikun onorabbli u jekk vera jrid ikun ġust mal-partit li jmexxi u ladarba ma jridx jirreżenja, għandu llum qabel għada jsejjaħ għal vot ta’ fiduċja.
F’ġieħ is-sewwa, id-demokrazija u s-sens komun!