Alex Agius Saliba | L-attakki personali huma frott tan-nuqqas ta’ ideat
'F’isem il-Laburisti kollha nista’ ngħid li aħna umli biżżejjed sabiex nammettu li aħna umani u niżbaljaw. Oħrajn jibqgħu jinsistu li infallibli u għadhom ma jistgħux jammettu li l-iżbalji li wettqu fil-passat wassluhom sabiex tilfu tliet elezzjonijiet infila b’maġġoranzi rekord'
Ħafna baqgħu sorpriżi meta waqt laqgħa riċenti f’Għawdex tlabt apoloġija għan-nuqqasijiet tal-Partit Laburista. F’isem il-Laburisti kollha nista’ ngħid li aħna umli biżżejjed sabiex nammettu li aħna umani u niżbaljaw. Oħrajn jibqgħu jinsistu li infallibli u għadhom ma jistgħux jammettu li l-iżbalji li wettqu fil-passat wassluhom sabiex tilfu tliet elezzjonijiet infila b’maġġoranzi rekord. Mhux talli ma jridux jammettu, hekk kif is-sondaġġi bdew juru li għandhom xaqq ta’ tama li jiġu eletti, irduppjaw l-attakki personali mimlija ħdura kontra kull min jaħdem sabiex pajjiżna jiffunzjona. Rajnieha ftit ilu meta stiednu lill-Prim Ministru u l-amministrazzjoni għal laqgħa informali, u eżatt wara għamlu rapport mal-Maġistrat Inkwirenti dwar mewt ta’ persuna abbażi ta’ dak li kien għadu kif ġie diskuss b’mod informali.
Rajnieha fil-gwerra qaddisa li ddikjaraw kontra pajjiżna fejn qed jagħmlu minn kollox sabiex iżebilħu r-rappreżentanti Maltin fl-Ewropa, inkluż riċentament lil Edward Zammit Lewis fejn, b’sensiela ta’ attakki malizzjużi, irnexxielhom iċaħħduh milli jirrappreżenta lil Malta fil-Qorti tal-UE. Rajnieha wkoll fid-diversi attakki personali kontra bosta kapijiet u diriġenti għolja fiċ-ċivil li ma qed iwettqu l-ebda rwol politiku għajr dak li jwettqu dmirhom fir-rwol tagħhom u jmexxu l-quddiem l-amministrazzjoni tal-pajjiż skont id-direzzjoni politika mogħtija lilhom. Dan l- aħħar saħansitra talbu lill-Qorti sabiex jinbdew proċeduri kriminali kontra l-ħaddiema tal-PBS talli wrew messaġġi ta’ informazzjoni dwar il-baġit.
Il-Partit Laburista għandu twemmin differenti. Għalina, it-twettiq tal-ħidma ta’ kuljum fil-lant tax-xogħol hija turija ta’ bżulija, mhux reat! Ma jgħaddilna qatt minn moħħna li naqgħu għall-attakki personali kontra l-avversarji tagħna, u wisq inqas kontra ħaddiema taċ-ċivil li m’għandhomx x’jaqsmu mal-politika. Dak li għandna ngħidu, ngħiduh b’wiċċna minn quddiem permezz tal-organi uffiċjali tal-Partit. Ma ninqdew bl-ebda organizzazzjoni paraventu jew terzi persuni sabiex nippruvaw inwaddbu t-tajn mingħajr ma niċċappsu.
Proprju għalhekk, nemmnu li rridu niġġieldu iktar sabiex il-profili foloz jew anonimi li jwasslu messaġġi giddieba jew mimlija kattiverja fuq pjattaformi online jinqerdu darba għal dejjem. Nemmnu bis-sħiħ li l-ġustizzja ssir permezz tal-istituzzjonijiet u l-mekkaniżmi uffiċjali mwaqqfa apposta għal dan ir-rwol, u mhux permezz ta’ allegazzjonijiet bosta drabi foloz intiżi għal gwadann politiku. Għandna, u minn dejjem kellna, rispett u fiduċja sħiħa fl-istituzzjonijiet, partikolarment il-Pulizija u l-Qrati, inkluż meta konna fl-oppożizzjoni u meta d-deċiżjonijiet tagħhom ħammru wiċċ il-Partit Laburista.
It-tattika tal-Partit Nazzjonalista li jwettqu attakki personali kontinwi hija sintomu tan-nuqqas u l-faqar t’ideat dwar kif jistgħu jtejbu lil pajjiżna, kif ukoll l-interessi ta’ pajjiżna ’l hinn minn xtutna. Bħala parti mill-kampanja elettorali sabiex jiġu eletti r-rappreżentanti Maltin fil-Parlament Ewropew ressaqt programm ta’ ħidma msejjes madwar ħames punti; il-ġlieda kontra l-inflazzjoni, id-drittijiet tal-ħaddiema, drittijiet diġitali, kwalità ta’ ħajja aħjar għal persuni żvantaġġjati u l-protezzjoni tal-identità Maltija. Ilkoll punti li jolqtu lis-soċjetà Maltija b’mod dirett u m’għandix dubju li wieħed jista’ jikkritika l-pożizzjoni tiegħi f’dawn is-suġġetti b’mod kostruttiv – iżda l-PN kien moħħhom biss fl-Eks Prim Ministru Joseph Muscat!
Nappella sabiex ma naqgħux fin-nasba tan-negattività. Ejja niġġieldu l-politika b’mod ċivili madwar mejda, niddibattu l-opinjonijiet tagħna dwar kif nistgħu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin. Ejja niġġieldu l-politika b’dibattiti dwar kemm il-ħidma tal-Gvern tirrifletti dak li ġie mwiegħed fil-programm elettorali. B’hekk biss nistgħu nagħtu l-poplu għażla ġenwina dwar kif jixtieq jara ’l Malta tiżviluppa u tkompli tagħmel progress fis-snin li ġejjin taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru tagħna, Robert Abela.