Editorjal | L-affarijiet li ma tismax imma li taf

'Li niskantaw li Jason Azzopardi kellu jittella’ fuq din il-kwistjoni mhux fuq każijiet aktar serji bħat-tixrid ta’ evidenza u data mill-każ ta’ Yorgen Fenech lil terzi persuni'

Dan hu xi kultant pajjiż medjokri. Dak li tisma’ uffiċjalment mhux neċessarjament huwa riflessjoni tal-verità kollha. Hemm ħafna pożi u wisq aktar kutrumbajsi. Dak li tara u tisma’ mhux bilfors huwa l-verità.  

U għal darb’oħra ħa jkollna nduru fuq avveniment jew inċident pjuttost fellinisk. Meta Jason Azzopardi, eks deputat Nazzjonalist u psewdo-gladjatur tas-sewwa, ġie akkużat fil-qorti, wara ordni tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti, li kiser ir-regolamenti tal-qorti meta ħa ritratt tal-Prim Ministru u l-ministru tal-ġustizzja meta kienu l-qorti waqt seduta. 

Affarijiet tat-tfal. Kważi lanqas tistennieha minn persuna li mhux darba jew tnejn ikkonferma kemm hu buffu u ipokrita. Forsi l-iktar eżempju li niftakru meta kellu relazzjoni barra ż-żwieġ wara snin ipinġi lilu nnifsu ta’ Nisrani eżemplari u qatta’ ‘l-vaganza’ ġewwa l-Hilton Tel-Aviv imħallsa mill-istess kumpanija ta’ Yorgen Fenech.  

Li niskantaw li Jason Azzopardi kellu jittella’ fuq din il-kwistjoni mhux fuq każijiet aktar serji bħat-tixrid ta’ evidenza u data mill-każ ta’ Yorgen Fenech lil terzi persuni. Tixrid immirat li jweġġa’ l-avversarji jew kritiċi tiegħu bħalma hi din il-gazzetta. 

Meta Azzopardi deher il-qorti ma qal xejn, ma seta’ jgħid xejn ħlief forsi li jħobb jidher u jkun iċ-ċentru tal-attenzjoni. Miegħu kellu avukat, l-Avukat Arthur Azzopardi, li kien mażun darba, u mhux hekk biss, tkeċċa mill-Partit Nazzjonalista grazzi għal garr ta’ nies bħal Jason Azzopardi li tant ħadmu kontrih. 

L-isfortuna hi, mhux li Azzopardi qiegħed fiċ-ċentru tal-aħbarijiet, iżda li l-Partit Nazzjonalista taħt Bernard Grech ħass il-bżonn li jappoġġjah u juri solidarjetà ma’ Azzopardi. Mossa li turi kemm Grech ma jifhimx li Azzopardi dejjem kien mażżra ma’ għonq il-PN. U li f’għajnejn ħafna floaters hija raġuni għalfejn ma jivvutawx għal PN. 

Wisq aktar Grech jaf li Azzopardi huwa persuna inaffidabbli. Jaħdem kontra dawk in-nies billi jimla ġurnalisti kontra dak li jkun. 

Każijiet ċelebri huma l-istejjer kontra Joe Giglio. Ma hemmx dubju li l-istejjer li qed jidhru kontra Giglio b’konnessjoni ma’ xi xogħol privat tiegħu huma xprunati minn Azzopardi stess u mrewħa inkreddibilment minn propogandisti filo Laburisti. Ma ninsewx li kien Giglio li tellef iċ-ċans li Azzopardi jiġi elett f’distrett ieħor fl-aħħar elezzjoni wara li Azzopardi ġie xkanat fir-raba’ distrett wara li votanti Nazzjonalisti beżquh. 

Xejn sorprendenti meta nafu li Azzopardi jservi wkoll negozji kbar fejn Joseph Muscat u Keith Schembri huma involuti jew għandhom konnessjoni indiretta jew diretta. 

Jekk iridu nimxu ’l quddiem fil-politika, nies bħal Azzopardi jridu jitwarrbu darba għal dejjem. Jekk il-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u anke Roberta Metsola jridu jaslu xi mkien fl-elezzjoni ġeneral li jmiss iridu jwarrbu nies bħal Jason Azzopardi. 

More in Politika