Amanda Spiteri Grech | Differenza ċara
'Għalhekk teżisti differenza ċara. Differenza bejn Gvern li wettaq riformi bla preċedent u min ma jipprattikax dak li jipprietka'
Il-Malti jgħid li l-lupu jbiddel sufu imma l-vizzju ma jbiddlux. L-Oppożizzjoni llum tipprova tpinġi ruħha bħala dik li nbidlet imma fil-fatt baqgħet l-istess, immexxija mill-istess klikka li tagħha kollu tajjeb u ta’ ħaddieħor kollu ħażin. Oppożizzjoni li mhux taspira li tmexxi billi tpoġġi ’l quddiem ideat biex għada jkun aħjar mil-lum iżda waħda li moħħha u medhija kif se tkun popolista biex tkisser lil ħaddieħor. Jekk hemm bżonn anki nies minn tagħha stess li mhumiex taċ-ċirku ta’ ġewwa.
Is-saltna tad-dritt ma tgħoddx għalihom. Din il-ġimgħa rajniehom minnufih joħorġu għonqhom għal wieħed minn tagħhom li poġġa lil Bernard Grech Kap. Għax għalihom is-saltna tad-dritt ma tgħoddx fuqhom. Meta mbagħad huma jridu jwieġbu għal għemilhom pront joħorġu jgħidu li qed issir persekuzzjoni politika. Għax għall-Oppożizzjoni mmexxija mill-fazzjoni l-aktar estremista, il-liġijiet ma jgħoddux għal kulħadd. L-avukati li suppost jafu aħjar malajr ħarġu l-kuluri tassew tagħhom. Għamlu hekk din il-ġimgħa fil-Qorti u anki qabel meta mqar lissnu kundanna fuq attakk wara l-ieħor fuq il-ġurnalisti. Għax huma jridu lil kulħadd isaqsi l-mistoqsijiet li jiskrutinizzaw lil kulħadd, kif inhu xieraq f’demokrazija moderna iżda ara ma jfettilekx tipprova ġġib lilhom skomdi b’mistoqsijiet li għandhom ħafna għal xiex iwieġbu. Għax huma jiksru l-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Jaħbu d-donazzjonijiet li jidħlu għandhom. Atti inaċċettabbli li f’pajjiżna għandhom jiġu rimedjati b’aktar snien li jridu jiddaħħlu fil-liġijiet biex tassew ikollna s-saltna tad-dritt li tgħodd għal kulħadd u ma tħares lejn wiċċ ħadd.
Għalhekk teżisti differenza ċara. Differenza bejn Gvern li wettaq riformi bla preċedent u min ma jipprattikax dak li jipprietka. Pajjiżna għadu kemm iċċelebra b’mod sabiħ il-ħamsin anniversarju mill-kisba tar-Repubblika. Kisba Kostituzzjonali importanti li biha pajjiżna wasal għal Kap tal-Istat Malti biex imexxi lill-Maltin stess. Malta għall-Maltin. Kienu ħamsin sena li fihom inbidel pajjiż bis-saħħa tal-aqwa riżorsa li għandha Malta tagħna, in-nies. L-ewwel Jum ir-Repubblika tan-Nutar Myriam Spiteri Debono li inċidentalment nhar il-Ġimgħa qaltilna biex ma narmux il-kwalitajiet sbieħ li għandu dan il-poplu. Dr Spiteri Debono, li nħatret b’mekkaniżmu ġdid li daħħal Gvern Laburista bil-vot taż-żewġ terzi fost riformi favur il-governanza u istituzzjonali li wettqet l-amminstrazzjoni Abela f’ħames snin, fosthom il-mod tal-ħatra ta’ Prim Imħallef, il-ħatriet tal-ġudikanti u l-metodu kif jintgħażel il-Kummissarju tal-Pulizija wara sejħa pubblika fost oħrajn. Propju anki fuq dan tal-aħħar toħroġ differenza ċara ta’ Oppożizzjoni li tuża qtil makabru għal skopijiet politiċi u tattakka l-Korp tal-Pulizija b’suppost nuqqas t’azzjoni f’dan il-każ waqt li l-istess Korp irnexxielu jsolvi dan l-omiċidju. Kellha l-wiċċ titkellem fuq id-droga f’pajjiżna fejn il-ġlieda kontra d-droga qatt ma kienet b’saħħitha daqs illum. Mhux bħal meta kien hemm min ta maħfra biex baruni tad-droga ma kompliex jaffaċċja l-ġustizzja b’daqqa ta’ pinna li kien ta Gvern Nazzjonalista.
Quddiem il-kredibbiltà ċara ta’ Gvern u n-nuqqas tagħha mill-Oppożizzjoni, tikber ir-responsabbiltà fuqna biex inkomplu nieħdu d-deċiżjonijiet importanti u meħtieġa fl-interess tal-pajjiż għax in-naħa l-oħra m’hemmx ħlief double standards. Gvern li jrid jieħu deċiżjonijiet meħtieġa fis-settur tax-xogħol u kif se jkompli jagħmel u jikseb aktar b’inqas. Jiġifieri kif jista’ jkompli jesperjenza tkabbir ekonomiku iżda mhux a skapitu ta’ impatti fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna fost oħrajn. Konvinta li dan il-Gvern qed jaħdem fuq hekk b’impenn politiku favur il-kwalità u mhux il-kwantità.
Is-saħħa ekonomika tibqa’ ċ-ċavetta. Miżuri ewlenin li rajna f’dan il-Baġit li ressaq il-Gvern ġejjin mill-qagħda b’saħħitha li għandha l-ekonomija tagħna. M’hemm xejn b’kumbinazzjoni. L-ispjega li twiegħed €66 miljun fi bwiet tal-familji b’tax cut għall-ħaddiema imma minflok tagħti waħda aktar mid-doppju li tlaħħaq il-€140 miljun għall-ħaddiema hi biss ir-riżultat tas-saħħa ekonomika ta’ pajjiżna. Malta llum trid tagħti injezzjoni ġdida lill-middle-class, il-forza reżiljenti u bieżla li għamlet lil pajjiżna suċċess.
Għalhekk lil hinn minn dawk li jħobbu jippontifikaw u jpinġu kollox ħażin, illum pajjiżna jħares ’il quddiem lejn il-ġejjieni. Sfidi għandna u se jkompli jkollna. L-importanti li quddiemhom ma ssibx min jogħtor jew jarmi x-xugaman mal-ewwel skoss. Ħaddieħor fi kriżi ferm iżgħar dar għall-awsterità u spara d-dejn għal uliedna b’mażżra ta’ 70% mal-ekonomija tagħna. S’hemm jaslu. Illum, wara pandemija u żewġ gwerer, il-qagħda fiskali ta’ pajjiżna hi ferm aktar b’saħħitha u ċċertifikata b’mod eċċellenti mill-aqwa credit rating agencies. Għalhekk teżisti differenza ċara bejn min jitkellem ħafna u ma jwettaq xejn u min iwiegħed dak li jwettaq.