Dun Anġ Seychell | Dar Nazaret tikser il-liġi

Dun Anġ Seychell jikteb dwar id-drittijiet u l-obbligi ta' min għandu l-pannelli fotovoltaiċi

Bħal ħafna Maltin aħna f’Dar Nazaret ridna ngħinu l-pajjiż u nobdu lill-Unjoni Ewropea billi nwaħħlu l-Pannelli tal-Enerġija mix-xemx, iżda bla ma nafu spiċċajna niksru żewġ liġijiet Ewropej, u taħt theddida li l-ERA toħdilna s-sussidju lura. Mhux hekk biss, ma nistgħux insolvu l-problema għax niksru regolamenti tal-Awtorità tal-Ippjanar, dan barra li qed niġu misruqa mir-raġġi tax-xemx li jiġġeneraw l-enerġija elettrika. 

 M’ilux sabni l-ħabib tiegħi Ġużi, iffissat fuq dawn l-affarijiet, u qalli li Dar Nazaret qiegħda tikser żewġ liġijiet tal-Unjoni Ewropea. Ir-raġuni hi għax ġirien bnew 4 sulari għoli u qegħdin jgħattulna l-pannelli tax-xemx tul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu l-aktar fil-ħarifa u x-xitwa. Biex tgħaxxaqha mhux biss qegħdin niksru d-direttiva tal-UE imma m'aħniex ngħinu lill-pajjiż jilħaq il-mira ta’ 10% tal-enerġija li tiġi mix-xemx sal-aħħar ta’ din is-sena.

Qegħdin niksru wkoll il-liġi Ewropea tas-sussidji. Dan għaliex paragrafu 4 tal-kuntratt, li kull min ħa sussidju għall-pannelli ffirma, jisħaq li kull min jirċievi s-sussidju mill-Unjoni Ewropea obbligat juża l-apparat li xtara għall-iskop li xtrah u bil-kapaċità kollha.

Sirt naf li l-Awtorità tal-Ippjanar ma tagħtix kas tad-drittijiet u obbligi ta’ min għandu l-pannelli, u dan meta fuq is-sit tal-istess awtorità hemm miktub li l-Awtorità tal-Ippjanar trid tobdi l-liġijiet ta’ Malta u xi mitejn liġi u direttiva tal-Unjoni Ewropea. F’April ta’ 2018 iċ-Chairman tal-Awtorità fuq Radju Malta qal li l-Awtorità tqis il-pannelli bħala struttura temporanja fuq bejt, qisu għandek tinda biex tagħmel id-dell, xi gazibo jew għarix. Imma l-isbaħ waħda hi li skont l-awtorità tal-ippjanar, jekk l-pajjiż ma jilħaqx mal-mira ta’ 10% sal-aħħar ta’ dis-sena huwa l-Gvern li jħallas il-multa, mhux l-individwu li għattewlu l-pannelli, bħal dak li qallu l-Gvern mhux mingħand il-poplu jiġbor it-taxxi. Sur Chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar, qiegħed nistenniek tmur tgħid dal-kliem ġo Brussell.

Qerrieda tal-ambjent

Żgur li ħadd, mill-Awtorità tal-Ippjanar u lanqas anqas mill-Gvern jew l-Oppożizzjoni li fi żmienha sar it-trattat ta’ Malta mal-UE (li ħoloq il-problema!), mhu daqshekk injurant. Mela min qed jagħmel pressjoni biex isir aktar bini u bini għoli? Huma l-aġenti tal-proprjetà u dawk li jgħidulhom żviluppaturi, jew aħjar qerrieda tal-ambjent, kif rajna dan l-aħħar bit-tiġrif ta’ djar ħdejn siti ta’ twaqqigħ u skavar li poġġa nies fil-periklu tal-mewt. Dan biex isir bini mill-ġdid ta’ appartamenti jew aħjar gaġeġ tan-nies.

Stħajlu ftit li kieku allaħares qatt dik il-mara Ingliża mietet u dan l-inċident deher fil-gazzetti Ingliżi, x’riklam dak għat-turiżmu! Kieku nobdu liġi waħda ambjentali tal-Unjoni Ewropea l-aġenti tal-proprjetà u l-iżviluppaturi jieqfu jaħdmu. Dik hi r-raġuni tal-pressjoni li qed jagħmlu.

Il-ħabib tiegħi fakkarni fil-laqgħa li konna attendejna f’Novembru 2003 f’lukanda f’Buġibba bit-tema “Il-Kostitizzjoni Ewropea” u hemm smajna lil Simon Busuttil li dak iż-żmien kien kap tal-MIC, organizzazzjoni li kienet tieħu ħsieb tgħarraf lill-poplu fuq dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Unjoni Ewropea. Busuttil qal li jekk liġi Ewropea se toħloq problema lil xi pajjiż jew ċittadin Ewropew jew se ġġiegħel lill-pajjiż jew ċittadin Ewropew jikser xi liġi oħra Ewropea, tidħol il-liġi tal-Proporzjonalità li tirrevoka l-liġi li qed toħloq il-problemi. Dan ifisser li fil-każ ta’ Malta, bħal fi gżejjer oħra Ewropej, m’hemmx Moviment Ħieles ta’ Proprjetà u dan mhux minħabba d-direttiva tal-enerġija biss iżda għal raġunijiet oħra, ambjentali u soċjali.

Stramba imma vera

Hemm ħaġa oħra stramba: il-pannelli li għandna fuq Dar Nazaret, pannelli li jgħinu dar li tieħu ħsieb persuni b’diżabilità, qegħdin fuq bini li jinsab f’żona ta’ konservazzjoni għax inbena qabel il-gwerra, biss il-ħajt diviżorju li litteralment iħokk mal-pannelli ta’ Dar Nazaret fejn m’hemmx aktar minn nofs metru bogħod, qiegħed f’żona li mhix ta’ konservazzjoni, għax inbena fl-aħħar tas-snin 70. Għall-argument dan il-ħajt diviżorju, mill-art sa żewġ sulari qiegħed f’żona ta’ konservazzjoni, minn żewġ sulari ’l fuq qiegħed f’żona mhix ta’ konservazzjoni: stramba imma vera.

Dan ifisser li lanqas jekk irridu ma nistgħu nibnu sular jew tnejn oħra biex ngħollu l-pannelli u ma nibqgħux niksru l-liġijiet Ewropej. L-assurditajiet li taqa’ fihom l-Awtorità tal-ippjanar jiżbqu kull intelliġenza. U mhux l-Awtorità biss ma tafx x’inhi tagħmel iżda anki l-uffiċjal tal-Ombudsman li jieħu ħsieb ir-rapport ta’ ksur ta’ liġijiet ambjentali, mifxul waħda sew. Fuq Radju Malta ħareġ b’idea sublimi li l-Gvern għandu jaqla’ l-pannelli li ġew mgħottija bħal ta' Dar Nazaret  u jpoġġihom fuq bini tal-Gvern.

Bla sens u inġust

Meta wieħed iqis iċ-ċokon tal-pajjiż u li sa 10 snin oħra rridu nilħqu 30% ta’ enerġija mix-xemx, u meta tqis li l-bjut fuq bini tal-Gvern huma riservati għal pannelli ta’ min m’għandux bejt, dan is-suġġeriment hu bla sens u inġust ma’ min jgħix f’appartament.

Fl-aħħar nett qiegħed nistenna lill-ERA li tatna s-sussidju, titlobna lura dan is-sussidju għax jekk ma tagħmilx hekk, tkun l-ERA li qiegħda tikser il-liġi Ewropea.

More in Politika