Carmel Cacopardo | Il-proġett Central Link: riżultat ta’ inkompetenza
It-toroq tagħna ma jesgħux iktar karozzi li żdiedu b’mod sproporzjonat għad-daqs u l-ħtiġijiet ta’ dawn il-gżejjer
Ilkoll naqblu li l-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq tagħna hi problema kbira.
Imma hi sfortuna kbira li dawk responsabbli biex jimplimentaw il-politika dwar it-trasport qishom mhumiex konxji li meta qed japprovaw il-proġett Central Link qed jinjoraw il-kawża tal-problema u minflok qed jikkonċentraw fuq l-effetti. Il-konġestjoni tat-toroq tagħna mhix ikkawżata mit-tul jew mill-wisa’ tat-toroq imma min-numru ta’ karozzi li jagħmlu użu minnhom.
It-toroq tagħna ma jesgħux iktar karozzi li żdiedu b’mod sproporzjonat għad-daqs u l-ħtiġijiet ta’ dawn il-gżejjer.
Id-dibattitu fuq il-proġett Central Link iffoka fuq ħafna materji importanti: il-kwalità tal-arja, il-ħarsien tal-agrikultura, il-ħarsien tas-siġar, il-passaġġi riservati għar-roti, imma li lkoll kemm huma għandhom importanza marġinali għas-soluzzjoni tal-problema reali tal-konġestjoni tat-traffiku.
Il-kawża tal-problema mhix id-daqs tat-toroq imma n-numru tal-karozzi li jagħmlu użu minnhom u li sirna dipendenti wisq fuqhom.
Il-Pjan Nazzjonali għat-Trasport fih referenza għall-analiżi bażika li tindika x’qed jikkawża l-problemi tagħna: s’issa ma konniex kapaċi nħarsu fit-tul fl-ippjanar tat-trasport. Jiġifieri aħna nfittxu l-benefiċċji immedjati u ninjoraw l-impatti fit-tul.
B’mod speċifiku taħt it-titlu “Intejbu l-ippjanar u d-disinn għat-trasport integrat u li jħares fit-tul” il-Pjan Nazzjonali għat-Trasport jgħid hekk: “…nistgħu naraw, mill-esperjenza, li l-politika u l-ippjanar tat-trasport f’Malta ġeneralment ħares lejn l-immedjat ( 4 sa 5 snin). In-nuqqas li tingħata importanza lejn l-ippjanar fit-tul ifisser li ma hemm l-ebda pjan integrat ibbażat fuq analiżi solida, b’miri ċari li jħarsu fit-tul.
Dan wassal għal nuqqas ta’ direzzjonji strateġika u n-nuqqas ta’ kapaċità li jkunu indirizzati materji diffiċli bħall-kontroll fuq l-użu ta’ karozzi privati. Is-soċjetà Maltija bil-mod biex tiċċaqlaq, u dan f’kuntrast mal-ħtieġa għal azzjoni biex il-problema tat-traffiku tkun indirizzata kemm illum kif ukoll fil-futur. Dan iwassal biex il-vjaġġatur Malti jistenna li kulħadd jibdel id-drawwiet tiegħu ħalli hu jkun jista’ jibqa’ jsuq il-karozza. ” (sezzjoni 2.2.1 tal-Pjan Nazzjonali tat-Transport)
Dan il-proġett m’għandniex bżonnu. Neħtieġu li niffukaw fuq il-problema li ġiet evitata kontinwament għax il-politiċi fil-Parlament u fil-Gvern ma jridux jieħdu deċiżjonijiet li m’humiex popolari
L-affarijiet ma jistgħux ikunu iktar ċari minn hekk. Il-problema hi waħda: id-dipendenza tagħna fuq il-karozzi. Toroq li jkunu usa’ jew itwal jistgħu jsolvu l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku għal żmien limitat. Imma kif ġie repetutament ippruvat minn studji li saru f’diversi pajjiżi oħra, l-interventi fl-infrastruttura tat-toroq, fl-aħħar jispiċċaw biex iżidu l-konġestjoni tat-traffiku, u dan għax iżidu t-traffiku.
Min-naħa l-oħra, il-proċess biex jitnaqqas id-dipendenza fuq il-karozza jieħu l-ħin, u l-votanti mhux ser jieħdu gost!
Sfortunatament, uħud minn dawk li kienu kritiċi tal-proġett iffukaw fuq id-dettalji u ma ħarsux lejn il-proġett fih innifsu, fit-totalità tiegħu, u allura ma rnexxilhomx japprezzaw kemm hi kbira l-ħsara li ser jagħmel il-proġett fit-totalità tiegħu.
Dan il-proġett m’għandniex bżonnu. Neħtieġu li niffukaw fuq il-problema li ġiet evitata kontinwament għax il-politiċi fil-Parlament u fil-Gvern ma jridux jieħdu deċiżjonijiet li m’humiex popolari. Għal din ir-raġuni jroxxu l-flus u jonfquhom, taparsi qed isolvu l-problemi. Mhux flushom, ovvjament, imma dak li jiġbru mit-taxxi minn fuqna. Il-problemi tal-lum, b’hekk, ikunu trasferiti f’ħoġor il-ġenerazzjonijiet futuri.
Is-soluzzjoni meħtieġa ma tinvolvix ħafna xogħol infrastrutturali imma prinċipalment inizjattivi politiċi biex jinkoraġixxu l-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ mobilità u dan flimkien ma’ inizjattivi li jippenalizzaw l-użu tal-karozzi privati.
It-taxxi ambjentali jagħmlu l-ġid. Huma l-għodda politika li jekk użati tajjeb jgħinu biex tissolva l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku llum
Biex inkun ġust fil-kritika tiegħi ngħid li xi inizjattivi ttieħdu diġà u oħrajn bla dubju jitwettqu wkoll. Żdied sostanzjalment is-sussidju għat-trasport pubbliku. Ittieħdu inizjattivi diversi dwar aċċess b’xejn għat-trasport pubbliku lil diversi kategoriji u eventwalment hu ppjanat li dan ikun b’xejn għal kulħadd. Dan kollu tajjeb, iżda mhux biżżejjed.
Flimkien ma’ dawn il-miżuri u bosta oħrajn hemm bżonn inizjattivi li jippenalizzaw l-użu tal-karozzi privati. Dawn jistgħu jinkludu żieda fit-taxxi applikabbli kemm għar-reġistrazzjoni tal-karozzi kif ukoll għal-liċenzji. Dan iwassal għal tnaqqis fin-numru tal-karozzi fit-toroq.
It-taxxi ambjentali jagħmlu l-ġid. Huma l-għodda politika li jekk użati tajjeb jgħinu biex tissolva l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku llum.
Għax il-konġestjoni tat-traffiku hu l-prezz li l-ġenerazzjoni tal-lum qed tħallas għall-inkompetenza akkumulata tal-gvernijiet differenti fl-amministrazzjoni tal-politika tat-trasport. Sal-lum ġie evitat li jkunu indirizzati l-problemi reali. Fir-realtà ma hemmx soluzzjonjijiet maġiċi: irridu naffrontaw il-problema. Sakemm nagħmlu hekk, il-problema tikber tista’.
Carmel Cacopardo hu ċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika