Owen Bonnici | Appoġġ lill-artisti żgħażagħ
Iż-żgħażagħ li jkollhom interess fil-qasam tal-arti u l-kultura u li jkunu twieldu b’din l-arti fihom, huma l-artisti futuri tal-pajjiż
Li nindokraw it-talent żagħżugħ hija waħda mill-prijoritajiet tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Iż-żgħażagħ li jkollhom interess fil-qasam tal-arti u l-kultura u li jkunu twieldu b’din l-arti fihom, huma l-artisti futuri tal-pajjiż. Huwa għalhekk li dan il-ministeru qed jinvesti biex jagħti appoġġ sħiħ lil dawn iż-żgħażagħ.
Waħda biss mill-iskemi differenti li għandna għal dawn iż-żgħażagħ hija dik bejn il-Kunsill Malti għall-Arti, li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, u Aġenzija Żgħażagħ, fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat. Hija skema ta’ programmi kollaborattivi – Artivisti u l-programmi ta’ Żvilupp għall-Artisti Żgħażagħ.
Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni qegħdin inkomplu nfittxu li nispiraw u noffru appoġġ lill-aqwa talent żagħżugħ fl-arti, u nipprovdu lill-artisti ġodda Maltin bit-taħriġ u l-opportunitajiet ta’ networking meħtieġa biex ikomplu jiżviluppaw il-potenzjal kreattiv tagħhom. Dan kollu jifforma parti mill-istrateġija tagħna biex nagħtu prijorità lill-professjonalizzazzjoni fil-kamp tal-kultura u l-arti, permezz tal-edukazzjoni u t-trawwim tat-talent.
Meta ħabbarna l-programm ta’ din is-sena għidna wkoll li ż-żgħażagħ magħżula se jingħataw pakkett ta’ benefiċċji u opportunitajiet għal sena sħiħa. Dawn jinkludu għotja ta’ €4,000 għall-proġetti kreattivi tagħhom, is-servizzi ta’ mentor professjonali biex jgħinhom fil-karriera artistika tagħhom, il-parteċipazzjoni f’opportunitajiet ta’ artist-in-residency u ta’ networking ma’ ‘artivisti’ oħra.
Il-benefiċjarji tal-programm ta’ Żvilupp għall-Artisti Żgħażagħ se jingħataw għotja ta’ €2,000 għall-iżvilupp professjonali tagħhom flimkien ma’ programm ma’ artist-in-residency, monitoraġġ fi grupp u sapport kontinwu miż-żewġ entitajiet.
Dan huwa parti biss minn għajnuniet li nagħtu, għax nemmnu bis-sħiħ fl-appoġġ lill-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ aristi. Nemmnu wkoll fil-ħiliet u t-talenti tagħhom, tant li dawn l-artisti żgħażagħ se jsiru wkoll membri tal-‘Artivisti Alumni Community’ biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lil artisti emerġenti fl-edizzjonijiet li jmiss tal-programm.
Il-Programm għall-Iżvilupp ta’ Artisti Żgħażagħ u Artivisti, li huwa parti mill-portafoll ta’ skambju fil-komunità tal-Kunsill Malti għall-Arti, huwa miftuħ għall-kreattivi ta’ bejn l-14 u s-17, u t-18 u l-24 sena rispettivament. Dawn iservu ta’ pont bejn l-implimentazzjoni tal-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ u l-Istrateġija tal-Kunsill Create2020, bil-mira speċjali fuq il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet għall-persuni biex jieħdu sehem fil-kreattività.
Artivisti jakkumpanja lil organizzazzjonijiet oħra li jagħtu l-għajnuna tagħhom minn Aġenzija Żgħażagħ innifisha, bħal Taħżiż, Divergent Thinkers, u taħriġ fil-mużika għal bandisti żgħażagħ – pjattaformi li l-aġenzija ilha toffri għal dawn l-aħħar snin sabiex tagħti liż-żgħażagħ aktar opportunitajiet fl-arti.
Minbarra li jidentifika u jirrikonoxxi lill-aqwa talent żagħżugħ, Artivisti jinvesti fl-iżvilupp u t-trasformazzjoni permezz tal-għarfien, il-ħiliet, l-attitudnijiet, il-valuri u l-iskambju kreattiv, kif ukoll billi jħeġġeġ il-kontribuzzjoni bejn prattikanti artistiċi u l-organizzazzjonijiet lejn l-iżvilupp ta’ talent li jipprometti filwaqt li jiffaċilita l-kollaborazzjoni għal proġetti artistiċi.
***
B’sodisfazzjon kbir din il-ġimgħa lqajt, għan-nom ta’ Heritage Malta, mural dekorattiv taċ-ċeramika bl-isem ta’ ‘Energy Field’. Il-mural, ix-xogħol tal-artist qatt minsi, Gabriel Caruana ngħata mill-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma biex issa jista’ jitgawda mill-poplu Malti.
Oriġinarjament, il-mural kien magħmul minn 49 biċċa individwali, li kienet fuq firxa ta’ madwar 7.5 metri u kienet installata fl-impjant tal-enerġija ta’ Delimara u kienet ingħatat lill-Enemalta fis-snin 90 mill-artist innifsu li kien impjegat ta’ Enemalta.
Grazzi għall-għotja qegħdin insaħħu aktar il-legat ta’ Caruana bħala wieħed mill-pijunieri lokali tal-arti moderna. Filwaqt li qegħdin nikkommemoraw artist kbir, qegħdin ukoll insaħħu l-pjattaforma kulturali u artistika għat-talent lokali u għall-artisti lokali biex inkomplu nżidu l-professjonalizzazzjoni fis-settur. Aħna rridu ninvestu aktar fis-settur kulturali u kreattiv li qiegħed dejjem jikber, settur li qiegħed ikompli jissaħħaħ u qed jagħtina aspettazzjonijiet għolja.
Qegħdin inkomplu nfittxu li nispiraw u noffru appoġġ lill-aqwa talent żagħżugħ fl-arti, u nipprovdu lill-artisti ġodda Maltin bit-taħriġ u l-opportunitajiet
B’xogħol esebit anki ’l hinn minn xtutna, Gabriel Caruana kien artist rinomat fil-qasam tal-iskultura, pittura u ċeramika u kien wieħed mill-pijunieri tal-arti moderna.
Il-mural ta’ Gabriel Caruana se jingħaqad max-xogħlijiet tal-artist li huma parti mill-kollezzjoni tal-MUŻA. Parti mill-mural se tiġi esibita għal numru ta’ ġimgħat fil-bitħa tal-MUŻA sabiex titgawda mill-pubbliku.
Intant Heritage Malta se toħroġ numru ta’ sejħiet fil-ġimgħat li ġejjin għal installazzjonijiet u wirjiet artistiċi li huma fuq l-istess linja tal-programm tal-MUŻA għas-snin li ġejjin. Dan se jagħti opportunità lill-komunità artistika lokali biex tesebixxi u turi xogħolha – parti mill-istrateġija tal-Ministeru li jagħti aktar spazji għall-artisti Maltin biex juru l-ħiliet tagħhom u jesebixxu l-arti tagħhom.
***
Ix-xogħol ta’ restawr li għaddejjin bih ma jieqaf qatt. L-impenn tiegħi u tat-tim tiegħi huwa li nkomplu nippriservaw dak li huwa tagħna permezz ta’ wirt li ħallew ta’ qabilna.
Imiss ir-Ridott ta’ San Ġorġ li se jiġi rrestawrat mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru. Ir-ridott se jiġi rrestawrat grazzi għall-Iskema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali – skema li qed tkun ta’ benefiċċju kbir biex inħarsu, nippreservaw u nirrestawraw il-patrimonju fil-bliet u rħula Maltin.
Dan il-proġett ta’ restawr f’Birżebbuġa huwa possibbli grazzi għall-Iskema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, li permezz tagħha l-kunsilli lokali japplikaw biex jirrestawraw binjiet u monumenti storiċi lokali, biex b’hekk jistgħu jiġu apprezzati minn kulħadd, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-prodott kulturali tagħna. Is-sejħa issa qiegħda fil-ħames sena tagħha, u tagħti kontribut siewi għall-Aġenda Nazzjonali għall-Istrateġija tal-Wirt u l-Kultura.
Ir-Ridott ta’ San Ġorġ huwa wieħed minn serje ta’ fortifikazzjonijiet mal-kosta tal-Gżejjer Maltin li nbnew fl-1714-1716 mill-Ordni ta’ San Ġwann. Dan inbena fuq is-sit ta’ ċimiterju u jinkorpora l-Kappella ta’ San Ġorġ, li minnu ħa ismu. Apparti li dan huwa l-unika ridott mibni mill-Kavallieri li għandu knisja, huwa wkoll ridott mhux tas-soltu minħabba l-forma nofs tond tiegħu.
L-Iskema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali tinħareġ b’kollaborazzjoni mad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali. Bħalissa hemm miftuħa l-ħames sejħa ta’ din l-iskema għall-kunsilli lokali. L-applikazzjonijiet jagħlqu fit-30 t’Awwissu.
***
Nieħu gost ħafna bit-talent li għandna mxerred mal-pajjiż kollu! U huwa għalhekk li nagħti l-appoġġ tiegħi lil għaqdiet u soċjetajiet li jkomplu jxerrdu dan it-talent. Attività minn dawn hija l-Għaxaq Music Festival li issa tinsab fl-20 edizzjoni u lesta biex joffri jumejn ta’ mużika eċitanti, li tinkludi Smokie World Tour u Ultimate Coldplay.
Dawn l-inizjattivi huma importanti għaliex grazzi għalihom qegħdin inġibu l-mużika u l-kultura fiċ-ċentru tal-lokalitajiet tagħna, u permezz tal-appoġġ tagħna, qegħdin inkomplu nsaħħu l-istrateġija tagħna li nagħmlu l-kultura aċċessibbli għal kulħadd. Apparti minn hekk, b’festivals ta’ din is-sura qegħdin ukoll nippromovu talent lokali, billi nipprovdu pjattaforma biex juru u jimirħu fit-talent tagħhom.
Dawn l-inizjattivi huma importanti għaliex grazzi għalihom qegħdin inġibu l-mużika u l-kultura fiċ-ċentru tal-lokalitajiet tagħna, u permezz tal-appoġġ tagħna, qegħdin inkomplu nsaħħu l-istrateġija tagħna li nagħmlu l-kultura aċċessibbli għal kulħadd
L-Għaxaq Music Festival jiftaħ nhar it-Tlieta, 6 t’Awwissu b’Ultimate Coldplay li ġie vvutat bħala l-aqwa tribute band fir-Renju Unit waqt it-Tribute Awards tal-2018.
Dan l-avveniment se jiftaħ bl-artist kontemporanju Malti Matthew James & Band, flimkien ma’ bosta artisti mistiedna oħra - taħlita tal-aqwa artisti Maltin u barranin. Fil-festival se jkun hemm ukoll Smokie’s World.
Se jittella’ fil-grawnd ta’ Ħal Għaxaq, id-dħul huwa bla ħlas. Avveniment ieħor li jkompli jagħti kulur u brijju fl-istaġun tas-sajf.
***
Fuq nota ta’ niket, anki minn hawn insellem lil ħabib, edukatur brillanti, u kolonna fl-arti u t-teatru f’pajjiżna – Żep Camilleri.
Maż-Żep iltqajt kemm-il darba u dejjem ammirajt l-enerġija tiegħu u d-dedikazzjoni li kellu għad-drama – protagonist f’diversi produzzjoniijet, ipproduċa xogħol interessanti, għalliem ta’ bosta.
Żep, strieħ fis-sliem. Malta tibqa’ tafulek għall-kontribuzzjoni kbira li tajt fil-qasam tal-Arti u l-Kultura.
Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali