Owen Bonnici | Ngħożżu u nipproteġu l-kultura Maltija
Għaliex din hija wkoll parti minna, parti mit-tradizzjonijiet tagħna l-Maltin – it-tradizzjonijiet reliġjużi li wkoll jarrekixxu l-kultura Maltija
Nhar il-Ġimgħa taħt il-patronċinju tal-President tar-Repubblika attendejt għal serata vera ħelwa imma sinifikanti li saret biswit is-Santwarju tal-Madonna tal-Ħlas f’Ħal Qormi. Matul is-serata r-Reġjun ta’ Nofsinhar nieda l-ktieb “Id-Devozzjoni u l-Kult Marjan fir-Reġjun tan-Nofsinhar”, stedina li aċċettajt bil-qalb.
Għaliex din hija wkoll parti minna, parti mit-tradizzjonijiet tagħna l-Maltin – it-tradizzjonijiet reliġjużi li wkoll jarrekixxu l-kultura Maltija.
Fil-fatt il-Kult Marjan f’pajjiżna jmur lura sekli sħaħ. Bħala pajjiż insibu l-ewwel evidenza tal-Kristjaneżmu li teħodna lura għar-raba’ seklu u tinsab fil-katakombi li għandna fil-pajjiż, filwaqt li l-ewwel evidenza tal-Kult Marjan imur lura għat-13-il seklu.
Għalhekk ktieb bħal dan huwa mitqlu deheb għaliex jitfa’ ħarsa lejn kultura reliġjuża li hija verament għall-qalb tal-poplu Malti u Għawdxi, u jħalli dokumentat dak li intrinsikament huwa parti minn dawk li għaddew lilna missirijietna
Din il-pubblikazzjoni se sservi ta’ opportunità biex titfa’ aktar dawl u tiskopri aktar il-kultura, tradizzjonijiet u storja tar-Reġjun Nofsinhar, biex inkomplu nżidu u naqsmu l-għarfien dwaru. L-għan ewlieni ta’ dan il-ktieb huwa li kemm ir-residenti, u anki dawk li jżuru dawn l-irħula jsiru jafu dwar il-kultura ta’ dawn l-irħula.
Il-ktieb kien possibbli grazzi għall-Aġenzija LESA, li għaddiet fondi lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li bħala għan prinċipali tagħhom għandhom li jagħtu l-opportunità lir-Reġjuni u l-Kunsilli Lokali biex dawn jintużaw għal inizjattivi kulturali bħalma hija din. Il-fondi nħarġu mill-kontravenzjonijiet li daħħlet l-Aġenzija
Huwa grazzi għal inizjattivi hekk li nkunu nistgħu nagħtu lura lill-komunitajiet tagħna, b’mod li nipprovdu l-appoġġ kontinwu tagħna u biex nilħqu aktar membri tas-soċjetà tagħna, li jwasslu għal żvilupp ta’ udjenzi fis-settur kulturali.
Huwa wkoll mod ideali biex nippromovu l-wirt u l-kultura lokali.
Matul is-snin riċenti, dan il-Gvern investa bis-sħiħ fis-settur kulturali u ttrasformah f’wieħed sostenibbli u aċċessibbli, li wassalna għal żieda fil-professjonalizzazzjoni. Dan il-proġett huwa mod ieħor kif nagħtu lura lill-komunità.
***
Semmejt il-katakombi, u għalhekk nieħu gost b’attivitajiet li jkomplu jitfgħu dawl fuq dak li huwa wirt storiku. Mid-9 ta’ dalgħodu sat-3 ta’ wara nofsinhar hemm attività vera interessanti minn Heritage Malta fil-Katakombi Ta’ Bistra li jinsabu l-Mosta.
Qabel xejn, bħala Ministeru investejna żewġ miljuni anki b’fondi tal-Unjoni Ewropea, għar-restawr u l-konservazzjoni ta’ dawn il-katakombi. Fl-2016 meta inawgurajt il-proġett – xogħol ta’ Heritage Malta – kont spjegajt li dan kien proġett li jikkontribwixxi għall-appoġġ u l-iżvilupp ta’ dak li huwa mhux biss wirt storiku tal-lokal imma wkoll għal pajjiżna. Proġetti li permezz tagħhom tgawdi l-komunità, għaliex tkompli tikber l-identità tal-post, f’dan il-każ, il-Mosta.
Din hija waħda mill-missjonijiet tal-Ministeru. U fil-fatt hemm skemi miftuħa biex jgħinu l-lokalitajiet kollha ta’ pajjiżna jieħdu fondi ħalli jkunu restawrati dawn il-wirt li għadna mxerrdin ma’ Malta u Għawdex kollu.
Ma niddejjaqx ngħid li bħala l-ministru responsabbli mill-kultura għażiża tagħna, mal-ewwel jiem li ngħatajt ir-responsabbiltà, bdejna ninvestu biex nirriġeneraw, nirrestawraw u wkoll f’diversi każi nsalvaw dak li ħallew ta’ qabilna bħala wirt storiku. Xogħol li għadu għaddej sal-lum u li jibqa’ għaddej fis-snin li għandna quddiemna.
Dawn il-katakombi Ta’ Bistra għaddew minn diversi fażijiet. Huma meqjusa bħala l-iktar katakombi Paleo-Kristjani importanti li jinsabu ’l barra mir-Rabat u wkoll l-akbar.
Ma niddejjaqx ngħid li bħala l-ministru responsabbli mill-kultura għażiża tagħna, mal-ewwel jiem li ngħatajt ir-responsabbiltà, bdejna ninvestu biex nirriġeneraw, nirrestawraw u wkoll f’diversi każi nsalvaw dak li ħallew ta’ qabilna bħala wirt storiku. Xogħol li għadu għaddej sal-lum u li jibqa’ għaddej fis-snin li għandna quddiemna
Dawn il-katakombi kienu rreġistrati għall-ewwel darba lejn l-aħħar tas-seklu 19. Imbgħad ġew investigati fl-ewwel nofs tas-seklu 20. Imbagħad intilfu. Kienu investigati mill-kaptan Charles Zammit fl-1933 minħabba l-bini tat-triq li twassal għal Burmarrad. Il-katakombi kellhom jinqerdu imma fil-fatt irriżulta li ma nqerdux u reġgħu tfaċċaw fl-2004 meta kien qed jerġa’ jsir xogħol fit-triq.
Maż-żmien inbena razzett fuq is-sit u r-raħħal għamel xi tibdiliet biex jakkomodawh fl-użu tar-razzett. Kien hemm żvilupp ukoll fl-inħawi bil-bini ta’ vilel u terġa bil-kostruzzjoni ta’ triq maġġuri li twassal mill-Mosta għar-Rabat u l-katakombi huwa maħsub li servew ukoll bħala xelter matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Kienet ukoll irreġistrata ħsara minħabba qtugħ ta’ ġebel minn barriera fil-qrib – qed insemmu lejn l-1833 – biex jintuża għall-bini tar-Rotunda.
Minkejja din l-istorja kollha marbuta mal-Katakombi Ta’ Bistra, dawn illum permezz tal-konservazzjoni u restawr li għamilna jinsabu hemm għat-tgawdija ta’ dawk kollha li jżuruhom. U l-Mosta żdiditilha wkoll attrazzjoni turistika.
Nistieden lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-wirt storiku ta’ pajjiżna u wkoll li jista’ jkollhom rakkonti li jistgħu jgħaddu dwar dan is-sit biex – bla ħlas – iżuru l-katakombi u jaraw mill-qrib dak li għandu x’joffri pajjiżna.
***
Dak li għandu x’joffri pajjiżna għadu jitfaċċa sal-ġurnata tal-lum. U hawnhekk tidħol entità oħra importanti li taqa’ taħt il-ministeru – is-Sovraintendenza tal-Wirt Kulturali, li flimkien ma’ entitajiet oħra qed taħdem b’mod tajjeb ferm biex tipproteġi dak li huwa l-wirt storiku.
Konxji tal-importanza li għandha din l-entità, fix-xhur li għaddew ħsibna biex insaħħuha b’diversi modi. Is-Sovraintendenza, immexxija minn Joseph Magro Conti, żidna fiha ħaddiema professjonali, qed ikun hemm taħriġ speċifiku għall-ħaddiema u wkoll dawn igawdu minn benefiċċji li nkisbu mill-iffirmar ta’ ftehim kollettiv ġdid.
Dan kollu huwa parti mill-istrateġija tagħna li nsaħħu s-settur tal-kultura b’kull mezz possibbli.
Is-Sovraintendenza hija responsabbli, fi kliem sempliċi, minn investigazzjoni xjentifika relatata ma’ assi kulturali misjuba kemm fuq l-art u wkoll fl-ibħra li jdawru l-gżira Maltija. L-għan huwa li jkunu mħarsa fdalijiet misjuba waqt kull tip ta’ xogħol infrastrutturali biex flimkien ma’ min ikun qed jagħmel dan ix-xogħol tinstab l-aħjar soluzzjoni kemm biex ix-xogħol jibqa’ għaddej, imma importanti wkoll li dak misjub u li jkollu valur arkeoloġiku, ikun protett.
Hekk kif ġara dan l-aħħar waqt ix-xogħol li għaddej bħalissa f’Santa Luċija.
Tajjeb li jingħad li rappreżentanti professjonali tas-Sovraintendenza kienu fuq il-post hekk kif beda x-xogħol, konxji li s-sit huwa arkeoloġikament sensittiv. Dan il-moniteraġġ wassal biex instabu fdalijiet ta’ wirt kulturali.
Huwa għalhekk, kif hija l-missjoni tas-Sovraintendenza, li waqt ix-xogħol hemm moniteraġġ kontinwu minn arkeoloġisti kkwalifikati taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tas-Sovraintendenza. Din hija proċedura stabbilita u ssir kull fejn ikun hemm proġetti f’postijiet meqjusa bħala sensittivi għal skop arkeoloġiku.
Għaddejjin diskussjonijiet bejn is-Sovraintendenza u Transport Malta li hija responsabbli mix-xogħol infrastrutturali li qed isir, biex ikunu maqbula miżuri xierqa li għandhom jittieħdu ħalli jkunu protetti s-sejbiet u fl-istess ħin ix-xogħol jibqa’ għaddej. Diskussjonijiet li qed isibu koperazzjoni sħiħa minn Transport Malta.
Is-Sovraintendenza tagħmel ħafna xogħol f’dan il-qasam, xogħol prezzjuż, xogħol delikat, li qed jirriżulta fil-protezzjoni tal-wirt storiku Malti.
***
Nagħlaq billi mil-ġdid nifraħ lill-kollega Helena Dalli għan-nominazzjoni tagħha bħala l-Kummissarju għall-Ugwaljanza mill-President elett Ursula von der Leyen, li ppreżentat it-tim tagħha u wkoll l-istruttura tal-Kummissjoni Ewropea ġdida nhar it-Tlieta li għaddiet.
Hija nominazzjoni pożittiva ferm kemm għal Helena Dalli personali, imma wkoll għal pajjiżna.
Hija nominazzjoni pożittiva ferm kemm għal Helena Dalli personali, imma wkoll għal pajjiżna
Huwa fatt li l-ħidma ta’ Helena fil-qasam tal-Ugwaljanza għamlet differenza enormi f’pajjiżna. Rajna riżultat fuq riżultat f’dan il-qasam tant li għamilna fuq quddiem nett fl-Ewropa fejn jidħlu drittijiet ċivili. U ninsab persważ li Helena se tħalli l-marka tagħha f’dan il-qasam anki fl-Ewropa.
Interessanti wkoll u l-Partit Laburista kien fuq quddiem nett f’dan li jmexxi l-mara ’l quddiem, li Helena Dalli se tkun l-ewwel mara Maltija li f’isem pajjiżna se jkollha post fil-Kumissjoni Ewropea – li għall-ewwel darba wkoll se tkun immexxija minn mara.
Owen Bonnici huwa l-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokal