Owen Bonnici | Ngħixu s-suċċess
Il-viżjoni ta’ dan il-Gvern dwar is-settur kulturali hija li aktar nies għandhom jibbenefikaw minnu
Mal-kollega Silvio Parnis, kelli konferenza tal-aħbarijiet li matulha tajt dettalji dwar miżura mill-ħafna li saru f’dan il-ministeru u li kollha flimkien jirriflettu t-twettiq tal-miżuri tal-Baġit 2019 min-naħa tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet waħda minn sensiela li saru issa li ninsabu lejlet il-Baġit, u li permezz tagħhom bħala Gvern, qed nuru li dak li aħna nwiegħdu – inwettquh. Bħala ministeru wettaqna ħafna.
Tkellimt dwar il-Passaport ta’ Heritage Malta – kemm dak immirat lejn l-istudenti u wkoll dak immirat għall-adulti.
Bi pjaċir ngħid li dan il-passaport kien suċċess u juri kif aħna qed inwettqu x-xogħol tagħna fil-kultura.
Meta nsemmu prijoritajiet, ma nkunux qed insemmuhom biss, imma nkunu qed naraw li naħdmu għalihom u wkoll minn fuq il-karta npoġġuhom fil-prattika.
Dan il-passaport huwa biss wieħed minn sensiela ta’ miżuri li wettaqna li jaqa’ taħt il-prijorità li nagħmlu l-kultura aċċessibbli għal kulħadd.
Statistika li ħabbart turi li diġà saru 107,000 żjara bla ħlas fil-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta mit-tnedija ta’ dawn l-iskemi, li kienet inqas minn sena ilu.
Dan il-Gvern qed jaħdem bis-sħiħ biex jibqa’ jżid l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni fis-settur permezz ta’ inizjattivi varji.
Il-wirt tagħna jifforma parti intrinsika tal-identità tagħna, u grazzi għall-implimentazzjoni ta’ numru ta’ miżuri, nistgħu nibqgħu naħdmu biex nagħmlu dan is-settur aktar disponibbli għas-soċjetà.
Is-suċċessi li ġabet magħha l-iskema tal-passaporti ta’ Heritage Malta hija eżempju ċar li n-nies qegħdin isiru aktar konxji u qed japprezzaw aktar il-wirt tagħhom, filwaqt li nkomplu ninkoraġixxu ż-żgħar tagħna biex iżuru u jitgħallmu dwar l-istorja u l-kultura tagħna.
L-istrateġija tagħna tiffoka fuq it-trawwim tal-aħjar ekoloġija għall-arti u l-kultura biex jimirħu u jsiru aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini tagħna u t-turisti. L-għan ta’ inizjattivi ta’ din is-sura mhumiex biss li jinkoraġixxu lill-komunità lokali biex iżuru s-siti imma wkoll mod kif insaħħu l-għarfien u l-apprezzament tal-identità tagħna.
Huwa billi nkunu nafu l-passat tagħna li nistgħu napprezzaw il-preżent, u nibnu lejn futur aħjar.
Is-suċċessi li ġabet magħha l-iskema tal-passaporti ta’ Heritage Malta hija eżempju ċar li n-nies qegħdin isiru aktar konxji u qed japprezzaw aktar il-wirt tagħhom, filwaqt li nkomplu ninkoraġixxu ż-żgħar tagħna biex iżuru u jitgħallmu dwar l-istorja u l-kultura tagħna.
Għalhekk qed naħdmu biex nagħtu dimensjoni oħra lill-qasam tal-kultura. Il-kultura m’għadhiex biss li jkollok mużew u toqgħod bilqiegħda tistenna biex jidħlu l-viżitaturi.
Hija dimensjoni li nkunu aħna li nixprunaw l-interess f’dak kollu li għandna fil-mużewijiet tagħna b’modi innovattivi, bħal din tal-passaport tal-Heritage Malta.
U dawn qed ikunu milqugħa ferm.
Inkomplu naħdmu ħalli dan il-qasam tant importanti għal pajjiżna, għalina bħala poplu, għal pajjiżna u dak kollu li għadda minnu, jibqa’ dejjem fuq quddiem nett fil-prijoritajiet tagħna.
Magħduda mal-miżuri l-oħra li twettqu minn dan il-ministeru, din tkompli turi kif il-poplu qed jgħix is-suċċess, biex il-ħajja tiegħu tkun aħjar anki permezz tal-qasam kulturali.
***
Din il-ġimgħa wkoll, flimkien maċ-Chairperson tal-Marigold Foundation is-Sa Michelle Muscat ħabbret il-Malta Concert Orchestra Pink October Concert, li se jittella’ fil-11 ta’ Ottubru fit-20:00, fi Pjazza Teatru Rjal, il-Belt.
Flimkien mal-Malta Concert Orchestra taħt id-direzzjoni tas-Surmast Joe Brown, se jieħdu sehem ukoll Ozzy Lino, Ritienne, Neville Refalo, Laura Bruno u Jasmine Abela.
L-intenzjoni tagħna hija biex inżidu l-għarfien u nagħtu l-appoġġ tagħna lil dawn l-inizjattivi permezz tal-arti u l-kultura.
Filwaqt li fis-snin ta’ qabel il-Ministeru flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti kienu jorganizzaw avvenimenti għall-persunal tagħhom, din is-sena ħassejna li kien opportun li nkabbru din l-inizjattiva, nilħqu aktar nies, u norganizzaw kunċert għall-pubbliku.
Nirringrazzja lill-Marigold Foundation tax-xogħol kollu li jagħmlu u nżid li nixtieq nara aktar avvenimenti ta’ din is-sura, li jġibu flimkien il-kultura u s-soċjetà tagħna għal kawża ġusta.
Il-kunċert, li d-dħul kollu minnu se jmur għall-Marigold Foundation, huwa bħala parti mill-kampanja tal-Pink October u qiegħed jiġi organizzat mill-Kunsill Malti għall-Arti b’kollaborazzjoni ma’ Pjazza Teatru Rjal u l-Malta Concert Orchestra, li lkoll jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
***
Meta niltaqa’ ma’ voluntiera li jaħdmu fis-settur tal-kultura, dejjem nammira x-xogħol tagħhom biex ikomplu jsostnu dan il-qasam tant għal qalbna lkoll.
Huwa għalhekk li bħala gvern u ministeru dejjem naraw kif nappoġġjaw lil dawn l-għaqdiet.
Fil-fatt bħala ministeru tajna, għat-tielet sena konsekuttiva, €150,000 bħala total, lil 29 soċjetà mużikali, grazzi għall-fond li jsaħħaħ ix-xogħol kulturali li jsir minn dawn is-soċjetajiet.
Dawn is-soċjetajiet għandhom irwol essenzjali fi ħdan il-komunità tagħna, speċjalment fejn jidħlu tradizzjonijiet u t-tagħlim tal-mużika, xogħol li ħafna drabi jsir b’mod volontarju.
Il-viżjoni ta’ dan il-Gvern dwar is-settur kulturali hija li aktar nies għandhom jibbenefikaw minnu.
Dawn is-soċjetajiet għandhom irwol essenzjali fi ħdan il-komunità tagħna, speċjalment fejn jidħlu tradizzjonijiet u t-tagħlim tal-mużika, xogħol li ħafna drabi jsir b’mod volontarju
Dawn is-soċjetajiet mużikali huma katalisti biex jattiraw aktar udjenzi lejn is-settur kulturali, u permezz ta’ opportunitajiet ta’ din is-sura, qegħdin ninvestu aktar lejn prodott kulturali u artistiku aħjar.
Is-soċjetajiet mużikali jservu bħala l-ewwel punt ta’ involviment fl-arti u l-attivitajiet tagħhom ma jaqtgħu xejn.
Filwaqt li jiffokaw fuq it-tagħlim tal-mużika għat-tfal u ż-żgħażagħ, huma jorganizzaw ukoll attivitajiet kulturali u tradizzjonali, li jilħqu l-qofol tagħhom matul l-attività ewlenija tagħhom – il-festa tar-raħal.
Il-binjiet li jinsabu fihom ħafna drabi wkoll ikun fihom oġġetti ta’ valur storiku filwaqt li huma ta’ importanza storika fihom infushom.
Il-fond li huwa amministrat mill-Għaqda Każini tal-Banda u l-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, jibni fuq is-suċċessi tal-edizzjonijiet ta’ qabel u huwa ta’ appoġġ għal numru ta’ inizjattivi proposti mis-soċjetajiet innifishom.