Josianne Cutajar | Inwessgħu t-toroq għall-ugwaljanza

In-nuqqas ta’ nisa f’ċertu oqsma hi b’kelma waħda: ħela

Din il-ġimgħa, fost il-ħafna ‘aħbarijiet’ li tara fuq il-midja soċjali, laqtitni waħda b’mod partikolari. Filgħodu, tela’ ritratt ta’ karozza li ġibdet magħha pompa tal-petrol, b’mara (li kulħadd assuma li kienet is-sewwieq) tħares lejn l-inċident b’konfużjoni. Tistgħu timmaġinaw it-tip ta’ kummenti li fi ftit ħin bdew jinkitbu fuq dak ir-ritratt. Sakemm, iktar tard mal-ġurnata, ġie żvelat li s-sewwieq ta’ dak l-inċident traġi-komiku ma kien ħadd ħlief raġel, u li dik il-mara kienet biss il-passiġġier! Oħroġ il-għaġeb, fuq is-sezzjoni tal-kummenti waqgħet ħemda liema bħalha.

Laqtitni din l-istorja għaliex fl-istess waqt fi Brussell, kont qed nipparteċipa f’konferenza interessanti ferm dwar il-ħaddiema nisa fil-qasam tat-trasport. Meta tikkunsidra li 22% biss mill-ħaddiema f’dan il-qasam huma nisa, joħroġ ċar li t-trasport għadu ddominat mill-irġiel, u għalkemm ma tkellimniex speċifikament fuq inċidenti bħal dawn, għalija hu evidenti li din l-attitudni sessista żżomm ħafna nisa milli jfittxu karriera fit-trasport.

 Ħafna spiss jistaqsuni: x’differenza tagħmel jekk ikollna iktar rappreżentazzjoni fil-post tax-xogħol? It-tweġiba faċli ssibha fil-prattika, f’dawk l-oqsma fejn hemm bilanċ bejn impjegati nisa u rġiel. Il-fatti juruna li f’dawn l-oqsma u kumpaniji, l-iżvilupp iseħħ b’rata iktar mgħaġġla, għaliex hemm iktar diversità ta’ snajja’, ideat, u tagħrif. Ma’ dan l-iżvilupp, naturalment, jiżdied it-tkabbir ekonomiku, li mbagħad jinħass mis-soċjetà kollha.

Għalhekk l-iktar mod sempliċi ta’ kif wieħed jiddeskrivi n-nuqqas ta’ nisa f’ċertu oqsma hi b’kelma waħda: ħela. Ħela ta’ opportunitajiet, kemm għall-individwu, iżda speċjalment għas-settur u għas-soċjetà. Ħela ta’ talent, u ħela ta’ perspettivi differenti. Għalhekk, fil-ħidma tiegħi fil-Kumitat dwar it-Trasport, qed nagħti prijorità lid-diversità f’dan il-qasam kruċjali.

Waqt li sterjotipi sessisti u antikwati jżommu lura n-nisa f’oqsma maħsuba li huma d-dominju tal-irġiel, mhumiex huma l-fatturi uniċi. Il-fatt, pereżempju, li l-bniet ma nħeġġuhomx fl-istudji fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġenjerija jew il-matematika (l-istudji STEM) daqs kemm inħeġġu lis-subien, hi problema ċentrali. Għalhekk, ħidmietna trid tibda mill-bidu nett: mis-sistema edukattiva, mis-sillabi, u mill-mod kif nedukaw lis-subien u lill-bniet. L-inizjattivi edukattivi f’dan is-sens diġà bdew, iżda għad fadal ferm xi jsir.

Fuq il-post tax-xogħol, imbagħad, l-infrastruttura stess ukoll trid tinbidel, għaliex ir-riċerka qiegħda turina li s-settur għadu mhux lest biex jilqa’ ħaddiema li mhux irġiel. Il-qafas tal-operat ta’ dawn l-oqsma għadu ma ġiex immodernizzat biex jaħseb f’workforce diversa, li tinkludi ħaddiema minn kull ġeneru.

Ċertu inizijattivi – f’pajjiżna stess – huma pożittivi f’dan ir-rigward. Il-Malta Public Transport, pereżempju, nidew programm biex iħajru iktar nisa jsiru xufiera tal-mezzi ta’ trasport pubbliku. Dal-programm mhuwiex wieħed kożmetiku, iżda qed jipproponi bidliet fil-ftehim kollettiv, anke sabiex jgħin lil dawk il-ħaddiema li jieħdu ħsieb familja wkoll, li sa issa għadhom, fil-maġġoranza tagħhom, nisa.

Dan hu l-iktar eżempju ċar ta’ kif meta tiżdied id-diversità f’settur, igawdi kulħadd, mhux in-nisa biss. Ftehim kollettiv li jaħseb iktar fil-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol jibbenifika lil kull ħaddiem, mhux lill-impjegati nisa biss.   

Ħidmietna trid tibda mill-bidu nett: mis-sistema edukattiva, mis-sillabi, u mill-mod kif nedukaw lis-subien u l-bniet

Fuq das-suġġett irrimarkat ukoll Dr Helena Dalli, li se tkun Kummissarju Ewropew, waqt is-seduta tagħha iktar kmieni din il-ġimgħa. Hija wkoll saħqet dwar il-bżonn li nkissru l-ostakoli li għadhom qed itellfu lin-nisa milli jaħdmu f’oqsma bħat-trasport.

Meta nitkellmu fuq nisa fit-trasport, qed nirreferu għal kull qasam tat-trasport, mill-ajru għall-baħar, mill-ferroviji għal saħansitra l-ispazju! Bħala gżira, aħna l-Maltin ta’ kuljum naraw diversità ta’ mezzi ta’ trasport, minn dak marittimu għal dak tal-avjazzjoni. Hawnhekk qed naraw progress, iżda hu progress kajman. Il-fatt li fl-2018 iggradwaw l-ewwel ħames nisa Maltin bħala kaptani hu pożittiv immens, iżda ħames nisa biss f’pajjiż imdawwar bit-trasport marittimu jgħid ħafna dwar kemm għadna lura minn rappreżentanza bbilanċjata. Li jkollok individwi li jissorprendu ruħhom meta jaraw bdot mara u stewards irġiel waqt titjira jikxef ukoll kemm fadlilna xogħol f’din il-bidla soċjali.

Il-futur, speċjalment fil-qasam diġitali, u teknoloġiku, qiegħed magħna, ukoll fit-trasport u l-impjieg. Jekk bħala soċjetà rridu navvanzaw, inlaħħqu mal-bżonnijiet moderni, u saħansitra nkunu pijunieri fil-qasam, irridu nimxu ’l bogħod ferm mill-isterjotip u noħolqu komunità u setturi miftuħa għal kull ħaddiem li għandu x’joffri.

 

More in Politika