Carmel Cacopardo | Il-karba tal-art, il-weġgħat tan-natura

Għandna speċi ġdida ta’ immigranti: ir-refuġjati tal-klima li qed jaħarbu minn impatti ambjentali li jridu jissaportu mingħajr ma kkontribwew għalihom 

 

Il-faqar u l-ħsara ambjentali huma relatati. Qishom tewmin, inkella ż-żewġ naħat tal-istess munita. Il-faqar jiġġenera ħsara ambjentali filwaqt li l-ħsara ambjentali inevitabbilment twassal għall-faqar.

Dan kien enfasizzat minn Indira Gandhi, dak iż-żmien Prim Ministru tal-Indja, meta fl-1972, fi Stokkolma, indirizzat konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar l-Ambjent Uman. Din hi wkoll it-tema ewlenija tal-eko-enċiklika  Laudato Si tal-Papa Franġisku, kif ukoll l-argument bażiku tas-Sinodu tal-Isfqijiet tar-Reġjun tal-Amażonja li preżentment għaddej f’Ruma. Il-konferenza ta’ Stokkolma kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha dwar materji ambjentali internazzjonali. Kienet ix-xrara li kebbset l-iżvilupp tal-politika ambjentali internazzjonali.

Fi ftit kliem, il-politika soċjali u dik ambjentali huma interrelatati: huma dak li l-għeruq Latino Amerikani tat-teoloġija tal-liberazzjoni jiddeskrivu bħala ‘ekoloġija integrali’.

Maurice Strong, Segretarju Ġenerali tal-konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar l-Ambjent Uman fi Stokkolma kiteb, fil-memorji tiegħu, dwar kemm u kif id-diskors ta’ Indira Gandhi fil-konferenza mhux biss baqa’ mfakkar imma fuq kollox kemm kien influwenti. It-tema li Gandhi żviluppata b’komunikattiva kbira kienet dwar kif “il-faqar hu l-ikbar sors ta’ tniġġis”. Kienet enfasizzat b’qawwa: “kif qatt nistgħu nikkonvinċu lin-nies fl-irħula u fil-griebeġ biex iżommu l-ibħra, ix-xmajjar u l-arja ndaf u ħielsa mit-tniġġis, meta ħajjithom hi kollha kemm hi tniġġisa waħda?”

Il-ħajja hi katina. Aħna l-bnedmin niffurmaw parti integrali min-natura. Saħħitna hi riflessjoni tas-saħħa tan-natura. Id-dmugħ tagħna huma d-dmugħ tal-istess natura.

Leonardo Boff, il-Franġiskan Brażiljan, esponent ewlieni tat-teoloġija tal-liberazzjoni, jitkellem ċar ħafna biex jiddeskrivi dan, saħansitra fit-titlu tal-ktieb influwenti tiegħu tal-1995: “Il-karba tal-art, il-karba tal-fqir” (Grito da Terra, Grito dos Pobres.) L-argumenti f’dan il-ktieb kienu influwenti  kemm fl-eko-enċiklika ta’  Jorge Bergoglio kif ukoll fis-Sinodu tal-Isfqijiet tal-Amazonja li għaddej bħalissa.  

Il-ħsara ambjentali għandha impatt enormi fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll. Fuq il-ħajja ta’ kulħadd ħlief ta’ dawk il-ftit li jaħtfu għalihom u għal ta’ madwarhom vantaġġi ekonomiċi jew ta’ xorta oħra u fl-istess ħin jitfgħu l-piżijiet fuq ħaddieħor.

Il-ħsara ambjentali hi strument għall-inġustizzja soċjali. Il-ħarsien ambjentali hu, għaldaqstant essenzjali biex tissaħħaħ il-ġustizzja soċjali.

Id-dinja li qed ngħixu fiha hi d-dar komuni tagħna: flimkien magħha għandha futur komuni. Kull ħsara li nagħmlu fin-natura tispiċċa lura fuqna. Bħal min jobżoq lejn is-sema, u tgħallem li dak li jagħmel dejjem jiġi lura f’wiċċu! 

Hemm l-impatti diretti bħal meta l-arja tant meħtieġa għan-nifs tkun imniġġsa, inkella meta l-ilma jkun ikkontaminat, jew ħaxix inkella ħut li jkun imniġġes minħabba diversi fatturi ambjentali.

Imbagħad hemm l-impatti indiretti li jieħdu ż-żmien biex jimmaterjalizzaw. Bħat-tibdil fil-klima. L-emissjonijiet tal-karbonju ilhom jakkumulaw għal mijiet ta’ snin b’mod li jidher, minn diversi studji, li qed noqorbu lejn xi waħda kbira. Bħala riżultat tat-tibdil fil-klima qed nissograw impatti katastrofiċi: żieda fit-temperatura u silġ li jdub b’mod aċċelerat fil-poli u fil-Grenlandja b’mod partikolari: dawn iwasslu għal żieda sostanzjali fil-livell tal-baħar.

Il-vulnerabbli u l-foqra jkunu dawk li l-iżjed ilaqqtuha. L-istati gżejjer żgħar fil-Paċifiku diġà qed jgħaddu minn din l-esperjenza. Għandna speċi ġdida ta’ immigranti: ir-refuġjati tal-klima li qed jaħarbu minn impatti ambjentali li jridu jissaportu mingħajr ma kkontribwew għalihom.

In-natura, kif nafu, tirritalja b’qawwa kontinwament biex tirrestawra bilanċ. M’għandhiex għażla. Lanqas ma tiddiskrimina.

Dan hu kollu frott tar-rgħiba. Hi frott ta’ viżjoni li ma tħarisx fit-tul. Viżjoni li ma titlifx opportunità waħda biex issarraf vantaġġi li jistgħu jinkisbu malajr bla ma jkun hemm l-iċken idea tal-impatti fit-tul.

In-natura hi kapaċi tipprovdi għall-ħtiġijiet ta’ kulħadd. Imma ma tistax tissodisfa r-rgħiba fit-tul. F’din il-komunità ekoloġika jeħtieg li mhux biss ningwalawha man-natura, mal-ambjent immedjat tagħna, imma iktar mal-ambjent fit-totalità tiegħu, mal-ambjent integrat. Dan jista’ jsir biss jekk jirnexxilna nifhmu u nagħtu kas tal-weġgħat tan-natura.

 

More in Politika