Owen Bonnici | Firxa kulturali

Din kienet ġimgħa li rajna propju dan. Minn attività u avveniment għall-ieħor, kollha bis-sbuħija u l-artistrija partikolari tagħhom.

Is-sabiħ tas-settur tal-kultura huwa l-varjetà tiegħu. Varjetà li titlaq minn attivitajiet u avvenimenti sa restawr u rigenerazzjoni tal-patrimonju tagħna. Inżid ukoll li apparti dak li jiġi offrut mill-artist u t-talent Malti, hemm dak li joffrulna l-artisti barranin u wkoll it-taħlit bejn il-lokal u l-internazzjonali.

Varjetà li ġġib magħha d-diversità. Minn opra u żfin klassiku, sa mużika u żfin kontemporanju, minn pittura u skultura klassika sa pittura u skultura kontemporanja u nibqgħu sejrin hekk għal dak kollu li b’mod ħolistiku nsejħulu kultura u arti.

Din kienet ġimgħa li rajna propju dan. Minn attività u avveniment għall-ieħor, kollha bis-sbuħija u l-artistrija partikolari tagħhom.

U ma niddejjaqx ngħid lanqas li aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed naraw is-suċċessi u l-għarfien li huma bbażati fuq il-politika kulturali li ħaddanna u wkoll implimentajna f’dawn l-aħħar sitt snin. Mhux qed ngħid li kollox beda issa, imma l-ispinta li ħa dan is-settur hija spinta li qed iddewwaqna riżultati pożittivi immens.

Kemm insemmi l-Passaporti tal-Heritage Malta li introduċejna kemm għall-istudenti u wkoll għall-kbar. F’anqas minn sena dawn sarrfu fi dħul b’xejn fis-siti ta’ Heritage Malta għal aktar minn 107,000 persuna. Jekk issemmi n-Notte Bianca, rajna udjenza ta’ aktar minn 70,000 li ħonqu l-Belt Valletta jsegwu t-talent ta’ ’l fuq minn 250 artist f’54 avveniment.

Imma mmur oltre minn hekk.

Nhar il-Ġimgħa flimkien mal-Prim Ministru inawgurajt dik li sejjaħna l-MICAS International Art Weekend. Numru ta’ attivitajiet kulturali mxerrda f’diversi lokalitajiet. Imma inawgurajna wkoll, permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ The Serpentine Galleries ta’ Londra, installazzjoni interessanti ferm f’Wied il-Luq, il-Buskett.

Meta qed issemmi s-Serpentine Galleries tkun qed issemmi isem prestiġġjuż b’ħidma ta’ kważi nofs seklu fl-arti kontemporanja. Li dawn qed jikkollaboraw mal-MICAS turi s-serjetà u l-professjonalità tal-mod kif qed naħdmu f’dan is-settur. U kien ta’ pjaċir li nilqgħu fostna installazzjoni tal-artist Pierre Huyghe li ismu huma rinomat u mfittex fil-qasam tal-komtemporanju. Franċiż li għandu l-arti tiegħu mxerrda mal-erbat irjieħ tad-dinja u issa wkoll f’pajjiżna.

Dan huwa dak li qed naħdmu għalih, li nkomplu dejjem aktar inpoġġu isem Malta fuq il-mappa dinjija tal-kultura u l-arti. Li nkomplu nagħtu l-opportunità lill-artist Malti jitħallat mal-artist barrani biex jaqsam l-esperjenza u t-talent tiegħu.

Kif fuq kollox huwa l-għan tal-MICAS – li jipprovdi aktar spazju għall-esebizzjoni tal-arti kontemporanja kemm mill-Maltin u wkoll mill-barranin. Spazju li kien ilu żmien mitlub mill-artist Malti.

***

Avveniment li ma’ oħrajn issa huwa stabbilit fil-kalendarju kulturali huwa dak ta’ Festivals Malta, li hija parti mill-Ministeru, u li huwa msejjaħ The Three Palaces – It-Tliet Palazzi li issa jinsab fis-seba’ edizzjoni tiegħu.

U għax dejjem naraw kif intejbu fuq dak li nkunu għamilna, din is-sena l-festival qed iġib miegħu frażi ġdida – nirrealizzaw li l-ordinarju tagħna huwa fil-verità straordinarju – tema li tifforma parti sew mill-programm tal-avvenimenti.

L-avvenimenti bħal dan il-festival, huma importanti minħabba li mhux biss iservu bħala pjattaforma għall-artisti lokali biex juru t-talent tagħhom, imma wkoll joffru mod uniku biex l-udjenza tesperjenza l-mużika u l-arti f’binjiet mill-isbaħ li jġorru magħhom snin ta’ storja. Amalgamazzjoni li hija mod mill-aqwa biex inqarrbu aspetti kulturali differenti flimkien. Dan il-festival ikompli jgħin biex il-kultura u l-arti tkun aktar aċċessibbli grazzi għall-postijiet differenti li fih se jittella’.

Fil-fatt it-tnedija tiegħu għamilnieha f’Palazzo Parisio, lok mill-isbaħ, kif inhuma wkoll il-postijiet l-oħra kollha fejn se jsiru l-attivitajiet bejn l-1 u l-10 ta’ Novembru.

It-Three Palaces Festival huwa ċelebrazzjoni prestiġġjuża ta’ mużika u wirt kulturali li matulu l-eċċellenza tal-mużika hija mqabbla biss mal-oriġinalità tal-lok fejn dan qiegħed jittella’.

***

Intenni ngħid kemm huwa vast dan is-settur. Minn artisti barranin li jagħżlu lil pajjiżna biex jesebixxu, għal artisti klaissiċi fit-Three Palaces Festival – għal kultura għall-ġenerazzjoni ċkejkna tagħna.

Nidejna wkoll uffiċjalment id-disa’ edizzjoni ta’ ŻiguŻajg – Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ – festival popolarissmu u organizzat minn Spazju Kreattiv, ukoll parti mill-Ministeru. Festival bi programm imżewwaq ta’ 21 produzzjoni minn 11-il pajjiż differenti b’disa’ forom differenti ta’ espressjoni kreattiva. Ħames proġetti ġew ikkummissjonati apposta għall-festival, filwaqt li ħamsa oħra huma ko-produzzjonijiet ma’ entitajiet kulturali pubbliċi oħra. Dan ifisser li din l-edizzjoni se jkollha xejn inqas minn 10 premieres u ’l fuq minn 130 artist kollaboratur.

Il-Festival ŻiguŻajg li din is-sena se jittella’ mill-15 sal-24 ta’ Novembru 2019, inħoloq biex inissel fit-tfal u ż-żgħażagħ l-imħabba għall-kreattività u l-arti. Illum għadu preċiżament dan; vetrina ta’ produzzjonijiet sbieħ u spettakli stupendi minn Malta u minn madwar id-dinja kollha, li kompla jitjieb u jissaħħaħ maż-żmien. Dan kollu huwa parti mill-istrateġija ta’ dan il-Gvern, li jagħmel l-arti u l-kultura aktar aċċessibbli għal kulħadd.

Ir-relevanza ta’ ŻiguŻajg fis-soċjetà tal-lum qiegħda kulma jmur tikber, u għalhekk dan il-festival mill-ġdid qed ikun fuq quddiem biex jittratta kwistjonijiet ta’ interess pubbliku. Din is-sena l-festival se jiffoka fuq temi kurrenti li jinkludu l-ambjent, il-multikulturaliżmu u l-integrazzjoni, il-bullying, l-identità sesswali, u r-rwol taż-żgħażagħ fis-soċjetà.

Din is-sena ŻiguŻajg se jiftaħ il-bibien tiegħu għal iktar minn 8,000 tifel u tifla tal-iskola, u se jkompli jifrex il-ħidma tiegħu f’Għawdex, biex ikun żgurat li t-tfal tal-iskola wkoll ikollhom l-opportunità li jassistu għall-wirjiet tal-festival. Dan jorbot mal-programm outreach ta’ ŻiguŻajg li, minbarra attivitajiet fil-Belt Valletta u f’Għawdex, se jieħu ħsieb itella’ spettaklu li jdur fl-iskejjel kif ukoll jalloka biljetti għal gruppi ta’ minoranza.

Barra minn hekk, permezz tal-Programm tad-Delegati, professjonisti minn madwar id-dinja se jżuru Malta biex jesperjenzaw il-festival u jaqsmu ma’ xulxin l-aħjar prattiki. Dan jikkorrispondi mar-reputazzjoni internazzjonali dejjem tikber ta’ ŻiguŻajg bħala l-festival tal-arti li ma għandux jintilef minn dawk li jikkreaw xogħol għat-tfal u ż-żgħażagħ.

***

Il-kultura tidħol f’kollox. Il-kultura tgħaqqad mhux biss lilna lkoll bħala Maltin imma tgħaqqad il-ġnus u l-popli kollha flimkien, minkejja d-diversità fil-kulturi kollha li nsibu bejn pajjiż u ieħor. Ħa nispjega għalfejn.

It-tnedija tal-Ġimgħa għad-Diplomazija dwar il-Klima bdiet billi inawgurajt esebizzjoni ta’ ritratti fil-preżenza tal-kapijiet parteċipanti tar-rappreżentanti diplomatiċi. Esebizzjoni li tiffoka fuq l-impatt tal-klima fuq il-wirt kulturali u turi serje ta’ ritratti li juru l-impatt tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi. Ir-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, bl-assistenza ta’ Heritage Malta, qed turi ritratti li juru l-impatt tal-klima fuq it-tempji tal-Imnajdra.

Meta għamilt kelmtejn fl-inawgurazzjoni għidt li wirtna u l-istorja tagħna għandhom parti importanti fit-tiswir tal-identità tagħna u dan jidher ċar mill-ħafna monumenti u siti storiċi li nsibu fi gżiritna li jservu ta’ eżempju tal-istorja estensiva u l-impatt fuqna bħala pajjiż. Irreferejt ukoll għax-xogħlijiet ta’ restawr numerużi li saru u li qed isiru biex nipproteġu dawn il-binjiet storiċi.

Tkellimt li l-bidla fil-klima hija xi ħaġa li taffetwana lkoll, kemm jekk huwa tempju f’pajjiżna, kemm jekk huwa tempju fil-Ġreċja, anki jekk nitkellmu dwar l-iStonehenge fl-Ingilterra.

L-esebizzjoni tagħmel parti mill-attivitajiet organizzati mir-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta flimkien ma’ rappreżentanti diplomatiċi minn Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, l-Olanda, Spanja, u r-Renju Unit u l-Bord ta’ Azzjoni dwar il-Klima. L-avveniment tat-tnedija inkluda wkoll il-film ‘Kakota’, li hu dwar l-istorja ta’ abitanti ta’ gżira żgħira fl-Afrika tal-Lvant li jgħixu l-bidla fil-klima u li issa b’mod innovattiv irnexxielhom jadattaw għall-klima li qed tisħon filwaqt li għamlu riforestazzjoni fil-gżira tagħhom. Il-film ġie segwit minn diskussjoni mmoderata mill-Professur Simone Borg, l-Ambaxxatur għal Malta dwar it-Tibdil fil-Klima.

L-esebizzjoni tar-ritratti se tintwera fil-Kavallier ta’ San Ġakbu bejn l-10 u l-20 ta’ Ottubru 2019.

More in Politika