Editorjal | Immigrazzjoni: Il-mibegħda nkissruha imma t-tħassib nindirizzawh
Dan misshom indirizzaw il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, milli qagħdu jinħlew fuq ħafna paroli fil-vojt ta’ kożmopolitan u metropolitan. In-nies, soluzzjonijiet iridu! Mhux arja!
L-immigrazzjoni, bħall-abort, għax huwa suġġett super-sensittiv u jinvolvi direttament ħajjet l-umani jattira lejh reazzjonijiet estremi u ppassjonati, xi kultant ta’ mibegħda.
Nibdew mill-bażiku. Hemm differenza enormi, mhux komparabbli bejn tħassib ġenwin għas-sigurtà u l-benesseri tal-pajjiż, kif ukoll għall-impatt fuq l-infrastruttura u l-ekonomija tal-pajjiż u l-mibegħda.
Il-mibegħda ma tarax ħlief kulur, reliġjon jew nazzjonalità u tagħżel li tobgħod fuq dawn il-karattersitiċi, inkwantu mill-abbilitajiet, karattru u s-suċċess jew bżonn ta’ persuna.
M’hemmx għaliex ngħidu li f’soċjetà miftuħa, demokratika, sekulari u kożmopolitana m’hemmx post għal mibegħda. Din għandha tkun maqlugħa bl-għeruq u x-xniexel u jittieħdu passi legali kontra min ixerridha. U iva jekk hemm bżonn isiru ‘witch hunts’ isiru, għax il-xenofobija u t-tixrid tal-mibegħda huma reati serji u hekk għandhom ikunu ttrattati.
Li ngħixu flimkien, nifhmu d-differenzi ta’ xulxin u li niċċelebraw id-diversità huwa preġju, mhux nuqqas.
Imma dan ma jfissirx li aħna ma nifhmux eluf ta’ nies li wrew tħassib serju wara l-inċidenti li seħħew f’Ħal Far, li huma biss parti minn realtà akbar fit-toroq ta’ ċerti lokalitajiet fejn jidher li l-liġi hija ineżistenti.
M’hemmx għaliex ngħidu li f’soċjetà miftuħa, demokratika, sekulari u kożmopolitana m’hemmx post għal mibegħda. Din għandha tkun maqlugħa bl-għeruq u x-xniexel u jittieħdu passi legali kontra min ixerridha. U iva jekk hemm bżonn isiru ‘witch hunts’ isiru, għax il-xenofobija u t-tixrid tal-mibegħda huma reati serji u hekk għandhom ikunu ttrattati
Mhux inkwetanti (jekk ikun stabbilit li vera) li kien hemm il-preżenza ta’ pulizija wieħed biss? Mhux inkwetanti li ż-żona ma kinitx issiġġillata biex ħadd ma jidħol hemmhekk u jispiċċa jkollna inċident ikbar? Mhux inkwetanti li kulħadd fuq il-midja soċjali, kulħadd fit-toroq u kulħadd kullimkien kien qed jitkellem dwar dan l-inċident u l-Gvern ma ħariġx stqarrija sa wara ħafna sigħat? Mhux inkwetanti li dik li hija xena tal-att kriminali ġiet issiġillata biss sigħat wara (wara l-10 am)? Mhux inkwetanti li immigranti oħrajn ta’ rieda tajba (il-maġġoranza fiċ-ċentru) setgħu weġġgħu waqt din ir-rewwixta minn nies li kellhom intenzjoni ħażina? Għalfejn ma kienx hemm l-għajnuna fil-post għal li jista’ jkun jiġri xi ħaġa? U kieku din ir-rewwixta ħarġet miċ-ċentru? X’kien se jiġri?
Dawn huma mistoqsijiet leġittimi u m’għandekx għalfejn ikollok lanqas sufa waħda razzista biex tistaqsihom.
Il-ġurnalisti kollegi tagħna li kienu fuq il-post, iddeskrivew ix-xena filgħodu bħala ‘skiet surreali’ u qalu illi meta l-Pulizija waslu qalulhom ‘morru lura għax din xena ta’ att kriminali’, sigħat wara li l-att kriminali seħħ u wara li kulħadd kellu l-libertà assoluta biex jidħol u joħroġ miċ-ċentru.
Din mhix serjetà u jekk kienet strateġija, kien ikun aħjar li xi ħadd għarraf lill-pubbliku rrabjat u bla sabar, milli qgħadna kwieti m’għidna xejn, forsi l-affari tintesa.
Mhux inkwetanti li kien hemm rapporti li dawn il-bnedmin ma ngħatawx ikel għal tlitt ijiem? Mhux inkwetanti li ċ-ċentru miftuħ huwa ffullat? Mhux inkwetanti li qed noħolqu l-ambjent perfett biex jerġa’ jkollna sitwazzjoni simili?
Dawk li marru fuq Facebook jobsqu l-ħdura u l-mibegħda mhux talli qed jiksru l-liġi u jixraqilhom kundanna, talli qed jagħmlu l-akbar disservizz lill-kwistjoni kollha.
Din mhix dwar ir-razza u l-kulur. Din il-kwistjoni hija dwar ksur sfaċċat ta’ liġi li dwaru l-Gvern ma qal xejn jekk mhux meta kien diġàtard ħafna.Din hija kwistjoni ta’ kundizzjonijiet li fihom kienu qed jgħixu dawn l-immigranti. U lil hinn minn Ħal Far, hija kwistjoni ta’ nuqqas ta’ infurzar, kemm għall-Maltin u anke l-barranin.
Tort ta’ min suppost qed jara li l-pulizija huma mħarrġin biżżejjed, li hemm riżorsa biżżejjed ta’ pulizija fejn hemm bżonn u preżenza akbar ta’ pulizija fejn hemm bżonn. Mhux biex insiru qisna Alcatraz, imma biex ikun hemm deterrent ċar, għall-Maltin u l-barranin
Morru Buġibba/il-Qawra u staqsu intom, jekk ma temmnux, x’inhu għaddej fit-toroq, Maltin u barranin, sokor u ġlied u ma tarax pulizija wieħed. Tort tal-pulizija? Lanqas xejn.
Tort ta’ min suppost qed jara li l-pulizija huma mħarrġin biżżejjed, li hemm riżorsa biżżejjed ta’ pulizija fejn hemm bżonn u preżenza akbar ta’ pulizija fejn hemm bżonn. Mhux biex insiru qisna Alcatraz, imma biex ikun hemm deterrent ċar, għall-Maltin u l-barranin.
Issa, l-għajjat u l-istorbju u r-rabja dwar dak li ġara f’Ħal Far għadda. Issa nistgħu nkunu nafu, lil hinn mill-paroli fil-vojt fuq ir-responsabbilità tal-midja, x’se jsir biex nipprevjenu repetizzjoni ta’ dak li ġara? Nistgħu nkunu nafu meta u kif se jsir aktar taħriġ u aktar investiment fil-forzi tal-ordni u fil-kundizzjonijiet ta’ ħajjet l-immigranti?
Dan misshom indirizzaw il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, milli qagħdu jinħlew fuq ħafna paroli fil-vojt ta’ kożmopolitan u metropolitan. In-nies, soluzzjonijiet iridu! Mhux arja!