Dun Anġ Seychell | Ir-rivoluzzjoni ta’ Greta Thunberg
Din it-tfajla Żvediża qanqlet lid-dinja u mhux ftit kienu qed jaħsbu li għandha l-akbar ċans li tirbaħ il-Premju Nobel għall-Paċi
Madwar sena ilu t-tfajla Greta Thunberg bdiet rivoluzzjoni li malajr xterdet ma’ 185 pajjiż. Lejlet il-jum li fih Antonio Guterres sejjaħ lill-Membri tal-Ġnus Magħquda seħħew dimostrazzjonijiet bil-għan li l-gvernijiet jieħdu azzjoni urġenti biex jillimitaw il-għoli fit-temperatura globali għal 1.5 kif kien hemm qbil fil-laqgħa ta’ Pariġi tal-2015.
Dakinhar seħħet l-akbar protesta dwar il-klima li qatt saret fl-istorja. Fiha saret talba qawwija biex isir pass urġenti mill-gvernijiet ħalli tieqaf il-qasma bejn l-għonja li gerfxu l-atmosfera u l-foqra li jkunu l-ewwel nies li jbatu l-konsegwenzi.
X’qaltilhom Greta
Greta Thunberg marret New York fejn attendiet il-laqgħa tal-Ġnus Magħquda dwar il-klima u lill-kbarat tad-dinja qaltilhom:
“Jiena ma jmissnix qiegħda hawn. Imissni qiegħda l-iskola n-naħa l-oħra tal-oċean. Intant intom ilkoll tiġu għandi biex issibu t-tama. Kif ma tistħux! Intom sraqtuli l-ħolm tiegħi u t-tfulija tiegħi bil-kliem vojt tagħkom. Madankollu jiena fost dawk xortihom tajba. In-nies qed ibatu. In-nies qed imutu. Qed jinqerdu ekosistemi sħaħ. Ninsabu fil-bidu tal-qerda tal-kotra. Kulma tistgħu tgħidu mhux ħlief dwar il-flus u l-ħrejjef ta’ progress ekonomiku etern. Kif ma tistħux!?
Għal iżjed minn 30 sena, ix-xjenza kienet ċara kristall. Kif ma tistħux tibqgħu tħarsu band’oħra u tiġu hawn u tgħidu li qed tagħmlu biżżejjed, meta l-politika u s-soluzzjonijiet meħtieġa ma jidhru mkien. Fadlilna ċans ta’ inqas minn tmien snin u nofs. Qed tgħidu li qed ‘tisimgħuna’ u li qed tifhmu l-urġenza tagħna, imma minkejja li jiena mnikkta u rrabjata jiena ma nemminkomx. Għax kieku tagħrfu bis-sħiħ dil-qagħda u intant bqajtu ma ħadtux passi, intom tkunu nies ħżiena. U jiena ma rridx nemmen dan.
Qatt m’aħna se naħfrulkom.
Kif tippretendu li tistgħu ssibu tarf ta’ dan billi ġġibu ruħkom bħas-soltu u b’xi soluzzjonijet tekniċi. Bil-livell ta’ klima tal-lum kollox ikun spiċċa fi żmien tmien snin u nofs.
“Intom qed tonqsuna. Imma ż-żgħażagħ bdew jifhmu t-tradiment tagħkom.
Għajnejn il-ġenerazzjonijiet ġejjiena jinsabu fuqkom. U jekk tagħżlu tonqsuna, jiena ngħid li qatt m’aħna se naħfrulkom. M’aħniex se nħallukom tgħadduha lixxa. Sewwasew hawnhekk se naqtgħu linja. Id-dinja qed tqum. U l-bidla ġejja, tridu jew ma tridux”.
Din it-tfajla Żvediża qanqlet lid-dinja u mhux ftit kienu qed jaħsbu li għandha l-akbar ċans li tirbaħ il-Premju Nobel għall-Paċi.
Il-Prim Ministru tal-Etijopja
Imma kien hemm ieħor jikkompeti magħha- il-Prim Ministru tal-Etjopja Adij Ahmed, li ngħata l-unur kbir tal-Premju Nobel għall-Paċi “minħabba t-taħbit tiegħu biex jikseb il-paċi u l-koperazzjoni internazzjonali, u b’mod partikulari għall-inizjattiva deċiżiva tiegħu biex isib tarf tal-konflitt tal-fruntiera mal-Eritrea.”
Hu sar Prim Ministru f’April 2018 u fi żmien qasir għamel paċi mal-Eritrea, ħeles il-priġunieri politiċi mill-ħabs, għamel apoloġija għall-brutalità statali li wrew dawk li ħakmu qablu u daħħal fil-pajjiż riformi ekonomiċi u demokratiċi.
Mhix ċajta tagħmel paċi mal-Eritrea. L-Eritrea fi żmien Mussolini kienet kolonja Taljana, wara l-Gwerra Dinjija saret parti mill-Etijopja, imbagħad saret pajjiż indipendenti imma l-gvernijiet tagħha xejn ma wrew ruħhom b’paċi ġusta maċ-ċittadini tal-pajjiż. Il-pass li ħa l-Prim Ministru tal-Etijopja nittamaw li jiswa wkoll biex il-poplu tal-Eritrea jgħix fil-libertà u fil-ġustizzja.
***
Irrid nifraħ lil Toni Sant tal-bijografija ħelwa li ppubblika tal-komiku Malti Charles Clews, f’għeluq il-mitt sena mit-twelid tiegħu. Il-ktieb huwa pubblikazzjoni tal-SKS, Sensiela Kotba Soċjalisti. Għandu format eleganti. Fih mal-200 paġna doppja u jfakkar fl-isbaħ ċajtiet ta’ Charles Clews u jixhed l-istil edukat u pulit taċ-ċajt tiegħu. Ftakart meta darba kont sejjer il-Bajja ta’ San Tumas u fit-triq ilmaħt lil Charles Clews fuq għatba tal-ħwienet li kien hemm u kelli ċans ngħaddi ftit ħin nitkellem miegħu. Kont naħseb li kien minn Bormla imma Sant għarrafna li kien mill-Isla.
Dun Anġ Seychell huwa l-fundatur ta’ Dar Nazareth