Dun Anġ Seychell | Is-sabiħ u l-ikrah
Għaliex das-skiet? Qed jingħad bi ftaħir kemm qed niksbu mill-Unjoni Ewropea u qatt ma jingħad kemm qed nagħtuha.
Min ikun fil-gvern għandu d-dmir li jikkomunika mal-poplu u jgħarrfu dwar is-sabiħ u l-ikrah li jkun qed iseħħ f’Malta u fid-dinja. Mhux sew li min ikun fil-gvern joqgħod jiftaħar b’rixu u jħalli lil min ikun fl-oppożizzjoni jew lill-barrani jikxfu l-ikrah li jseħħ fostna. Il-verità trid tingħad kollha mill-gvern għax inkella ċ-ċittadini ma jkollhomx il-verità kollha u nofs verità hija agħar minn gidba. Sirna nafu ftit jiem ilu li Malta tinsab fil-quċċata tal-pajjiżi li għandhom evazzjoni internazzjonali tat-taxxa!
€230 miljun evażjoni
Sirna nafu li fis-sena 2016 biss l-ammont ta’ evażjoni mit-taxxi kien €230 miljun l-ogħla ammont proporzjonali meta tqis iċ-ċokon ta’ pajjiżna. Fis-sena 2004 l-evażjoni tat-taxxa kienet €50 miljun, fis-sena 2013 telgħet għal €140 miljun, qabżet il-€190 miljun fis-sena 2014 u fis-sena 2015 u baqgħet tielgħa għal €230 miljun fis-sena 2016! Dat-tagħrif ma ngħatax mill-Gvern Malti imma minn studju li sar mill-Kummissjoni Ewropea. Dan ifisser li Malta qed titlef iżjed minn 2% tal-prodott domestiku gross.
Jiena m’iniex minn dawn li jmaqdru lill-Gvern għax jiftaħar bis-suċċess li jagħmel f’ċerti oqsma. Hemm għandu biex jiftaħar, imma nlumu għax mhux jikkomunika b’mod sħiħ maċ-ċittadini tal-pajjiż
Min-naħa tal-Gvern skiet kbir. Bħalma hemm skiet kbir dwar l-ammont li l-Gvern Malti qed jibgħat lill-Kummissjoni Ewropea fi Brussell. Għaliex das-skiet? Qed jingħad bi ftaħir kemm qed niksbu mill-Unjoni Ewropea u qatt ma jingħad kemm qed nagħtuha. U qatt ma jingħad x’qed isir biex nirkupraw l-evażjoni mit-taxxa internazzjonali!
Stil mhux ġust
Dan l-istil ta’ amministrazzjoni mhuwiex ġust. Il-poplu Malti għandu l-jedd isir jaf kif qed timxi l-amministrazzjoni tal-ġid, kemm hawn ċittadini li jħallsu regolarment it-taxxa li jmisshom iħallsu u kemm hawn ċittadini li qed jevadu t-taxxa billi jaħżnu flushom barra mill-pajjiż. U dan għandhom il-jedd li jsiru jafuh dawk iċ-ċittadini kollha li regolarment iħallsu t-taxxa fuq id-dħul li għandhom. Ngħid għalija jiena għandi 86 sena u għadni nħallas it-taxxa fuq id-dħul kif jien mitlub!
X’hemm implikat f’dan it-tagħrif finanzjarju negattiv?
Dan ifisser li hawn min mhux jagħti sehem għall-ġid nazzjonali.
Dan ifisser inqas flus għas-servizzi soċjali, għas-saħħa u għall-edukazzjoni.
X’inhu jagħmel il-Gvern biex jirrmedja din l-evazzjoni gwappa?
Ma nafux.
Xi kwalità ta’ individwi jew assoċjazzjonijiet qed javadu t-taxxa?
Ma nafux.
Nafu biss li l-Maltin li għandhom flushom barra qed igawdu s-somma enormi ta’ €5.2 biljun: €5,000 miljun—l-ogħla ammont fl-UE meta tqis iċ-ċokon tal-ekonomija bu tad-daqs ta’ pajjiżna!
Mintoff u Churchill
Jiena m’iniex minn dawn li jmaqdru lill-Gvern għax jiftaħar bis-suċċess li jagħmel f’ċerti oqsma. Hemm għandu biex jiftaħar, imma nlumu għax mhux jikkomunika b’mod sħiħ maċ-ċittadini tal-pajjiż, li għandhom il-jedd ikunu jafu bis-sabiħ kif ukoll bl-ikrah li qed iseħħ fil-pajjiż. Qed jagħmel ħażin iħalli lil ħaddieħor jagħti t-tagħrif dwar l-ikrah li għad hawn fl-ekonomija u fil-qagħda soċjali ta’ pajjiżna.
Fost dawk li mexxew il-pajjiż qablu hemm min mexa bi stil ieħor. Għadni niftakar lill-Perit Mintoff meta kien Prim Ministru u fl-aħħar ta’ kull sena kien ikellem lill-poplu Malti u b’mod l-iżjed miftuħ kien jgħidilna “hawn morna tajjeb” imma “hawn morna ħażin”!
Dak l-istil ta’ komunikazzjoni kien jintgħoġob għax jixhed l-istima ta’ min imexxi bla ma jaħbi xejn mill-poplu li qed imexxi anzi jġiegħlu jirrifletti. Dan hu l-istil matur kif tmexxi poplu. Ifakkarni f’mexxej ieħor, mhux ta’ Malta imma tal-Ingilterra. Qed ngħid għal Winston Churchill.
Meta Hitler kien għoddu ħataf l-Ewropa kollha u l-Ingilterra baqgħet weħidha, Churchill kellu l-kuraġġ jgħid pubblikament lill-poplu Ingliż: “Jiena m’għandix xi nwegħedkom ħlief demm u dmugħ, imma ngħidilkom we shall overcome.”
Dan hu l-istil li għeleb lil Adolf Hitler!
Fi żmienna dan l-istil sar rari ħafna!
Dun Anġ Seychell huwa l-fundatur ta’ Dar Nazareth