Carmel Cacopardo | Żomm ’il bogħod mill-investigazzjoni
Min hu inkarigat mill-interrogazzjonijiet fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija: il-Kummissarju Lawrence Cutajar jew il-Kummissarju Joseph Muscat?
Il-familja Caruana Galizia għandha raġun li tinsisti illi l-Prim Ministru Joseph Muscat jeħtieġli jżomm ’ilbogħod mill-investigazzjoni kriminali dwar l-assassinju ta’ Daphne.
Il-kummentarju kontinwu tal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar l-investigazzjoni kriminali għandha tinkwetana lkoll. Matul din il-ġimgħa huwa għamel numru ta’ dikjarazzjonijiet inkwetanti li jindikaw bl-iktar mod ċar illi kien qed ikun infurmat b’mod immedjat dwar dak li jkun għaddej waqt l-interrogazzjonijiet. Dan hu aġir abbużiv u jista’ jkollu konsegwenzi gravi, inkluż t-tħarbit tal-investigazzjoni nnifisha.
Ġejna infurmati minn Joseph Muscat li l-informazzjoni li wasslet għall-arrest ta’ Yorgen Fenech ma ġietx mill-intermedjarju imma li l-Pulizija kienu ilhom li waslu għaliha. Infurmana wkoll li l-intermedjarju għadu ma żvelax biżżejjed informazzjoni. Biżżejjed jiġifieri, biex din l-informazzjoni tkun tista’ twassal ħalli l-investigazzjoni tkun konkluża u dawk kollha responsabbli għall-ippjanar u l-esekuzzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jkun possibbli li kollha kemm huma jieħdu dak li ħaqqhom.
Iktar kmieni, huwa u jwieġeb mistoqsija ta’ ġurnalista, Joseph Muscat żvela li “s’issa”, l-ebda politiku ma kien identifikat bħala “persuna li hi ta’ interess” għall-investigazzjoni kriminali. Din bla dubju żelqitlu. Probabbilment hu inkwetat li din il-possibilità tista’ titfaċċa iktar tard meta l-investigazzjoni tkun żviluppat ftit ieħor. Jittama li dan ma jseħħx. Imma l-movimenti tiegħu (body language) iwasslu messaġġ iktar qawwi minn kliemu dwar din il-possibilità.
Il-Prim Ministru għandu l-obbligu li jassigura illi l-investigazzjoni tkun imħarsa u mhux imfixkla. F’dan il-mument, bħala riżultat tal-interventi pubbliċi tiegħu dwar l-investigazzjoni, huwa l-ikbar theddida biex l-investigazzjoni tkun imfixkla f’xogħolha
Muscat qal li jaf ferm iktar minn dak li qal sa issa, imma li qagħad lura għal dawn l-aħħar 24xahar. Għamel sforz kbir mid-dehra, probabbilment għax hekk kien jaqbillu.
Min hu inkarigat mill-interrogazzjonijiet fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija: il-Kummissarju Lawrence Cutajar jew il-Kummissarju Joseph Muscat?
Diversi mezzi tal-aħbarijiet qed jiżvelaw biċċiet ta’ informazzjoni li qed jindikaw illi l-intermedjarju huwa s-sors potenzjali ta’ minjiera ta’ informazzjoni addizzjonali ta’ importanza kbira li tista’ tissiġilla l-każ. Dan jidher li ftit ser iħalli possibilitajiet lil min ikun jixtieq jilgħab. Bħala riżultat ta’ dan, il-Pulizija issa ma tantx baqagħalhom skużi biex jimxu bil-mod. Għax kif tista’ tispjega dak li qed jgħid il-Prim Ministru li qabel ma tfaċċa l-intermedjarju l-każkien diġàċar għall-investigaturi meta huwa issa, wara dan iż-żmien kollu li bdew jiċċaqalqu ftit biex joqorbu lejn konklużjoni tal-każ?
Dan il-punt jagħmlu wkoll Pieter Omtzigt, ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assassinju ta’ Daphne li ġie kkwotat jgħid li “Għaliex ix-xhieda tal-intermedjarju l-ewwel tiġġustifika l-proklama mbagħad il-Prim Ministru jgħid li din ma kinitx meħtieġa biex ikun arrestat Fenech?” Din l-osservazzjoni ta’ Omtzigt hi konklużjoni loġika u inevitabbli li tasal għaliha wara li tgħarbel dak li qal il-Prim Ministru li appunta lilu nnifsu bħala l-kelliem għall-investigaturi.
Il-Prim Ministru għandu l-obbligu li jassigura illi l-investigazzjoni tkun imħarsa u mhux imfixkla. F’dan il-mument, bħala riżultat tal-interventi pubbliċi tiegħu dwar l-investigazzjoni, huwa l-ikbar theddida biex l-investigazzjoni tkun imfixkla f’xogħolha. Dan kollu jwassal għal mistoqsija waħda: lil min qed jipprova jħares?
Hu possibbli li qed iħares l-interessi tiegħu stess, jekk mhux ukoll ta’ dawk ta’ madwaru li wħud minnhom jidhru inkwetati sew. F’investigazzjoni normali u bla tfixkil dawk kollha li Daphne kitbet dwarhom huma l-ewwel suspettati li jeħtieg li jkunuinvestigati.
Għalhekk, sur Prim Ministru, żomm ’il bogħod mill-investigazzjoni.