Miriam Dalli | Kapitlu li jrid jingħalaq
Huwa fl-interess ta’ kulħadd li l-verità toħroġ u toħroġ kollha
Id-delitti ta’ Karin Grech u Raymond Caruana huma ġerħa li ma fiqux fl-istorja ta’ pajjiżna. Li l-ġerħa tfieq ma jfissirx li l-istorja tagħhom tintesa, ifisser li l-ġustizzja sseħħ u l-qtil tagħhom ma jibqax bid-dell ta’ delitti li qatt ma ssolvew.
Kuntrarjament għal dawn iż-żewġ każijiet, fl-investigazzjonijiet fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia evidentament mixjin u qed iħallu r-riżultati. Tliet persuni ġew arrestati, tressqu l-Qorti u l-każijiet tagħhom għaddejjin, filwaqt li l-investigazzjoni kompliet għaddejja.
Dan wassal għall-iżviluppi ta’ dawn l-aħħar jiem. Importanti li l-fatti kollha jkunu magħrufa biex dan il-kapitlu jkun jista’ jingħalaq. Huwa fl-interess ta’ kulħadd li l-verità toħroġ u toħroġ kollha.
Flimkien ma’ dawn l-iżviluppi hemm ukoll inkjesta pubblika indipendenti. It-termini ta’ referenza ta’ din l-inkjesta pubblika u l-membri li se jmexxu din l-inkjesta ġew maqbula flimkien mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia. L-istess inkjesta għandha disa’ xhur żmien biex tippreżenta dak li tkun sabet u l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia se tkun tista’ taqra r-rapport tal-inkjesta pubblika.
Dan il-kapitlu jrid jingħalaq biex ma nagħtux l-opportunità lil min irid juża din is-sitwazzjoni għall-vantaġġ politiku tiegħu.
L-għan aħħari tal-investigazzjonijiet u tal-proċess fil-Qorti hu għall-aħjar riċerka tal-verità: wiċċ ġudizzjarju li ma jħares lejn wiċċ ħadd.
In-nisa fil-politika
“Aħna l-Partit li nemmnu fin-nisa Maltin.” Hekk kien qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt li kien qed jindirizza attivita politika. Kien f’Marzu, xahrejn qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.
Iżda filwaqt li Delia kien għaddej jgħid dan il-kliem sbieħ, il-magna tal-partit u l-mezzi tax-xandir tiegħu kienu impenjati joħorġu stejjer fittizzji dwar il-Partit Laburista u l-inizjattiva Lead – il-programm immexxi minni flimkien mal-Partit biex inkomplu nħeġġu aktar nisa biex jidħlu fil-politiku.
Kienet azzjoni ta’ intimidazzjoni bil-għan li jippruvaw jaqtgħu qalb il-parteċipanti u kull min forsi jkun qed jaħsibha biex jingħaqad f’Lead.
Illum il-ġurnata fir-raba’ programm tiegħu, Lead laqa’ fi ħdanu 31 parteċipanta minn oqsma differenti tal-ħajja, b’etaijiet differenti.
U għax ma rnexxilhomx jaqtgħu qalb aktar nisa milli jersqu ’l quddiem, il-Partit Nazzjonalista ma waqafx hawn. Għażel li b’mod mill-aktar moqżież jattakka żewġ parteċipanti, biex ikompli jikxef l-attitudni ta’ partit li għalih kull min “mhux magħna, kontra tagħna”.
Il-Kap tal-Oppozizzjoni, wara li l-gazzetta tal-Ħadd tal-partit tiegħu, ħarġet tattakka lil dawn in-nisa, ħareġ fuq Twitter biex jgħid li hu ma jaqbilx ma’ dak li kitbet il-gazzetta tiegħu u qed jitlob li jirtiraw l-artiklu.
Filwaqt li hemm min jgħid li Adrian Delia għamel pass ’il quddiem billi talab apoloġija, l-apoloġija ta’ Delia ġiet tard wisq. Kien hemm ħafna aktar nisa li ġew attakkati u li l-Partit Nazzjonalista pprova jgħaddi ż-żmien bihom. Dan lili jagħtini x’nifhem li l-awtur tal-artiklu jħossu komdu jikteb dak li jrid għax għandu l-barka tal-Partit Nazzjonalista. Komdu li l-mezzi tax-xandir tal-Partit jistgħu jkomplu jifirxu l-politika tal-mibegħda u l-konfrontazzjoni.
Għandek Partit Nazzjonalista li jikkritika lin-nisa fuq ix-xejn – u xi drabi ohra anke jattakka fuq livell personali bi qlajjiet u zekzik
Ippruvaw jirredikolaw mara li hi għalliema, psikologa u avukata, u mara oħra li hija Judoka u li ġabet midalji tad-deheb għal Malta.
Adrian Delia jrid juri bil-fatti x’jemmen dwar l-ugwaljanza fi żmien meta għadu mhux magħruf kif l-Oppożizzjoni se tivvota fuq liġi tant fundamentali.
L-apoloġija tiegħu Adrian Delia jista’ ma jagħmilha xejn jekk ma jissostanzjahiex bil-fatti u bħali jaħsbuha nisa u persuni oħra li xebgħu jkunu fil-mira tal-Partit Nazzjonalista sempliċiment għax huma affiljati mal-Partit Laburista.
L-atteġġjament tal-Partit Nazzjonalista juri li għandu problema fundmanetali bin-nisa li jersqu lejn il-politika, speċjalment dawk li jersqu lejn il-Partit Laburista.
Li qatt ma rrealizzaw il-Partit Nazzjonalista, huwa li lilna mhux qed idejquna iżda qed isaħħuna. Urejna dan bir-riżultati li kisbu l-kandidati ta’ Lead fl-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u nista’ nserraħ moħħ in-nies li dan se nkomplu nuruh fis-snin li ġejjin.
Sfortunatament qed joħroġ bl-aktar mod ċar li l-Partit Nazzjonalista ma jemminx li l-politika hija għal kulħadd. Mill-banda l-oħra, il-politika qiegħda hemm għal min verament irid jagħti kontribut.
Għandek Partit Nazzjonalista li jikkritika lin-nisa fuq ix-xejn – u xi drabi ohra anke jattakka fuq livell personali bi qlajjiet u zekzik.
Il-Partit Laburista għandu jibqa’ l-forza politika li tagħti opportunità lil ħaddiehor jimxi ’l quddiem għaliex nemmnu li l-politika trid tirrappreżenta liċ-ċittadini kollha kemm huma.