Editorjal | Kif l-istorja għad tiġġudikahom...
B’dak li ġara, minkejja t-tajjeb kollu, minflok staġun politiku ġdid kellna staġun li qabad l-iżbalji u l-oxxenitajiet li saru minn Gvern Nazzjonalista, għamilhom tiegħu u użahom bħala skuża biex jagħmel agħar.
Din il-ġimgħa kienet waħda sewda għal pajjiżna, sewda għall-poplu tagħna, ġimgħa sewda għall-klassi politika u b’mod speċjali, ġimgħa sewda għall-Partit Laburista u l-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Ma ndurux mal-lewża. Qegħdin fil-kriżi politika li qegħdin fiha għal raġuni waħda. Għax Muscat m’aġġixxiex lura fl-2016 meta ħarġu dettalji dwar żewġ kumpaniji f’ġurisdizzjoni maħmuġa, sigrieta u fejn tant dittaturi u persuni b’dellijiet tqal ħaslu flushom.
Minn dak il-mument, eżatt, Joseph Muscat kellu jġiegħel lil dawn it-tnejn jwarrbu sakemm inaddfu isimhom.
Din m’għamilhiex. U din seta’ m’għamilhiex għal diversi possibilitajiet. Jew Muscat kien imdaħħal f’din il-kwistjoni kollha tal-Panama, jew tmejlu bih Keith Schembri u Konrad Mizzi u daħħluh f’din il-gażiba huma jew inkella jinsab irrikatat minn dawn.
Agħar minn hekk wieħed jeħtieġ jistaqsi; kif Muscat ma neħħiehomx wara li ħarġu l-fatti tal-kumpaniji nfushom, ma neħħiehomx wara li ddikjarax tali kumpaniji? Kif ma neħħiehomx wara li sirna nafu b’rapporti tal-FIAU li jgħidu li setgħu kienu parteċipi f’attivitajiet ta’ ħasil ta’ flus? Kif ma neħħiehomx meta emails bl-aktar mod ċar kienu qed jgħidu li minn 17 Black se jgħaddu flus għall-kumpaniji tagħhom fil-Panama? Kif ma neħħiehomx meta minn email jirriżulta li eluf kienu se jidħlu fil-kumpaniji tagħhom minn attivitajiet ta’ skart? U fl-aħħar mill-aħħar kif ma neħħiehomx meta Fenech, sid ta’ 17 Black, kien arrestat il-ġimgħa l-oħra?
Il-gazzetta ILLUM kienet ilha tgħid li din il-kontroversja se tibqa’ tqum, darba wara oħra u mhi qatt se tmut jekk ma joqtolhiex il-Gvern, qabel toqtol lilu.
Din kienet u għadha xibka ta’ rgħiba, ingann, gideb u illegalità u kull biċċa ġdida li nkixfet kienet agħar minn ta qabilha, għamlet aktar ħsara lill-pajjiż, iktar ħsara lill-Partit Laburista u għamlet il-pożizzjoni ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi inqas tenibbli.
Din il-ġimgħa kellna prattikament l-akbar kollass politiku li fl-aħħar snin. Ta’ Gvern li għandu biss sitt snin ħajja.
X’ħasra li wasal sa hawn! Meta tela’ b’tant għajta u fervur għall-bidla Muscat! Meta kellu maġġoranza komda tant u biżżejjed biex jagħmel il-bidliet meħtieġa, ineħħi n-nies li kellu bżonn ineħħi! X’ħasra! Wara li saru dawk il-bidliet kollha, fil-qasam tad-drittijiet ċivili, wara dawk il-miżuri kollha pożittivi li saru baġit wara ieħor, wara l-ġid li nħoloq.
Il-kollass li qed naraw mhuwiex tal-Partit Laburista, kieku kien hekk sejrin għal elezzjoni ġenerali.
Il-kollass huwa tal-istaġun politiku ġdid li kien wiegħed Muscat.
B’dak li ġara, minkejja t-tajjeb kollu, minflok staġun politiku ġdid kellna staġun li qabad l-iżbalji u l-oxxenitajiet li saru minn Gvern Nazzjonalista, għamilhom tiegħu u użahom bħala skuża biex jagħmel agħar.
Ninsabu qrib il-preċipizju grazzi biss għal deċiżjoni li baqgħet ma saritx.
Miriam Dalli qalet li hija mweġġa u traduta. Nassigurawha li mhux waħedha qed tħossha hekk. Qed iħossuhom hekk eluf u eluf ta’ nies wħud Nazzjonalisti u ħafna Laburisti li fdaw lil dan il-pajjiż lil dawk li ħasbu illi pajjiżna negozju!
Dan se jitfakkar bħala l-aktar mument iswed ta’ pajjiżna fl-aħħar 30 sena u min kellu subgħu fit-torta, speċjalment dawk li fetħu kumpanija fil-Panama, se jerġa jħammeġ ismu, bil-linka tal-mistħija fil-kotba tal-istorja.