Editorjal | Delia jeħtieġ jistaqsi lilu nnifsu ...
Delia, jeħtieġ jistaqsi lilu nnifsu; ‘Il-preżenza tiegħi qiegħda tgħin lill-partit jikber jew qed tkun ir-raġuni għalfejn il-PN mhux qed jikber?’
Induru kemm induru magħha bl-għażliet politiċi tal-poplu jibqgħu kif inhuma, fil-Gvern se jkollna Gvern Laburista jew Gvern Nazzjonalista. Jiġifieri huwa fl-interess ta’ kulħadd, anke tal-ikbar Laburist, illi l-Oppożizzjoni tkun b’saħħitha biżżejjed biex toffri sfidi politiċi lill-Gvern, b’saħħitha biżżejjed biex toffri alternattiva serja u b’saħħitha biżżejjed biex iżżomm lill-Gvern kontabbli u attent.
F’Malta dan illum mhux iseħħ.
Minkejja li għandna Gvern li ffaċċja u għadu qed jiffaċċja l-agħar kriżi politika fl-aħħar snin u minkejja li hawn rabja ġġustifikata u minkejja li qatt daqs illum ma’ kellna wħud mill-aktar nies voċiferi favur il-labour, idawru l-kanuni fuqu, xorta s-sondaġġi ma juru ebda ċaqlieq sinifikanti fuq in-naħa tal-PN.
Politikament, kieku konna pajjiż normali (biex nużaw espressjoni li jħobb juża ħafna Delia) bħalissa l-Oppożizzjoni mhux biss tinsab f’qagħda politika tajba, imma qed tagħmel avvanzi politiċi kbar fost l-elettorat u qed issejjaħ għal elezzjoni ġenerali, xi ħaġa li fil-fatt kienet għamlet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fl-1998.
Naturalment mhux qed tintalab elezzjoni għaliex il-PN jaf li minkejja kollox, minkejja kull żball, minkejja kull gidba u minkejja kull biċċa ħmieġ li ħarġet, sa issa l-partit għadu ferm ’il bogħod milli jersaq imqar viċin rebħa, aħseb u ara li jirbaħ. Agħar minn hekk, l-ewwel indikazzjonijiet huma li minn qabel ma jsir Prim Ministru, Fearne huwa fdat minn 27.6% tal-votanti Nazzjonalisti fl-2017, 8.3% tal-istess sezzjoni ta’ votanti jippreferu lil Robert Abela u 10% jippreferu lil Ian Borg.
Jekk mhux inkwetanti dan għall-PN, ma nafux x’inhu!
Wara dan kollu, wasal iż-żmien għall-kontijiet fil-Partit Nazzjonalista wkoll u wasal iż-żmien li jirrealizza illi l-poplu mhux se jerġa’ jafdah fil-Gvern, biss għax jaħseb li l-Gvern preżenti mhuwiex tajjeb.
Anke jekk sar Kunsill Ġenerali straordinarju, dan mhu se jneħħi xejn mill-fatt illi meta l-PN suppost kien fil-quċċata, baqa’ fil-qiegħ, b’distakk ta’ 15% kontrih illi huwa distakk akbar minn kull wieħed irreġistrat f’kull elezzjoni li saret fl-aħħar snin.
Wara dan kollu, wasal iż-żmien għall-kontijiet fil-Partit Nazzjonalista wkoll u wasal iż-żmien li jirrealizza illi l-poplu mhux se jerġa’ jafdah fil-Gvern, biss għax jaħseb li l-Gvern preżenti mhuwiex tajjeb
Is-soluzzjoni mhix li tattakka s-sondaġġ speċjalment meta l-PN stess użah madwar xahar ilu għax kien hemm ċaqlieqa favurih. Is-soluzzjoni żgur mhijiex li jiġu attakkati kmamar tal-aħbarijiet. Is-soluzzjoni hija li jkun hemm realizzazzjoni illi l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu sejrin hekk u li hemm sezzjoni kbira ta’ Nazzjonalisti, dawk li kienu l-aktar voċiferi dwar Daphne u kontra l-Gvern fl-aħħar snin illi ma jridux jafu b’Delia, li ma jsibuhx affidabbli u li ma jarawhx bħala alternattiva, anke jekk iħossu li dan il-Gvern huwa l-agħar ħaġa li ġrat lil Malta mill-gwerra.
Jekk kap ta’ partit għandu problema biex jimmobilizza lin-nies tiegħu stess, biex jikkonvinċihom illi jista’ jkun alternattiva u biex joħloq l-emozzjoni fihom li tagħtihom is-saħħa biex jimxu warajh, mela allura mhu Kap xejn.
Jekk il-PN qed jaħseb li għax il-Labour mess il-qiegħ, it-triq għal Kastilja issa hija lesta sejjer żbaljat u bil-kbir. Jekk min jitla’ minflok Muscat jirnexxilu jżomm it-tajjeb li kellu Muscat u jagħti tindifa tajba lill-Gvern Laburista, filwaqt li jieħu ħsieb l-ambjent bis-serjetà u jara li jingħalaq darba għal dejjem il-kapitlu dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-PN jista’ jkun dieħel għal aktar inkwiet u disfatti elettorali.
M’għandniex dubju li l-intenzjonijiet ta’ Delia huma tajbin. Lanqas m’għandna dubju li hu verament qed jagħmel dak kollu li jista’ biex ikun kap aħjar u jwassal għas-suċċess. Imma dak li qed jagħeml hu, ċarament mhuwiex biżżejjed biex il-vapur jasal sal-port
M’għandniex dubju li l-intenzjonijiet ta’ Delia huma tajbin. Lanqas m’għandna dubju li hu verament qed jagħmel dak kollu li jista’ biex ikun kap aħjar u jwassal għas-suċċess. Imma dak li qed jagħeml hu, ċarament mhuwiex biżżejjed biex il-vapur jasal sal-port.
Sadanittant il-Gvern jibqa’ jemmen, għax fil-fatt hekk hu, li jagħmel x’jagħmel se jibqa’ fil-Gvern.
F’dan il-punt, ir-reżistenza għall-bidla u titubar fil-Partit Nazzjonalista jagħmluh perfettament kompliċi fit-tinwir tad-demokrazija u fil-fatt illi minkejja kollox, il-Partit Laburista kien, għadu u jidher li se jibqa’ l-għażla naturali tal-poplu.
Delia, jeħtieġ jistaqsi lilu nnifsu; ‘Il-preżenza tiegħi qiegħda tgħin lill-partit jikber jew qed tkun ir-raġuni għalfejn il-PN mhux qed jikber?’