Alex Agius Saliba | Inħarsu lejn il-futur b’ottimiżmu
Għalhekk ninsabu kommessi li ftit inqas minn xahar ieħor ningħaqdu wara Prim Ministru ġdid sabiex naraw li l-pajjiż joħroġ minn dan il-perjodu
L-avvenimenti straordinarji li għaddejna minnhom u r-rivelazzjonijiet li kellna matul dawn l-aħħar ġimgħat ċertament ħallew impatt kbir fuqna lkoll. U bir-raġun għaliex il-poplu Malti jistenna u jixraqlu l-aħjar, u propju għalhekk li elezzjoni wara oħra l-poplu ta l-fiduċja lill-Gvern Laburista u baqa’ jappoġġja l-missjoni ta’ dan il-Moviment.
Però tajjeb li wieħed jirrifletti ftit fuq is-sitwazzjoni preżenti ta’ pajjiżna, kif wasalna hawn u x’qed isir mill-Gvern. Ftit aktar minn sentejn ilu kellna l-isfortuna li f’pajjiżna nqatlet ġurnalista, sempliċiment għaliex kienet qed tagħmel xogħolha. Irrispettivament minn jekk wieħed kienx jaqbel mal-kitba tagħha jew le, dan huwa għaġir kundannabbli għall-aħħar u li żgur qatt ma jista’ jkun aċċettat f’pajjiż demokratiku u modern bħalma huwa tagħna. Kif irrepeta għal diversi drabi l-Prim Ministru, filwaqt li l-akbar telfa ġarrbitha l-familja ta’ Caruana Galizia, dan huwa attakk fuq is-soċjetà kollha tagħna.
Dakinhar żidna qtil politiku ieħor ma’ dawk ta’ Raymond Caruana u Karin Grech, u kulħadd kien jemmen li dan il-każ ma kienx ser jiġi riżolt bħalma ġara f’dawk il-każijiet. Però b’mod immedjat il-Prim Ministru kkommetta ruħu li dan il-każ irid isolvih fit-terminu tiegħu u ra li l-Awtoritajiet ikollhom ir-riżorsi kollha meħtieġa biex jaħdmu u jaslu ghal dawk li kienu involuti b’xi mod jew ieħor. Sentejn wara qegħdin hawn niddiskutu x-xogħol kbir li għamlu u qegħdin jagħmlu l-istituzzjonijiet tagħna li wassalhom biex ressqu l-Qorti dawk li allegatament wettqu d-delitt, però aktar importanti minn hekk, il-persuna li allegatament kienet il-moħħ wara dan il-qtil makabru.
Għalhekk ninsabu kommessi li ftit inqas minn xahar ieħor ningħaqdu wara Prim Ministru ġdid sabiex naraw li l-pajjiż joħroġ minn dan il-perjodu
Huwa surreali li hawn min għadu qed jipprova jikkonvinċi lin-nies li dan il-Gvern qiegħed ixekkel l-investigazzjoni meta kien il-Prim Ministru li ta r-riżorsi kollha, fittex l-għajnuna ta’ awtoritajiet barranin, u saħansitra rrakkomanda li tingħata l-proklama lill-allegat middle-mansabiex toħroġ il-verità kollha. Dawn mhumiex mossi ta’ min irid jipprova jfixkel jew jaħbi l-verità – dawn huma passi għaqlin u kuraġġużi ta’ min irid jara li ssir ġustizzja sħiħa biex kulħadd jieħu li ħaqqu.
Żgur li lkoll naqblu li dan il-Gvern fost il-ħafna ġid li ġġenera, għamel ukoll żbalji u kien hemm deċiżjonijiet li setgħu jittieħdu aħjar. Però ċertament li t-triq ’il quddiem mhijiex li ninsew il-progress kollu li ksibna flimkien u nieqfu nofs triq. Dan il-pajjiż baqagħlu ħafna bidliet u kisbiet li jrid jagħmel, u dan il-Gvern li għadu jgawdi l-appoġġ tal-maġġoranza għad għandu nofs mandat quddiemu li ser juża biex ikompli jġib il-ġid lejn pajjiżna.
Fl-istadju li ninsabu fih illum, kull min kellu jerfa’ r-responsabbiltà politika refagħha, inkluż il-Prim Ministru, filwaqt li l-proċess intern biex jiġi elett mexxej ġdid tal-Partit Laburista beda u issa quddiemna għandna żewġ kontestanti kompetenti u bil-ħiliet neċessarji għal din il-kariga. Lil Robert Abela u lil Chris Fearne nafhom bħala żewġ persuni onesti u serji, u ċert li jilħaq min jilħaq minnhom ser ikun kaptan tajjeb. Bħalissa għandna sfida quddiemna, però ċert li ser negħlbuha għaliex l-akbar legat li ħa jkun ħalla warajh Joseph Muscat mhuwiex l-għaxar rebħiet elettorali, iżda s-saħħa ta’ moviment kompatt u magħqud sabiex ikun kapaċi jaffaċċja u jegħleb kull sfida.
Għalhekk ninsabu kommessi li ftit inqas minn xahar ieħor ningħaqdu wara Prim Ministru ġdid sabiex naraw li l-pajjiż joħroġ minn dan il-perjodu diffiċli u nerġgħu nibdew niffukaw fuq aktar kisbiet u rebħiet għal Malta u Għawdex tagħna.
Alex Agius Saliba huwa Ewroparlamentari tal-Partit Laburista