Editorjal | Malta jixraqilha ħafna aħjar minn daċ-ċirku ta’ dekadenza

L-aħbar jew aħjar l-allegazzjoni li Ivan Camilleri kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech, għandha verament issewwed qalb kull min għandu lil pajjiżu u l-ġurnaliżmu għal qalbu ...

Il-bandiera ta' pajjiż b'dinjità u kburija tperper biex tfakkarna li din l-art ħelwa hija tagħna biex ngħożżuha, mhux nużawha
Il-bandiera ta' pajjiż b'dinjità u kburija tperper biex tfakkarna li din l-art ħelwa hija tagħna biex ngħożżuha, mhux nużawha

Hemm bżonn li kemm jista’ jkun malajr terġa’ tirrenja n-normalità f’dan il-pajjiż. Normalità ta’ politiċi li qegħdin hemmhekk biex jagħtu servizz lill-pajjiż u lill-poplu, mhux biex jinqdew bil-pożizzjoni tagħhom biex iħaxxnu bwiethom.

Normalità ta’ poplu li għalih il-politika hija fil-qiegħ mhux fil-quċċata tal-lista ta’ prijoritajiet. Normalità fejn dawk li għandhom il-poter ma jiddieħkux bin-nies u ma jużawx il-ġenwinità tal-attivisti li jagħtuhom l-appoġġ, bħala liċenzja biex jitmejlu bihom u jagħmlu li jridu.

Normalità fejn ħadd fiċ-ċentru tal-poter ma jkollu sħaba tant kbira fuq rasu u implikazzjoni fi qtil ta’ ġurnalista li bħal xabla tista’ taqa’ fuqu minn mument għall-ieħor.

Normalità illi fiha f’Kastilja jkollna nies onesti mhux nies li jmorru l-Libja u ma jgħidulniex għalfejn qed imorru hemm f’isimna u f’isimna x’inhuma jagħmlu. Normalità illi fiha f’Kastilja ma jkollniex nies li jħossuhom komdi b’informazzjoni ta’ omiċidju u ma jagħmlu xejn dwarha.

Normalità illi fiha f’Kastilja jkollna nies onesti mhux nies li jmorru l-Libja u ma jgħidulniex għalfejn qed imorru hemm f’isimna u f’isimna x’inhuma jagħmlu

Hemm bżonn li jerġa’ jkollna n-normalità fejn min qed imexxina jkun trasparenti u onest mhux jaħbi, jgħatti u jilgħab logħba ċess bil-futur ta’ pajjiżna.

Hemm bżonn immorru lura għan-noramlità illi fiha tiftaħar li int Malti u li fiha meta ssemmi lil Malta jsemmulek ix-xemx, il-baħar u x-xogħol, mhux il-ħmieġ, id-diżonestà u l-kriminali.

Hemm bżonn immorru lura għan-normalità illi fiha għall-Gvern hemm alternattiva serja li qed tispira lin-nies u toffri pjan alternattiv u li hi, fuq kollox, magħquda qaqoċċa.

Pajjiżna hemm  bżonn imut għan-noramlità tal-għaqda, il-paċi u r-rispett, mhux il-ħdura, it-tgħajjir u l-firda.

Pajjiżna hemm bżonn ikollu moviment politku Laburista li huwa miftuħ għall-ideat ta’ kulħadd, għal kulħadd hu min hu, ivvota lil min ivvota fl-elezzjonijiet tal-passat, anke jekk ma jaqblux dejjem mal-partit. Mhux Partit Laburista li reġa’ qed jingħalaq fih innifsu u jibni s-swar.

Il-Partit Laburista jinsab f’sitwazzjoni favorevoli għax minkejja l-burraxka li laqtitu u minkejja illi jidher illi x-xquq saru konsenturi, il-poplu lilu għadu jrid fil-Gvern u lilu għadu jippreferi.

Dan l-episodju ikrah politiku iktar kemm jintesa malajr, aktar aħjar. Iktar kemm jingħalaq malajr iktar aħjar u aktar kemm il-pajjiż u l-Partit Laburista jibdew kapitlu ġdid, tant l-aħjar.

Dan l-unur għandu jintuża mhux biex joqgħod idejh fuq żaqqu u jħalli l-konsenturi jikbru tant li kollox jibda jikkrolla, imma biex jerġa’ jibda jaħdem ħalli f’Malta verament jerġa’ jkollna n-normalità.

Dan l-episodju ikrah politiku iktar kemm jintesa malajr, aktar aħjar. Iktar kemm jingħalaq malajr iktar aħjar u aktar kemm il-pajjiż u l-Partit Laburista jibdew kapitlu ġdid, tant l-aħjar.

U xejn u ħadd m’għandu jitħalla jwaqqaf dan il-proċess ta’ fejqan.

Malta jixraqilha ħafna aħjar minn daċ-ċirku ta’ dekadenza li issa saħansitra mess ġurnalist.

L-aħbar jew aħjar l-allegazzjoni li Ivan Camilleri kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech, għandha verament issewwed qalb kull min għandu lil pajjiżu u l-ġurnaliżmu għal qalbu, għaliex fl-aħħar mill-aħħar huwa l-ġurnaliżmu inġenerali li jieħu daqqa meta jiġru affarijiet bħal dawn.

Hemm bżonn, malajr kemm jista’ jkun, nerġgħu naħdmu biex dak li ġara u qed jiġri ma jerġa’ jiġri qatt fl-istorja ta’ pajjiżna.

Huwa dmirna li naraw illi dal-ħmieġ nitfgħuh fil-landa taż-żibel tal-istorja, mirdum, minsi u qatt maħfur!

 

More in Politika