Editorjal | Użaw moħħkom mhux qalbkom
Jenħtieġ mexxej nazzjonali li tabilħaqq kapaċi jkun tal-Maltin kollha, u mhux Prim Ministru li jgħaddasna iżjed ’l isfel f’aktar firda u mibegħda.
Waħda mill-aktar kelmiet li ntużat f’din il-kampanja għall-għażla ta’ mexxej Laburista ġdid kienet il-“kontinwità”. Iżda tajjeb nevalwaw sewwasew x’riedu jfissru bil-kelma kontinwità u minn xiex din il-kontinwità għandha tissokta.
Jekk fuq id-drittijiet ċivili, iva rridu l-kontinwità tal-politika liberali ta’ dan il-Gvern li rrispettat l-identitàta’ kulħadd, hu min hu jew hi min hi. Anzi jenħtieġ inkomplu naħdmu fuqha biex naraw li ma jkunu mittiefsa d-drittijet ta’ ħadd u li kulħadd jitqies ugwali, anke l-barranin f’pajjiżna.
Jekk fuq l-andament ekonomiku, iva rridu l-kontinwità tal-miżuri pożittivi li daħħal il-Gvern Laburista u li wasslu biex, pereżempju, aktar nisa ħarġu jaħdmu, biex aktar persuni qiegħda daħlu fid-dinja tax-xogħol u biex bosta koppji u individwi ffrankaw l-eluf f’taxxa meta xtraw l-ewwel proprjetà tagħhom.
Iva rridu l-kontinwità tal-liġijiet li ma jinbidlux biss fuq il-karta u rridu Gvern li jagħmel il-ħajja faċli għan-negozji.
Ma rridux, madankollu, kontinwità tad-diżrispett assolut lejn l-ambjent u tal-politiki minsuġin b’lakuni apposta biex minn kamra rurali nibnu l-vilel qalb il-kampanja. Le ma rridux il-kontinwità ta’ kuntratturi b’poter eseġerat bil-Gvern jifirxilhom it-tapit. Ma rridux il-kontinwitá tad-diżrispett moqżież lejn il-ġirien u tal-inċidenti ta’ djar jiġġarrfu bla ma ħadd jinżamm responsabbli.
Din il-kampanja għat-tmexxija tal-partit – li kienet fost l-iżjed medjokri u bizzarri ġaladarba saret taħt id-dell tal-PM uxxenti – se tipproduċi mexxej ta’ partit u ta’ poplu li fi ftit jiem se jieħu r-riedni f’idejh
Ma rridux, le, il-kontinwità ta’ oxxenitajiet bħall-għoti tal-assi ta’ pajjiżna lil xi ħadd li ma nafux min hu, li jinzerta rrappreżentat min xi ħadd li nstab ħati ta’ serq, li tajnieh eluf kbar ta’ liri talli m’għamel xejn, u li għall-ġieħna ħallejnieh ibiegħ sehemu u jaħarab mill-pajjiż. Lanqas kapitalist bla ruħ ma jagħmilhom dawn l-affarijiet, aħseb u ara partit suppost Soċjalist. Qed nirreferu għall-każ tal-VGH, li jekk qatt kien hemm każ oxxen, żgur li kien dan!
Le ma rridux il-kontinwità tal-ħabi u tal-kuntratti mgħottijin bl-iskuża tal-interess kummerċjali. Qabel l-interess kummerċjali jenħtieġ jiġi l-interess nazzjonali.
Le ma rridux aktar il-koninwità ta’ kollox jgħaddi għall-ħbieb tal-ħbieb sempliċiment għax hekk kien jiġri qabel.
Sfortunatament għad hemm, rigward bosta ħwejjeġ, ċaħda totali tar-realtà. Hawn ħafna nies li għadhom ma jistgħux jaċċettaw li għadha kif splodiet ġo wiċċna sistema ta’ ħniżrijiet, ħabi, partiġġjaniżmu, għamad politiku, laxkezza u nepotiżmu sfrenat li trid tiġi indirizzata kif imiss u mill-iktar fis.
Din il-kampanja għat-tmexxija tal-partit – li kienet fost l-iżjed medjokri u bizzarri ġaladarba saret taħt id-dell tal-PM uxxenti – se tipproduċi mexxej ta’ partit u ta’ poplu li fi ftit jiem se jieħu r-riedni f’idejh.
Jenħtieġ li l-PM il-ġdid joffri taħlita bejn il-kontinwità fejjieda u l-bidla meħtieġa. Ikun tajjeb li jiftaħar bis-suċċessi tal-imgħoddi, basta mbagħad ikun umli biżżejjed biex jammetti fejn il-partit u l-Gvern żgarraw bl-ikrah u biex jirranġa. Jenħtieġ li huwa jerġa’ jsib l-għeruq soċjalisti u xellugin u jiftakar li l-ħaddiem, iż-żgħir u l-emarġinati għandhom dejjem jiġu l-ewwel u qabel kollox.
Jenħtieġ mexxej nazzjonali li tabilħaqq kapaċi jkun tal-Maltin kollha, u mhux Prim Ministru li jgħaddasna iżjed ’l isfel f’aktar firda u mibegħda.
Jekk il-Prim Ministru l-ġdid se jdawwar wiċċu billi jippretendi li ma ġara xejn, jekk se joqgħod jintilef jattakka lill-midja, il-jum ta’ nhar il-Ħadd mhux bidu ġdid se jkun iżda ġurnata li timmarka l-bidu tat-tmiem tal-għażla u tax-xewqa tal-poplu
Jekk il-Prim Ministru l-ġdid se jdawwar wiċċu billi jippretendi li ma ġara xejn, jekk se joqgħod jintilef jattakka lill-midja, il-jum ta’ nhar il-Ħadd mhux bidu ġdid se jkun iżda ġurnata li timmarka l-bidu tat-tmiem tal-għażla u tax-xewqa tal-poplu. Ikun it-tmiem tal-proġett Malta Tagħna Lkoll.
Sfortunatament jidher illi l-għażla tas-Sibt se ssir f’atmosfera ta’ paranoja, b’ħafna dubji u bl-istennija li l-Partit Laburista jerġa’ jsir partit magħluq fih innifsu, esklużiv u insulari kif kważi dejjem kien tul dawk il-25 sena ta’ telf u mrar.
Id-destin tal-PL – u mhux l-inqas tal-pajjiż – issa jinsab f’idejn dawk li se jagħmlu din l-għażla kruċjali. Ġaladarba se jkunu huma li se jiktbu l-istorja tal-lum, tajjeb li dawn iżommu f’moħħhom li se jiġġudikawhom il-ġenerazzjonijiet ta’ għada.
Użaw moħħkom u mhux qalbkhom!