Miriam Dalli | Ħarsa ’l quddiem
Dak li għaddejjin minnu f’dawn l-aħħar ġimgħat ma jirrappreżentax sena sħiħa. Dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji mhux se jaqtgħulna qalbna milli nkomplu naħdmu
Ninsabu f’dak iż-żmien tas-sena meta kulħadd jibda jitkellem dwar x’riżoluzzjonijiet għandna nagħmlu għas-sena l-ġdida. Min jitkellem fuq saħħa, min jitkellem fuq familja u min jaħseb fix-xogħol.
Iżda mingħajr ma rridu, hekk kif bdejna sena ġdida, naħsbu dwar dak li din is-sena li waslet fl-aħħar tagħha kellha x’toffrielna. Kull persuna, esperjenza u opinjoni unika.
Dak li għaddejjin minnu f’dawn l-aħħar ġimgħat ma jirrappreżentax sena sħiħa. Dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji mhux se jaqtgħulna qalbna milli nkomplu naħdmu. F’dan il-mument irridu nieħdu deċiżjonijiet li huma fl-aħjar interess tal-pajjiż. Is-soċjetà tagħna trid timxi ’l quddiem, u biex dan isir irridu nkomplu nwettqu riformi u nsaħħu l-livell tal-politika li nimplimentaw.
Għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, seba’ xhur ilu, jien għażilt it-tema tal-livell li jmiss. Tkellimt dwar l-aspirazzjoni tiegħi li f’dak kollu li nagħmlu, ngħollu l-livell. Kienet tema ispirata mil-laqgħat li jkolli man-nies, miż-żjarat f’kumpaniji tax-xogħol u l-materji li nsegwi fil-Parlament Ewropew.
L-akbar sfida li għandna hija li naċċertaw ruħna li l-Parlament Ewropew ma jkunx maqtugħ mir-realtajiet taċ-ċittaddini. Ta’ kuljum, fil-kumitati, fil-laqgħat li jkollna, fid-diskussjonijiet fi ħdan il-Grupp politiku u fid-dibattiti fil-Plenarja tal-Parlament, dejjem nimbotta ’l quddiem il-ħtieġa li nkunu aktar viċin in-nies – fil-qasam tas-saħħa, fil-qasam ambjentali, fil-qasam soċjali, fl-edukazzjoni, fl-immigrazzjoni u aktar.
F’dan il-mument irridu nieħdu deċiżjonijiet li huma fl-aħjar interess tal-pajjiż
Għalija l-prijoritajiet prinċipali jibqgħu dawn għax nemmen li dawn huma fost l-aktar temi li jħassbu u jinteressaw liċ-ċittadini. Pereżempju din is-sena, bħala kordinatur fil-kumitat tal-ambjent, ħdimt fuq numru ta’ liġijiet differenti, fosthom biex jitnaqqas l-użu tal-plastik u r-rimi ħażin tal-iskart. Iżda l-aktar xogħol għal qalbi jibqa’ meta naħdem mal-istudenti fuq proġetti ta’ konservazzjoni tal-ilma, l-ambjent u l-ekonomija ċirkulari.
L-akbar liġi tal-aħħar ħames snin kienet dik biex jonqsu l-emissjonijiet minn karozzi ġodda. Liġi li ma kienet faċli xejn biex tiġi nnegozjata u biex l-Unjoni Ewropea tkun ambizzjuża f’dak li trid tilħaq.
It-tibdil fil-klima hija tema li qed tiddomina d-deċiżjonijiet globali. Nitkellem ħafna dwar dan għax nemmen li m’hemmx triq oħra. Iżda minflok inħares lejn dak li huwa diffiċli biex jitwettaq, inħares lejn l-opportunitajiet li joħorġu f’kull qasam.
Id f’id ma’ dan hemm is-settur tas-saħħa. Il-prevenzjoni u l-kura. Ma nkun qed ngħid xejn ġdid meta ngħid li l-prevenzjoni hija l-aqwa għodda. Għalhekk irridu nkompli bl-outreach fl-iskejjel, fil-komunità, permezz tal-media u aktar. Iżda fil-ħajja jinqalgħu ċirkostanzi illi rridu nirrispondu għalihom. Il-prijorità hawnhekk trid tkun aċċess ugwali għall-aqwa servizzi. Din hija problema fuq livell Ewropew fejn mhux kull ċittadin igawdi mill-istess livell ta’ servizzi.
Nemmen ukoll illi fejn hemm esperti f’pajjiż wieħed, għandhom jikkollaboraw aktar ma’ awtoritajiet tas-saħħa f’pajjiżi oħra. Fuq kollox, il-qsim ta’ informazzjoni huwa ta’ benefiċċju kemm għall-pajjiż espert kif ukoll għal min qed jirċivih. Nisħaq ħafna dwar dan, speċjalment ukoll fejn jidħol il-mard rari. Huwa ta’ qsim ta’ qalb kull darba li niltaqa’ ma’ ġenituri jew persuni b’kundizzjonijiet li jew għad m’hemmx risposta għalihom jew is-servizz huwa limitat.
Is-saħħa hija dik mentali wkoll u għalhekk komplejt ninsisti u nappoġġja lil kull min qed jaħdem biex is-saħħa mentali ma tibqax tabù. Irridu nkomplu naħdmu aktar f’dan is-sens.
Soċjetà ġusta hija waħda ugwali – waħda ma teżistix mingħajr l-oħra. Tul din is-sena ħdimt ma’ familji ta’ tfal b’diffikultajiet fit-tagħlim, anke wara li ħdimt mal-Università ta’ Malta biex tagħti opportunità lil studenti b’abbilitajiet differenti, biex ikomplu l-istudji tagħhom.
Ftit tal-jiem ilu wkoll ġejt mitluba nagħti l-fehma tiegħi dwar id-drittijiet għal persuni b’diżabilità. Filwaqt li rridu nkomplu naħdmu fuq kwistjonijiet bħal aċċess għal servizzi differenti, nemmen li rridu niffukaw aktar fuq li nħarsu lejn persuni b’diżabilità bħala individwi, fejn il-politika li tirrelata ma’ dan il-qasam tkun waħda inklussiva, miktuba minn persuni b’diżabilità. Il-politika tibniha man-nies, għan-nies u dan hu li nibqa’ nemmen fih.
Fejn tidħol l-immigrazzjoni, ix-xogħol ikompli. Din is-sena l-Parlament Ewropew approva l-liġi li qed nipproponi dwar l-użu ta’ aktar minn 10 biljun ewro biex jintuża mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ażil, l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni. L-għan aħħari tiegħi hu li nimbotta għal solidarjetà – permezz ta’ mekkaniżmi differenti – ma’ pajjiżi bħal Malta. In-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għadhom għaddejjin, anke fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri għadhom ma qablux dwar il-Baġit Ewropew (Multiannual Financial Framework) għas-snin 2021 – 2027.
Irrid li matul din is-sena nkompli bix-xogħol tiegħi fuq suġġetti li huma ta’ prijorità għalikom. Filwaqt li nawguralkom tmiem is-sena t-tajjeb, inħares ’il quddiem għal sena ġdida mimlija ħidma.