Il-Monument tal-Assedju mhux se jerġa' jkun żbarazzat ... f'attentat ta' konċiljazzjoni
Is-sit illum.com.mt huwa infurmat li ttieħdet deċiżjoni konċiljatorja biex fjuri li jitpoġġew ma' ħoġor monument fil-Belt Valletta ma jkunux mneħħijin
Is-sit illum.com.mt jista' jiżvela illi ttieħdet deċiżjoni fl-aħħar sigħat u mill-bidla tal-Prim Ministru biex il-Monument tal-Assedju l-Kbir, li f'ħoġru jintefgħu ħafna fjuri u xemgħat li jfakkru l-memorja ta' Daphne Caruana Galizia, ma jerġax ikun żbarazzat.
Il-Prim Minstru fil-fatt f'kummenti mal-midja qal li diġa ta struzzjonijiet biex il-fjuri u xemgħat ma jkunux mneħħija llejla wara l-vġili gli tfakkar il-memorja u x-xogħol ta' Daphne Caruana Galizia
Dan il-monument faċċata tal-binja tal-Qorti intuża bħala punt ta' referenza għal eluf ta' nies, li xtaqu jfakkru lill-ġurnalista illi kienet assassinata f'Ottubru 2017 u li kienu u għadhom jitolbu għall-ġustizzja.
Kontinwament baqgħu jqumu battibekki dwar fjuri u xemgħat f'ħoġor dan il-monument, hekk kif f'diversi drabi ħaddiema tad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika kienu jidhru jneħħu kwalunkwe oġġett impoġġi fil-post. Bosta kienu jfakkru li dan huwa monument nazzjonali li m'għandux jintuża biex ifakkar lil xi persuna.
Is-sorsi li tkellmu mal-illum.com.mt sostnew illi din id-deċiżjoni ttieħdet bħala pass konċiljatorju wara ġimgħat ta' tensjoni politika bejn il-Gvern u sezzjoni tal-popolazzjoni li kienet qed tipprotesta. Il-protesti ħraxu u l-oġġetti mal-monument żdiedu malli bdew ħerġin stejjer dwar min qatel lil Caruana Galizia.