Editorjal | Il-ġurnata minn filgħodu turik
L-ewwel ġimgħa ta’ Abela kienet, mingħajr dubju brillanti, bit-trasformazzjoni tiegħu minn kandidat u figura partiġġjana għal figura Prim Ministerjali li tħares l-interessi ta’ kull min huwa ta’ rieda tajba; Nazzjonalist jew Laburist
Għaddiet ġimgħa minn meta Malta kellha Prim Ministru ġdid. Ir-rebħa mhux mistennija, speċjalment fil-kobor tagħha ta’ Abela, fetħet kapitlu ġdid għall-Partit Laburista u għal pajjiżna.
L-ewwel ġimgħa ta’ Abela kienet, mingħajr dubju brillanti, bit-trasformazzjoni tiegħu minn kandidat u figura partiġġjana għal figura Prim Ministerjali li tħares l-interessi ta’ kull min huwa ta’ rieda tajba; Nazzjonalist jew Laburist.
Il-ġurnata minn filgħodu turik u l-ewwel deċiżjoni ta’ Abela biex il-Kap tas-Segretarjat (Chief of Staff kif konna nafuh fl-aħħar snin) tiegħu jkun Clyde Caruana, ma setgħetx tkun għajr nifs għal dawk kollha, ta’ rieda tajba, li fl-aħħar ġimgħat kienu disgustati bil-fatt li kien hemm Chief of Staff b’implikazzjonijiet tant gravi fil-konfront tiegħu.
Caruana huwa tekonokratiku, bniedem li ħoloq politki bħaċ-child care centres b’xejn u mexxa b’suċċess il-Jobs Plus u allura jidher li mhux qiegħed hemm biex joħloq xi kukkanja ta’ negozjanti miljunarji, kapitalisti u ħnieżer li għalihom il-pajjiż huwa negozju.
Huwa xogħol il-PM li jara illi dan isir, xogħlu li jara illi joħroġ l-id tal-ħbiberija, anke lil dawk li l-aktar illi huma avversarji tiegħu. Imbagħad, huwa f’idejn l-avversarji tiegħu li jiddeċiedu jilqgħux l-id tal-ħbiberija jew inkella jobsqux fiha u fil-proċess jitilfu ħafna mill-krettu u l-kredibbilità
Naturalment xejn mhu garanitit, però l-ħatra ta’ Caruana hija definittivament pass promettenti ’l quddiem.
L-għażla tal-kabinett għad trid tkun iġġudikata ladarba l-Ministri jibdew jaħdmu u jagħtu l-frott. Li huwa ċert iżda fl-għażla ta’ Abela, huwa li dan ħalla barra lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor fl-aħħar snin kienu f’kontroversji jew inkella li ntefa’ dell fuqhom.
Dan se jħalli lil Abela kompletament liberu li jimraħ u jikber bħala Prim Ministru, mingħajr mazzriet li jitfugħ lura u jħarbtu l-pjanijiet tal-Gvern. Mingħajr id-dellijiet tal-passat, ikun jista’ jimxi għall-futur.
Naturalment ikun hemm nies bħal Joe Mizzi li kienu subgħajhom dritt u xorta ma ntgħażlux Ministri illi jkunu, ġustament irrabbjati. Iżda kif qal il-President tal-Partit Laburista lil din il-gazzetta (ara paġni 12 u 13) il-PM għandu dritt jirriorganizza lill-Kabinett kif jixtieq hu u kif hu jaħseb li l-aħjar illi dan isir.
Imbagħad kien hemm l-ordni biex ix-xemgħat u l-fjuri li jfakkru lil Daphne Caruana Galizia ma jitneħħewx aktar.
Din id-deċiżjoni turi sens ta’ maturità u kuraġġ li jittieħdu d-deċiżjonijiet li huma sewwa u xierqa biex ikun aċċertat illi fil-pajjiż issaltan il-paċi. Huwa xogħol il-PM li jara illi dan isir, xogħlu li jara illi joħroġ l-id tal-ħbiberija, anke lil dawk li l-aktar illi huma avversarji tiegħu. Imbagħad, huwa f’idejn l-avversarji tiegħu li jiddeċiedu jilqgħux l-id tal-ħbiberija jew inkella jobsqux fiha u fil-proċess jitilfu ħafna mill-krettu u l-kredibbilità.
Din deċiżjoni li ma niżlitx tajjeb ma’ ħafna Laburisti.
Ċerti iżda li ż-żmien għad jagħtina parir siewi ta’ kemm kienet deċiżjoni li se tkun evitat ħafna konfrontazzjoni pwerili u bla bżonn, li dan il-pajjiż jista’ jgħaddi mingħajru.
Ir-riżenji ta’ Neville Gafà u l-Kummissarju tal-Pulizija jiftħu t-triq biex Abela jibni lilu nnifsu bħala politiku ta’ statura u maqtugħ mill-istil u l-mod ta’ kif iggverna Joseph Muscat.
Bla dubju dawn il-bidliet daqstant malajr, qed jaħsdu u forsi jdejqu lil parti mill-għeruq tal-Partit Laburista, li jħossu illi mhuwiex denju li l-Gvern “iċedi”.
Aħna ma naqblux. Meta tagħmel dak li hu sew ma tkunx dgħajjef u qed iċċedi imma tkun qed turi saħħa u determinazzjoni. L-umiltà li tammetti fejn żbaljajt, mhux żball imma don.
It-triq hija twila u ġudizzju ma jistax isir issa.
Żgur iżda li fiż-żerniq ta’ din il-ġurnata l-ewwel indikazzjonijiet għall-pajjiż u anke għall-Partit Laburista, ħiereġ minn tumakka liema bħalha, huma sbieħ.
Jekk il-ġurnata vera minn filgħodu turik, għandna għalfejn inserrħu moħħna.