Editorjal | Assoluta imma daqs id-dover li ġġib magħha

Ma' kull dritt jiġi d-dover li tħallas għall-konsegwenzi

Din il-ġimgħa, il-pajjiż mill-ġdid kien qed jiddiskuti l-libertà tal-espressjoni u jekk hemmx fil-fatt limiti għaliha jew le. Din id-diskussjoni ċċentrat ma’ żewġ kwistjonijiet; il-każ fil-Qorti miftuħ mis-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar kontra persuna li għajjarha prostituta u l-famuż karru tal-karnival bl-Arċisqof u d-dar ta’ San Ġużepp.  

Jekk xejn dawn l-episodji komplew juru kemm il-libertà tal-espressjoni fil-fatt hija xi ħaġa pjuttost delikata, li anke jekk tagħtik id-dritt tgħid dak li trid u tħoss hemm limiti naturali għaliha li jekk maqbuża minflok libertà joħolqu libertinaġġ, anarkija u vjolenza fiżika jew morali u psikoloġika.  

Aħna dejjem sħaqna illi l-libertà tal-espressjoni hija ta’ benefiċċju u għandha tkun ipprattikata sakemm l-użu tagħha  ma toħloqx inġurja morali lin-nies, ma tinċitax il-vjolenza u sakemm dik il-libertà ma tkunx qed tgħaffeġ fuq minoranzi billi ssaħħaħ sterjotipi kontrihom. 

Mela l-libertà tal-espressjoni għandha limitu, prattiku. Fis-sens illi jekk jinqabeż dak il-limitu, inti għandek dover li tiffaċċja l-konsegwenzi. 

L-Avukat Andrew Borg Cardona, qal illi l-libertà tal-espressjoni tinkludi d-dritt li tkun pastaż, insolenti u vulgari. Dan ma nħossux li huwa minnu, la legalment u wisq anqas huwa ta’ benefiċċju għas-soċjetà. 

Kieku vera, kif qal Borg Cardona, li għandek dritt tkun insolenti u tweġġa', għalfejn ħdimna biex bħala pajjiż ikollna liġijiet li jikkastigaw lil min juri insolenza lejn persuna minħabba li hija differenti fil-karnaġġjon, reliġjon jew sesswalità? 

Le, mhux vera li l-libertà tal-espressjoni tagħtik liċenzja biex tagħmel u tgħid li trid, anke tweġġa' u tkun insolenti. U min jgħid hekk id-diska malajr idawwarha meta l-espressjoni bit-tgħajjir, pastażaġni u insolenza tkun lejh

Għax jekk se nadottaw din l-attitudni li tista' tgħajjar, toffendi u tkun pastaż f'isem il-libertà tal-espressjoni, ma jista' jiġi ħadd imbagħad ikun selettiv. Din l-attitudni ma tistax tkun tajba għall-politiċi, imma mhux għall-minoranzi. Ma tistax tikkastiga lil xi ħadd bħal Norman Lowell għax huwa insolenti lejn minoranza imma mbagħad tbierek l-insolenza meta ssir kontra mara li għandha twemmin politiku differenti minn tiegħek. 

Għalhekk hemm il-limiti li ma jistgħux jinqabżu u għalhekk dawn jgħoddu għal kulħadd f'kull ċirkostanza. 

Ironika mbagħad li dan il-kliem ġej minn xi ħadd, li vera kien qed jaqdi dmiru ta' avukat, però li kien wieħed mill-aktar nies kritiċi tal-fatt illi Daphne Caruana Galizia kienet tiġi mgħajra 'saħħara' u ddemonizzata f'isem il-libertà tal-espressjoni. Ejja ma ninsewx li ħafna min-nies li jaħsbuha bħal Borg Cardona, forsi ġustament, jgħidu illi kienet din l-insolenza lejn Caruana Galizia li ħolqot l-ambjent perfett biex din tinqatel. 

Mhux biss: l-għaqda Occupy Justice, li probabbilment tirrifletti ħafna l-ħsibijiet ta' eluf, fosthom għandna nemmnu, ta' Borg Cardona, qed titlob li kull uffiċjal pubbliku li insolenta lil Daphne Caruana Galizia jew iffastidjaha għandu jitkeċċa minn xogħlu fi 30 jum. Hemm aħna! 

Le, mhux vera li l-libertà tal-espressjoni tagħtik liċenzja biex tagħmel u tgħid li trid, anke tweġġa' u tkun insolenti. U min jgħid hekk id-diska malajr idawwarha meta l-espressjoni bit-tgħajjir, pastażaġni u insolenza tkun lejh. 

Il-karru tal-karnival imbagħad uriena faċċata oħra. Din il-gazzetta tgħallmet, mill-iżball li għamlet darba, illi xi kultant meta tgħaddi messaġġ b'mod ħażin u tasal għall-konklużjoni illi kulħadd se jifhmu bħalek, tkun qed tagħmel żball oħxon. 

Jekk l-interpretazzjoni tagħhom kienet biex jikkritikaw jew jiżżuffjettaw bl-Arċisqof, kif qed isir bil-politiċi wkoll, dawk li bnew dawn il-karrijiet jeħtieġ jifhmu li l-karru mhux hekk ġie interpretat. Ġie interpretat bħala żufjettar bi tfal li għaddew minn infern ta' abbuż. 

Ġiet maħnuqa l-libertà tal-espressjoni billi l-karru kif oriġinarjament inbena mhux se jitħalla jikkontesta? Iva. Imma ma' kull dritt jiġi d-dover li tħallas għall-konsegwenzi. 

Kif kien qal il-ġurnalist u s-satiriku politiku Patrick Jake O'Rourke: 'There is only one basic human right, the right to do as you damn well please. And with it comes the only basic human duty, the duty to take the consequences.'

More in Politika