Editorjal | Il-bidu ta' era jew il-bidu tat-tmiem?
Dan jista' jkun il-bidu ta' era ġdida imma jista' jkun ukoll il-bidu tat-tmiem ta' proġett li mingħajru nerġgħu nispiċċaw fil-gwerer u t-taqbid
Sistema demokratika mhix sistema politika perfetta. Żbalji jsiru u l-istorja wrietna illi f'perjodi ta' faqar u ġuħ kif ukoll meta l-inugwaljanzi jirrenjaw, popli ġieli għamlu żbalji kardinali li wasslu għal inkwiet kbir mhux biss fil-pajjiż imma lil hinn. Biżżejjed niftakru illi Adolf Hitler tela' fil-poter bil-vot tan-nies hekk kif il-Ġermanja kienet għaddejja minn perjodu ekonomiku ħażin u wara l-umiljazzjoni fl-Ewwel Gwerra Dinjija. L-istess Benito Mussolini li kien elett f'qafas demokratiku u dawwar is-sistema f'dittatura u l-Partit Iżlamiku fl-Iran taħt it-tmexxija dittatorjali u teokratika tal-Ayatollah Ruhollah Khomeini.
F'ċerti pajjiżi, id-demokrazija tintuża bħala paraventu għall-kontrolli assoluti u statali fejn il-Prim Ministru u l-President ikollu poteri assoluti li joħonqu u joqtlu demokrazija, bħar-Russja, fejn il-President jikseb 76% f'elezzjoni, riżultat li jirrifletti l-eliminazzjoni kważi kompleta ta' Oppożizzjoni reali.
Minkejja kollox iżda, id-demokrazija tibqa' l-aqwa sistema mis-sistemi l-oħrajn kollha għax hija l-aktar li tagħti libertà lin-nies, jagħżlu kif jixtiequ, anke jekk dik id-deċiżjoni ma tintgħoġobx lil hinn minn dak il-pajjiż.
Il-Brexit u allura d-deċiżjoni tal-poplu tar-Renju Unit li jitlaq mill-Unjoni Ewropea, għaqda ta' pajjiżi li bniet sistema illi tipproteġi b'mod massimu d-demokrazija u l-governanza, hija eżerċizzju li tiċċelebra d-demokrazija.
L-għażla tal-poplu, tibqa' suprema. It-tieni referendum jew inkella aktar kien ikun biss insult u daħka fil-wiċċ għal eżerċizzju demokartiku li fih in-nies ivvutaw biex il-pajjiż jitlaq mill-UE.
Dan ma jfissirx imma li din mhix traġedja fuq bosta fronti, b'mod speċjali għall-Unjoni Ewropa nnifisha. Dan il-blokk se jitlef pajjiż kbir u ta' suċċess fi ħdanu, li fil-verità dejjem kellu xi ftit ta' relazzjoni skomda mal-UE, probabbilment għaliex kien imperu u allura s-sovranità tar-Renju kienet dejjem xi ħaġa li ħafna kienu jgħożżu. Probabbilment ukoll il-mixja lejn Ewropa iktar federali b'poteri aktar ċentrali fi Brussell bdiet issir dejjem iktar inkompatibbli mas-sentiment ta' ħafna Brittaniċi, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-moviment ħieles tan-nies u immigrazzjoni.
Jekk l-UE mhix se tifhem li l-Brexit jista' jkun l-ewwel karta li se taqa' fid-dar magħmula bil-karti, dak li bl-Ingliż insejħu 'house of cards', allura jkun aħjar li tibda tipprepara għal aktar daqqiet, speċjalment jekk l-esperjenza tar-Renju Unit, minn issa ’l quddiem, tkun waħda tajba
Wieħed issa jrid jara kif din se tilgħab fir-realtà u jekk ir-Renju Unit hux se jkun qiegħed jagħlaq il-fruntiera tiegħu, f'liema ftehim bilaterali se jidħol u jekk l-ilmenti, uħud iġġustifikati u oħrajn le ta' Renju Unit "invadut" hux se jonqsu jew jiżdiedu.
Għal Malta żgur li l-Brexit tfisser inċertezza għal numru ta' kumpaniji, kif jgħid magħna wkoll l-intraprenditur John Magro f'paġni 12 u 13. Dan huwa ħażin, speċjalment għal dawk li jesportaw jew jimpurtaw ħafna minn dan il-pajjiż.
Malta se titlef alleat, b'mod speċjali f'dak li jirrigwarda tassazzjoni, xi ħaġa li żgur ma tistax tkun tajba għal pajjiżna hekk kif intefa' tant dawl ikrah fuqna meta qed nippruvaw nirreżistu proposti biex ir-rata ta' taxxa tkun ugwali fil-pajjiżi kollha tal-UE.
Il-President Franċiż Emmanuel Macron filwaqt li qal illi l-kampanja għal Brexit kienet milmlija gideb ammetta lbieraħ illi dan huwa twissija storika għall-UE.
U hekk hu. Jekk l-UE mhix se tifhem li l-Brexit jista' jkun l-ewwel karta li se taqa' fid-dar magħmula bil-karti, dak li bl-Ingliż insejħu 'house of cards', allura jkun aħjar li tibda tipprepara għal aktar daqqiet, speċjalment jekk l-esperjenza tar-Renju Unit, minn issa ’l quddiem, tkun waħda tajba.
Il-Brexit kellu jseħħ għax hekk ried il-poplu. Forsi għad jasal żmien fejn il-poplu tar-Renju Unit jiddeċiedi li jrid jerġa’ jsemma leħnu fuq is-sitwazzjoni bl-esperjenza tar-realtà Brexit f'moħħhom.
Sa dakinhar iżda dak li ġara bejn il-Ġimgħa u s-Sibt se jibqa' traġedja fil-proġett Ewropew li bdew Robert Schuman, Alcide De Gasperi u Konrad Adenauer.
Dan jista' jkun il-bidu ta' era ġdida imma jista' jkun ukoll il-bidu tat-tmiem ta' proġett li mingħajru nerġgħu nispiċċaw fil-gwerer u t-taqbid.
Iż-żmien se jagħtina parir!