Josianne Cutajar | Id-dinja qed titlobna naġixxu
Josianne Cutajar hija Ewroparlamentari tal-Partit Laburista
Għal kull min m’għandux rasu mgħaddsa fir-ramel, hu ċar li l-klima tad-dinja qed tinbidel. L-ibħra tagħna qed jisħnu, u l-livell tal-baħar dejjem qiegħed jogħla. Episodji tat-temp li fis-snin ta’ qabel konna nistennewhom, issa qed jimmanifestaw ruħhom b’mod estrem. Ilkoll smajna bin-nirien fl-Awstralja li din is-sena kibru bla preċedent, u rriżultaw fil-qtil ta’ miljuni ta’ annimali, u ħallew eluf mingħajr dar.
Dawn huma fatti xjentifiċi. It-tibdil fil-klima diġà qiegħed jaffettwana, u se jkompli jkollu impatt iktar qawwi jekk ma nagħmlu xejn.
Kliem sabiħ smajna ħafna. F’Novembru li għadda, fil-Parlament Ewropew iddikjarajna emerġenza tal-klima – att simboliku li jirrikonoxxi t-tibdil fil-klima u l-ħsara li jġib miegħu, iżda jirrikonoxxi wkoll illi l-miżuri li ħadna sa issa ma kinux biżżejjed biex nillimitaw il-ħsara kkawżata minna l-bnedmin.
Ma waqafniex mas-simboliżmu. Xahar wara, approvajna l-European Green Deal, pakkett ta’ miżuri rivoluzzjonarji li għandhom iwassluna għall-eliminazzjoni assoluta tal-emissjonijiet tal-karbonju sal-2050. Dawn il-miżuri jinkludu investiment iktar qawwi f’sorsi ta’ enerġija rinovabbli, f’mezzi ta’ trasport iktar nodfa, kif ukoll proġetti ta’ rinovazzjoni ta’ binjiet qodma sabiex ikunu iktar effiċjenti fl-użu ta’ enerġija tagħhom.
Fi ftit kliem, bil-European Green Deal, tajna lilna nfusna 30 sena biex inbiddlu kompletament il-mod ta’ kif naħdmu u ngħixu, bit-tama li dan kollu jgħin biex id-dinja tibqa’ abitabbli għalina lkoll. Mhux faċli li tagħmel tant bidliet drastiċi f’qasir żmien. Iżda d-dinja tagħna, u l-ġenerazzjonijiet t’għada qed jitolbuna negħlbu dawn l-isfidi llum qabel għada.
Dawn huma fatti xjentifiċi. It-tibdil fil-klima diġà qiegħed jaffettwana, u se jkompli jkollu impatt iktar qawwi jekk ma nagħmlu xejn
Biex din it-tranżizzjoni tirnexxi, l-Ewropa trid tara li kull pajjiż jiġbed ħabel wieħed. Nafu li l-effett tal-ħsara ambjentali u t-tibdil tal-klima jaffettwa lil uħud iktar minn oħrajn. Għalhekk fil-Parlament qegħdin niddibattu l-kunċett ta’ tranżizzjoni ġusta, pjan li se jkun qed jinvolvi biljuni ta’ ewro u mekkaniżmu dettaljat li jagħti s-sostenn lil dawk ir-reġjuni li se jkunu impattati l-aktar biex jindirizzaw l-isfidi ffaċċjati b’din il-bidla. Permezz ta’ dan il-fond ta’ tranżizzjoni ġusta, irridu nkunu ċerti li bidla għall-ġid tal-ambjent tagħna ma tkunx tfisser diżastru soċjali.
Għalhekk, il-prijorità tiegħi tul dan il-proċess hu wieħed: dak li niżgura li l-bidliet li se jkunu qed jiġu implimentati ma jkollhom l-ebda impatt negattiv fuq l-individwu. Anzi, jien nara li l-European Green Deal huwa ċ-ċans tad-deheb biex mhux biss nibdlu l-ekonomija tagħna u nsaħħuha, iżda nibdlu wkoll problemi soċjali li għadhom qed iżommu lil ħafna nies milli jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.
Nemmen li l-European Green Deal jista’ jkun ferm iktar milli rivoluzzjoni ambjentali: f’idejna għandna għodda biex noħolqu rivoluzzjoni ekonomika u soċjali wkoll.
Se nkunu qegħdin niddiversifikaw l-ekonomija tagħna, b’investiment f’industriji ġodda. Se nkunu qegħdin ninvestu wkoll f’teknoloġija ġdida biex inkunu iktar effiċjenti. Għaliex, allura, m’għandniex nassiguraw illi dawn l-industriji l-ġodda jkollhom ukoll l-aqwa kundizzjonijiet għall-ħaddiema tagħhom? Għaliex ma nużawx it-teknoloġija biex inwessgħu l-kunċett ta’ ħinijiet ta’ xogħol iktar flessibbli, li jwasslu għal bilanċ aħjar bejn il-ħajja u x-xogħol?
Suġġett li spiss nitkellem dwaru fil-Parlament Ewropew huwa l-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol. Saru avvanzi kbar matul is-snin, iżda nirrikonoxxu li l-mara għadha taffaċċja ferm iktar ostakli mir-raġel fuq il-post tax-xogħol, u saħansitra hemm oqsma fejn in-nisa ma jsibux posthom. Ladarba se ninvestu iktar f’dawn l-oqsma mil-lat teknoloġiku u infrastrutturali, issa ċ-ċans li nassiguraw li dawn l-oqsma jkunu attraenti u ġusti mal-ħaddiema nisa bl-istess mod li huma hekk mal-irġiel.
Din hi d-dimensjoni roża li nixtieq nagħti lill-European Green Deal, u kliemi ma waqax fuq widnejn torox. Diġà ngħatajt kelma għal darba, tnejn, tlieta, saħansitra mill-Kummissjoni Ewropea, li l-bilanċ bejn is-sessi jrid ikun parti integrali mill-istess Patt ambjentali. Hekk verament nagħmlu tranżizzjoni ġusta.
Dan hu ż-żmien li nkunu ottimisti, u li naħdmu kemm nifilħu sabiex nilħqu l-miri ambjentali tagħna. Għandna l-opportunità li nsalvaw mhux biss l-ambjent li ngħixu fih, iżda wkoll li ngħixu f’soċjetà aqwa minn dik li ngħixu fiha llum.