Editorjal: Bidliet u azzjoni fil-Pulizija
B’dak li dan l-aħħar u anki fuq il-kwistjoni tal-VITALS ikollna ngħidu li l-ħmieġ kien quddiem għajnejna u ma konniex nafu li kien daqstant imxerred
Li ġralna wara l-elezzjoni li fiha Robert Abela nħatar bħala Prim Ministru hu li qisu bdejna niskopru nuqqasijiet u taħwid li kien hemm hemm taħt Joseph Muscat.
Qisna konna qed ngħixu f’sitwazzjoni fejn kollox kien miexi fuq ir-rubini u xejn ma seta’ jmur żmerċ. Ikollna nammettu li konna aħna wkoll li blajna l-lixka u emminna dak li konna qed nisimgħu. Missna konna aktar irreverenti, aktar kurjużi.
B’dak li dan l-aħħar u anki fuq il-kwistjoni tal-VITALS ikollna ngħidu li l-ħmieġ kien quddiem għajnejna u ma konniex nafu li kien daqstant imxerred.
Il-problema mhix il-Pulizija Maltin biss. Imma nafu li l-għerq ta’ kull problema qiegħda mal-Pulizija lokali.
Il-krema fuq il-kejk kienet l-istorja fuq l-abbuż ta’ sahra tal-Pulizija. Imma ċertament hemm problema aktar profonda. L-anima intern tal-Pulizija hija l-problema.
Nistgħu nargumentaw li l-Pulizija mhumiex imħallsa tajjeb u li ma għandhomx riżorsi, iżda dan ma jiġġustifikax li fid-dawl ta’ abbużi jew inkella aġir mhux etiku l-pulizija ma jagħmlu xejn. Bħalma infatti għamlu u kienu qed jagħmlu.
Qisna konna qed ngħixu f’sitwazzjoni fejn kollox kien miexi fuq ir-rubini u xejn ma seta’ jmur żmerċ. Ikollna nammettu li konna aħna wkoll li blajna l-lixka u emminna dak li konna qed nisimgħu. Missna konna aktar irreverenti, aktar kurjużi
Li l-kundizzjonijiet tagħhom għandhom jitjiebu u li għandu jkollhom l-għodod kollha naqblu imma, u imma kbira, mhuwiex aċċettabli li meta kellhom bżonn jaġixxu dawn ma jagħmlu xejn.
Qed nitkellmu fuq rapporti numerużi tal-FIAU, l-aġenzija indipendenti li tosserva azzjonijiet finanzjarji u transazzjonijiet fiskali f’pajjiżna. Huwa magħruf ma’ kulħadd li l-FIAU kienu indikaw bl-iktar b’mod ċar li l-Pulizija kellhom biżżejjed fuq xiex joqogħdu fil-każ ta’ bosta individwi. U ma aħniex qed nitkellmu biss fuq persuni li huma politikament esposti (PEPs) bħal Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Byron Camilleri bħala ministru responsabbli għall-Pulizija għandu għadma iebsa. Mhux biss irid jara li jirriforma lill-pulizija imma li l-pulizija jkunu mmexxija minn persuni integri li huma mnebbħa minn interress ġenwin li jagħmlu l-ġid.
Il-Prim Ministru Robert Abela issa jrid jaġixxi. U ma jistax jistenna. Irid jassikura li l-pulizija mhux biss jinvestigaw imma jressqu n-nies.
Jekk ma jsir xejn hemm ċans kbir u żgur mhux forsi li l-istituzzjonijiet regolatorji jinżlu fuqna bħal sajjieta u jġibuna nitkellmu waħedna u mhux hekk biss, nispiċċaw nitilfu pilastru importanti – is-servizzi finanzjarji u magħhom il-ġid u l-impjiegi li tant huma bżonjużi għal pajjiżna.