Alex Agius Saliba | Aktar protezzjoni online u ħidma rikonoxxuta
Alex Agius Saliba huwa Ewroparlamentari tal-Partit Laburista
Matul din is-sena, il-Kummissjoni Ewropea ser tkun qed tippubblika Proposta Leġiżlattiva dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, u bħala l-membru responsabbli mir-rapport tal-Kumitat tas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur dwar din il-proposta, ninsab ħerqan biex nibda naħdem u mmexxi n-negozjati ’l quddiem.
Din se tkun biċċa leġiżlazzjoni li ser tistabbilixxi regoli ġodda dwar kif servizzi diġitali li jitwasslu b’mod elettroniku fuq pjattaformi online u permezz ta’ apparat bħal smartphones, għandhom jiġu offruti biex ikunu aktar siguri għall-konsumaturi.
Din ir-regolamentazzjoni, mistennija li twassal biex pjattaformi bħalma huma Google u Facebook, jibdew ikunu obbligati jikkontrollaw kontenut illegali li jiġi mxerred online.
Barra minn hekk, permezz ta’ dan l-Att, l-Unjoni Ewropea ser tkun qed taġġorna r-regoli tagħha dwar ir-responsabbiltà u s-sikurezza tal-pjattaformi, servizzi u prodotti diġitali li nagħmlu użu minnhom ta’ kuljum.
Naturalment, minħabba li ser jiżdiedu l-obbligi u r-responsabbiltajiet, din hija proposta li ser tkun qed taffaċċja reżistenzi kbar u ser ikun hemm għadd kbir ta’ partijiet interessati li ser ikunu qegħdin ifittxu li jinfluw enzaw dawn id-diskussjonijiet.
Naturalment, l-iskop ta’ din il-leġiżlazzjoni mhuwiex li jkun hemm regolamentazzjoni qawwija li ma tħallix lill-industrija tkompli tikber u tavvanza tant li twaħħal is-suq, però meritatament, il-konsumaturi u n-nies li jużaw dawn is-servizzi ser ikunu qed jinżammu fiċ-ċentru ta’ din il-ħidma.
Din hija sfida kbira li jien ippreparat għaliha u li ninsab determinat li nilħaq qbil fuqha, għaliex napprezza li dan il-pass għandu jwassalna biex ikollna Unjoni Ewropea aktar aġġornata u ppreparata għall-isfidi moderni li qegħdin naffaċċjaw online, u anke biex fl-aħħar mill-aħħar iċ-ċittadini tagħna jħossuhom aktar siguri permezz tal-protezzjoni li ser ikunu mogħtija.
L-Unjoni Ewropea ser tkun qed taġġorna r-regoli tagħha dwar ir-responsabbiltà u s-sikurezza tal-pjattaformi, servizzi u prodotti diġitali
Nemmen bis-sħiħ li għandna naħdmu ferm aktar biex nilħqu livell ogħla ta’ kumplimentarjetà u responsabbiltà l-industrija u l-konsumaturi, livell ogħla li jżomm l-interessi taċ-ċittadini fuq quddiem.
Fuq nota oħra, din il-ġimgħa bdiet b’aħbar ferm sabiħa li jkolli nammetti ma kontx qed nistenniha u tassew kienet sorpriża. Ġejt infurmat li ġejt magħżul mal-aħħar tliet nominati għall-unur tal-aqwa Membru Parlamentari Ewropew għas-sena 2020 fil-kategorija tas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur.
Għalija huwa tassew ta’ unur li għandi l-opportunità li nservi lill-poplu Malti u Għawdxi, u unur ikbar li ġejt fdat biex inkun parteċipi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell Ewropew.
Ta’ kuljum dan huwa sens ta’ motivazzjoni li jagħtini kuraġġ kbir biex inkompli naħdem u nippersisti għal dak li verament nemmen fih.
Bla dubju ta’ xejn, il-fatt li ġejt innutat mis-sit awtorevoli Politico Europe u issa ġejt innominat ukoll għal dan l-unur flimkien ma’ żewġ kollegi li jgawdu rispett kbir fil-Kumitat tas-Suq Intern, ikompli jimlini b’aktar ħeġġa u apprezzament lejn ix-xogħol li qed nagħmel fil-Parlament Ewropew.
Inħossni aktar kburi bil-fatt li dan l-apprezzament qed jasal tmien xhur biss wara li ġejt elett u bdejt inservi, u aktar u aktar bil-fatt li ġej mill-iżgħar Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.
Dan juri verament li aħna l-Maltin għandna ferm x’noffru lill-Unjoni Ewropea!